Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Regolamentazzjoni intelliġenti: niżguraw li l-liġijiet Ewropej jibbenefikaw liċ-ċittadini u lin-negozji

Commission Européenne - IP/10/1296   08/10/2010

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1296

Brussell, it-8 ta' Ottubru 2010

Regolamentazzjoni intelliġenti: niżguraw li l-liġijiet Ewropej jibbenefikaw liċ-ċittadini u lin-negozji

Illum, il-Kummissjoni Ewropea żvelat il-pjanijiet tagħha li tkompli ttejjeb il-kwalità u r-relevanza tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Hija se tevalwa l-impatt tal-leġiżlazzjoni matul iċ-ċiklu ta' politika sħiħ: meta titfassal politika, meta tkun fis-seħħ u meta tiġi riveduta. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri biex tinkoraġġihom japplikaw "regolamentazzjoni intelliġenti" fix-xogħol tagħhom. Finalment, biex issaħħaħ il-vuċi taċ-ċittadini u l-partijiet interessati l-oħra, il-Kummissjoni ddeċidiet li żżid il-perjodu tal-konsultazzjonijiet pubbliċi tagħha mill-2012 'il quddiem.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, qal:

"Ir-regolamentazzjoni intelliġenti għandha tiżgura li l-liġijiet Ewropej jibbenefikaw liċ-ċittadini u lin-negozji. Il-kriżi finanzjarja u ekonomika wriet li r-regolamentazzjoni għandha rwol neċessarju. Hija trid titfassal tajjeb biex tilħaq l-għanijiet intenzjonati u biex trendi prosperità sostenibbli u ħarsien tal-konsumatur mingħajr ma tifga lill-operaturi ekonomiċi, b'mod partikolari l-SMEs. Il-proposti tal-lum huma essenzjali jekk irridu nilħqu l-għanijiet ambizzjużi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv stabbilit fl-Istrateġija Ewropa 2020. Parti ewlenija sabiex il-leġiżlazzjoni tkun tajba hija billi nisimgħu lil dawk li se jiġu affettwati minnha. Għal dik ir-raġuni se nsaħħu aktar il-vuċi taċ-ċittadini u partijiet interessati oħra u se nżidu l-perjodu tal-konsultazzjoni pubblika tagħna minn 8 ġimgħat għal 12-il ġimgħa."

Il-Komunikazzjoni dwar ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-UE telenka azzjoni fi tliet oqsma biex tikseb regolamentazzjoni li hija tal-ogħla kwalità possibbli, bir-rispett sħiħ tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità:

L-ewwel nett, il-Kummissjoni se tindirizza ċ-ċiklu sħiħ tal-politika billi tagħti aktar importanza lill-valutazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politiki eżistenti. L-evidenza li tirriżulta se tkun fil-qalba tat-tfassil ta' regolamentazzjoni ġdida jew riveduta, flimkien mal-valutazzjonijiet tal-impatt. Il-valutazzjonijiet tal-impatt se jkomplu jsiru għall-inizjattivi leġiżlattivi ewlenin kollha biex jipprovdu evidenza u trasparenza dwar il-benefiċċji u l-ispejjeż kollha tal-għażliet ta' politika disponibbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi. Il-Kummissjoni se tinkludi wkoll l-azzjonijiet eżistenti tagħha biex tissimplifika l-leġiżlazzjoni u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi fi ħdan ir-reviżjoni sistematika tagħha tal-leġiżlazzjoni eżistenti biex tiżgura l-impatt massimu ta' dawn l-attivitajiet.

It-tieni, minħabba li r-regolamentazzjoni intelliġenti hija responsabbiltà maqsuma bejn dawk kollha involuti fit-tfassil tal-politika (il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, l-Istati Membri u l-partijiet interessati), il-Kummissjoni se tkompli taħdem ma' dawn l-atturi kollha biex tiżgura li l-aġenda tiġi segwita b'mod attiv minnhom kollha. Hija se ssaħħaħ ukoll ix-xogħol tagħha min-naħa tal-implimentazzjoni tal-politiki billi tagħmel il-leġiżlazzjoni aktar ċara u aktar aċċessibbli, u se taħdem mal-Istati Membri, għal infurzar strett tagħha. Il-Kummissjoni qed tagħmel sejħa lill-Parlament u lill-Kunsill biex jagħmlu aktar progress dwar l-impenn tagħhom biex jagħmlu valutazzjonijiet tal-impatt dwar emendi sostantivi għall-proposti tagħha.

