Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tagħti deskrizzjoni tal-viżjoni tagħha għall-intaxxar tas-settur finanzjarju

European Commission - IP/10/1298   07/10/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1298

Brussell, is-7 ta' Ottubru 2010

Il-Kummissjoni tagħti deskrizzjoni tal-viżjoni tagħha għall-intaxxar tas-settur finanzjarju

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-ideat tagħha għall-intaxxar futur tas-settur finanzjarju. Il-Kummissjoni ressqet approċċ f'żewġ partijiet abbażi tal-fatt li s-settur finanzjarju jeħtieġ li jagħti kontribut ġust lill-finanzi pubbliċi u li l-gvernijiet jeħtieġu b'mod urġenti sorsi ġodda ta' dħul fil-klima ekonomika attwali. Fil-livell globali, il-Kummissjoni tappoġġa l-idea ta' Taxxa fuq Tranżazzjonijiet Finanzjarji (TTF), li tista' tgħin biex tiffinanzja sfidi internazzjonali bħall-iżvilupp jew it-tibdil fil-klima. Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni tirrakkomanda li Taxxa fuq Attivitajiet Finanzjarji (TAF) tkun l-għażla preferibbli. Jekk tiġi mfassla u implimentata b'attenzjoni, TAF tal-UE tista' tiġġenera dħul sinifikanti u tgħin tiżgura aktar stabbilità fis-swieq finanzjarji, mingħajr ma toħloq riskju eċċessiv għall-kompetittività tal-UE. Il-Kummissjoni se tippreżenta dawn l-ideat lill-Kunsill Ewropew fi tmiem Ottubru u lill-G20 f'Novembru.

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni, id-Dwana, l-Awditjar u l-Ġlieda kontra l-Frodi, qal: "Jeżistu raġunijiet validi għala s-settur finanzjarju għandu jiġi ntaxxat, u modi vijabbli biex dan isir. Nemmen li l-ideat imressqa mill-Kummissjoni llum huma l-ideat it-tajbin biex jiġi żgurat li s-settur finanzjarju jagħti kontribut ġust għall-isfidi l-aktar urġenti tal-UE u dawk globali."

Intaxxar tal-banek: approċċ globali u tal-UE

Il-Kummissjoni tappoġġa l-idea ta' Taxxa fuq Tranżazzjonijiet Finanzjarji (TTF) f'livell globali, u se tkompli taħdem fi ħdan il-G20 sabiex dan jinkiseb. Jekk għandhom jintlaħqu għanijiet globali ambizzjużi, f'oqsma bħall-għajnuna għall-iżvilupp u t-tibdil fil-klima, is-sħab internazzjonali se jkunu meħtieġa jaqblu dwar għodod ta' finanzjamanet globali. Taxxa fuq Tranżazzjonijiet Finanzjarji tintaxxa kull tranżazzjoni abbażi tal-valur tat-tranżazzjoni tagħha, u dan jirriżulta fi dħul sostanzjali. Il-Kummissjoni temmen li taxxa fuq tranżazzjonijiet finanzjarji li tiġi implimentata tajjeb u li tiġi applikata internazzjonalment tista' tkun mod attraenti kif jinġabru l-fondi meħtieġa għal politiki globali importanti.

Fil-livell Ewropew, il-Komunikazzjoni tissuġġerixxi li għandha titqies Taxxa fuq Attivitajiet Finanzjarji (TAF). Taxxa fuq Attivitajiet Finanzjarji timmira għall-profitti u r-rimunerazzjonijiet ta' kumpaniji tas-settur finanzjarju. B'dan il-mod, jiġu ntaxxati l-korporazzjonijiet minflok kull parti involuta fi tranżazzjoni finanzjarja. Wara analiżi fil-fond tal-għażliet possibbli għall-intaxxar tas-settur finanzjarju, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li t-TAF tkun l-aqwa strument għal tassazzjoni xierqa tas-settur finanzjarju u l-ħtieġa li jinġabar dħul ġdid fl-UE.

Kontribut ġust mis-settur finanzjarju

Sabiex tivvaluta jekk taxxa ġdida fuq is-settur finanzjarju tkunx iġġustifikata b'mod sħiħ, il-Kummissjoni eżaminat il-kontribut attwali ta' dan is-settur lill-baġits pubbliċi. Ikkonkludiet li hemm raġunijiet tajba għall-introduzzjoni tat-taxxi fuq is-settur finanzjarju mressqa minnha. L-ewwel nett, is-settur finanzjarju kien kawża ewlenija tal-kriżi finanzjarja u rċieva appoġġ sostanzjali mill-gvernijiet tul dawn l-aħħar snin. Għalhekk għandu jikkontribwixxi b'mod xieraq għall-kost tal-bini mill-ġdid tal-ekonomiji Ewropej u l-irfid tal-finanzi pubbliċi. It-tieni nett, taxxa bankarja korrettiva tista' tikkumplimenta l-miżuri regolatorji essenzjali (inkluża l-levy bankarja u l-fond ta' riżoluzzjoni) iddisinjati biex iżidu l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji u jnaqqsu l-volatilità tagħhom. Fl-aħħar nett, meta jitqies li s-settur finanzjarju huwa eżentat mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fl-UE, tali taxxa għandha tiżgura li dan is-settur ma jkunx intaxxat anqas meta mqabbel ma' oħrajn. Fil-qosor, taxxa ġdida tista' tgħin tiżgura li s-settur finanzjarju jagħti kontribut aktar ġust u sostanzjali lill-finanzi pubbliċi, tipprovdi sorsi addizzjonali ta' dħul u tgħin toħloq settur finanzjarju stabbli u aktar effiċjenti.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni se tippreżenta l-Komunikazzjoni tagħha lill-Ministri tal-Finanzi tal-UE fil-Kunsill ECOFIN fid-19 ta' Ottubru, u lill-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern tal-UE fil-Kunsill Ewropew fi tmiem Ottubru. Fil-G20 f'Novembru se tiġi ppreżentata pożizzjoni tal-UE dwar l-intaxxar tas-settur finanzjarju bil-għan li tinkoraġġixxi lis-sħab internazzjonali biex jaqblu dwar approċċ globali. Il-Kummissjoni se tibda wkoll Valutazzjoni tal-Impatt fil-fond biex teżamina aktar l-ideat li ppreżentat fil-Komunikazzjoni tal-lum, bil-għan li tressaq inizjattivi politiċi fl-2011.

Għall-Komunikazzjoni sħiħa, ara:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/index_en.htm

Għal aktar tagħrif, ara: MEMO/10/477


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website