Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1303

Brussell, it-8 ta' Ottubru 2010

Il-bijodiversità: Il-valutazzjoni tikkonferma li l-UE ma laħqitx il-mira tal-2010, imma tgħallimna lezzjonijiet importanti

Rapport li ġie ppubblikat illum jikkonferma li l-UE ma laħqitx il-mira tagħha li twaqqaf it-telf tal-bijodiversità sal-2010. Il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Bijodiversità tal-Kummissjoni turi li l-bijodiversità tal-Ewropa għadha taħt theddida serja mit-talbiet eċċessivi li qed nagħmlu fuq l-ambjent tagħna, bħat-tibdil fl-użu tal-art, it-tniġġis, l-ispeċijiet invażivi u t-tibdil fil-klima. Madankollu, il-valutazzjoni turi li sar progress sinifikanti matul dawn l-aħħar sentejn. Il-lezzjonijiet importanti li tgħallimna mill-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni se jsaħħu l-istrateġija tal-UE ta' wara l-2010.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Tgħallimna lezzjonijiet importanti ħafna u rnexxilna nġibu l-bijodiversità fil-quċċata tal-aġenda politika. Iżda għandna bżonn il-kontribut ta' kullħadd u mhux fl-Ewropa biss. It-theddida madwar id-dinja terġa' hija ikbar minn dik fl-UE. Għalhekk huwa importanti immens li Nagoya tagħtina strateġija globali b'saħħitha dwar il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-ekosistemi."

Proċess ta' tagħlim importanti

Il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Bijodiversità kien varat fl-2006 bil-għan li jwaqqaf it-telf tal-bijodiversità fl-UE sal-2010. Il-valutazzjoni tal-progress tal-lum li saret fuq madwar 150 azzjoni differenti kkonkludiet li filwaqt li sar progress sinifikanti f'għadd ta' oqsma, il-mira globali tal-2010 għall-bijodiversità ma ntlaħqitx.

L-azzjonijiet immirati sabiex inreġġgħu lura mill-periklu l-ispeċijiet u l-ħabitats li kważi spiċċaw meqrudin, kellhom suċċess. In-netwerk Natura 2000 ġie estiż b'mod sinifikanti u issa fih madwar 26,000 sit, li jkopru 18% tat-territorju tal-art tal-UE. L-ambitu tal-finanzjament tal-LIFE+ twessa' sabiex ikopri kwistjonijiet aktar mifruxa tal-bijodiversità, u jappoġġa l-implimentazzjoni tal-pjan tal-bijodiversità tal-UE.

L-isforzi biex jiġu protetti l-ekosistemi tal-baħar u tal-ilma ħelu ġew mħeġġa bid-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima l-ġdida. Dan is-sajf il-Kummissjoni stipulat l-kriterji li għandhom jintużaw mill-Istati Membri sabiex jivvalutaw l-istatus ambjentali tal-ibħra tagħhom.

Ix-xogħol tal-istudju li għaddej dwar l-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità (TEEB) wassal għal rikonoxximent ikbar tal-valur ekonomiku tal-beni tan-natura. It-TEEB diġà qiegħed jgħin fit-teħid tad-deċiżjonijiet biex jiġi rikonoxxut il-valur ta' investiment fil-kapital naturali.

Il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Bijodiversità għen fiż-żieda tal-fehim tal-fatturi li jwasslu għat-telf tal-bijodiversità (bħat-tibdil fil-klima), kif inhuma marbutin flimkien il-bijodiversità u attivitajiet settorjali oħrajn, u r-rwol importanti tal-ekosistemi għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima.

Il-lezzjonijiet li tgħallimna se jkunu imprezzabbli biex jiżguraw li l-isforzi mġedda biex inwaqqfu t-telf tal-bijodiversità jkollhom suċċess. F'Marzu, l-UE għamlet impenn għal mira ġdida: li twaqqaf it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema fl-UE sal-2020, tirrestawrahom sa fejn huwa possibbli, filwaqt li żżid il-kontribuzzjoni tal-UE biex jiġi evitat it-telf tal-bijodiversità globali.

L-integrazzjoni f'politiki oħrajn tal-UE, tat-tħassib dwar il-bijodiversità u l-ekosistemi, se tkun ċentrali fl-istrateġija ta' wara l-2010. Ir-riformi ppjanati tal-oqsma tal-politika li għandhom implikazzjonijiet sinifikanti għall-bijodiversità – bħall-Politika Agrikola Komuni u l-Politika Komuni tas-Sajd – kif ukoll il-preparazzjonijiet għall-perjodu ta' programmar li jmiss għall-Politika Reġjonali tal-UE, ilkoll joffru opportunitajiet importanti. Dawn huma sinifikanti kemm fis-sens ta' tnaqqis tal-impatti fuq il-bijodiversità u bħala sorsi potenzjali ta' finanzjament għall-konservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità.

L-istrateġija l-ġdida għandha tibbenifika minn bażi ta' għarfien sinifikament imsaħħa, li tinkludi linja bażi dwar il-bijodiversità li għandha tippermetti li x-xejriet lil hinn mill-2010 jkunu stabbiliti u mkejla b'mod ċar.

L-istampa globali

Barra mill-UE, is-sitwazzjoni hija terġa' iżjed inkwetanti għaliex il-pressjonijiet fuq il-bijodiversità qed ikomplu jintensifikaw. Bejn 12% u 55% ta' vertebrati, invertebrati u gruppi ta' pjanti magħżula huma mhedda b'qerda totali fil-livell globali (Ħarsa lejn il-Bijodiversità Globali 3, 2010). Il-komunità internazzjonali naqset milli tikseb il-mira globali li tnaqqas it-telf tal-bijodiversità b'mod sinifikanti madwar id-dinja sal-2010. Il-miri globali l-ġodda għall-bijodiversità għandhom jiġu diskussi fl-10 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika f'Nagoya, il-Ġappun, mit-18 sad-29 ta' Ottubru.

L-UE qed taħdem biex tnaqqas l-impatt tal-konsum għoli tagħha fuq il-bqija tad-dinja, kif ukoll l-impatt tal-kummerċ internazzjonali fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi globali. L-iżviluppi jinkludu l-iffirmar tal-ewwel Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja mfassla biex jiġġieldu l-esplojtazzjoni illegali tal-foresti. Waħda mill-kwistjonijiet prinċipali fuq l-aġenda f'Nagoya għandha tkun l-iżgurar li l-benefiċċji mill-użu tar-riżorsi għall-iżvilupp ta' prodotti bħall-farmaċewtiċi u l-kożmetiċi jiġu maqsuma mal-pajjiż li oriġinaw minnu.

Ir-rapport

Il-valutazzjoni fiha abbundanza ta' fatti u dejta dwar azzjonijiet li ttieħdu biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità fis-27 Stat Membru individwali kollha u fil-livell tal-UE. Tinkludi wkoll sinteżi li tqabbel il-prestazzjoni tal-Istati Membri individwali u aġġornament tal-indikaturi tal-bijodiversità (SEBI 2010).

Biex tara r-rapport kollu, mur:

http://ec.europa.eu/environment/nature/biodiversity/comm2006/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website