It-tielet, il-vuċi taċ-ċittadini u l-partijiet interessati se tissaħħaħ aktar billi jittawwal il-perjodu tal-konsultazzjoni pubblika minn 8 ġimgħat għal 12-il ġimgħa mill-2012 'il quddiem, billi titwettaq reviżjoni tal-politika ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni fl-2011 u billi tiżdied il-previdibbiltà tal-proposti pjanati tal-Kummissjoni u xogħol ta' valutazzjoni ex-post biex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jħejju l-involviment tagħhom fi stadju aktar bikri.

Il-Kummissjoni approvat ukoll Rapport tal-2009 dwar is-Sussidjarjetà u l-Proporzjonalità (is-17-il Rapport dwar Tfassil Aħjar tal-Liġi). Ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-isfond tal-prinċipji, u jippreżenta eżempji ta' każijiet ewlenin fejn tqajjem tħassib dwar is-sussidjarjetà. Huwa wera l-varjetà wiesgħa ta' opinjonijiet li kellhom l-atturi differenti – il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Parlamenti nazzjonali.

Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-progress tal-aġenda ta' regolamentazzjoni intelliġenti fit-tieni nofs tal-2012.

Sfond

Permezz tal-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni diġà kisbet bidla sinifikanti fil-mod li bih tfassal il-politika u l-abbozzi tal-leġiżlazzjoni. Dan żied it-trasparenza u l-affidabbiltà u ppromwova tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza.

Il-valutazzjonijiet tal-impatt jakkumpanjaw l-inizjattivi leġiżlattivi kollha b'impatti maġġuri u Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt li huwa indipendenti jikkontrolla l-kwalità tagħhom. Sa tmiem Awwissu 2010, il-Kummissjoni kienet għamlet 520 Valutazzjoni tal-Impatt.

Rapport Speċjali riċenti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri "Il-Valutazzjoni tal-Impatt fl-Istituzzjonijiet tal-UE: jappoġġjaw it-teħid tad-deċiżjonijiet?" (IP/10/1187) irrikonoxxa li din is-sistema li għandha skop uniku fost dawk eżistenti, hija meqjusa bħala prattika tajba fi ħdan l-UE u qed tappoġġja t-teħid tad-deċiżjonijet fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE.

Il-Kummissjoni żiedet il-firxa ta' opportunitajiet biex tippermetti lill-partijiet interessati jikkontribwixxu fil-proċess tat-tfassil tal-politika, inkluż permezz ta' pjanijiet disponibbli pubblikament li jinfurmaw dwar politika pjanata u xogħol ta' konsultazzjoni għall-inizjattivi ewlenin kollha tal-Kummissjoni.

Programm ta' Simplifikazzjoni li għaddej bħalissa qed iġib benefiċċji sostanzjali liċ-ċittadini u lin-negozji. Sa tmiem l-2010, b'kollox se jkunu ġew adottati madwar 200 proposta ta' simplifikazzjoni.

Il-Programm ta' Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi miexi kif pjanat biex jaqbeż il-mira li l-burokrazija titnaqqas b'25% sal-2012. Il-proposti tal-Kummissjoni, jekk adottati, jiġġeneraw tfaddil annwali ta' EUR 38 biljun għall-kumpaniji Ewropej, u b'hekk jitnaqqas il-piż amministrattiv b'31%. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill riċentement approvaw proposta dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud li se tiffranka EUR 18.4 biljun minn din is-somma u qed jiddiskutu proposta oħra biex jippermettu 5 miljun intrapriża żgħira li jkunu eżentati mir-regoli tal-kontabbiltà tal-UE.

Il-Kummissjoni estendiet il-mandat tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Partijiet Interessati Indipendenti, presedut minn Edmund Stoiber, sat-tmiem tal-2012.

Il-Ftehim Inter-Istituzzjonali dwar Tfassil tal-Liġi Aħjar u l-Istrateġija Inter-Istituzzjonali Komuni għall-Valutazzjoni tal-Impatt stabilixxew kif il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew jikkollaboraw f'dan il-qasam. L-esperti tal-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkollaboraw u jaqsmu l-opinjonijiet permezz tal-Grupp tal-Livell Għoli tal-Esperti Regolatorji Nazzjonali.

Aktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/governance/better_regulation/index_mt.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site