Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1292

Brussell, is-6 ta' Ottubru 2010

L-UE u l-Korea t'Isfel jiffirmaw ftehim ta' kummerċ ħieles

Il-Kummissarju għall-Kummerċ tal-UE Karel De Gucht, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Belġjan Steven Vanackere, li jirrapreżenta l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Eewropea u l-Ministru Korean għall-Kummerċ Kim Jong-hoon, illum iffirmaw Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (FKĦ) bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Korea t'Isfel. Dan il-FKĦ huwa l-ftehim l-aktar ambizzjuż li qatt ġie nnegozjat mill-UE u l-ewwel wieħed ma' pajjiż Ażjatiku. Il-firma tal-lum tfisser pass sinifikattiv fit-triq lejn l-implimentazzjoni tiegħu u wieħed mill-ġrajjiet ewlenin tal-Laqgħa Għolja bejn l-UE u l-Korea li qed iseħħ illum fi Brussell.

"Il-Ftehim bejn l-UE bejn l-UE u l-Korea t'Isfel jiċċelebra kisba sinifikattiva fit-titjib fil-konnessjonijiet kummerċjali ta' bejnietna. Dan se jipprovdi avvanz reali fl-impjiegi u tkabbir fl-Ewropa fi żmien kritiku. Dan il-ftehim wiesa' u innovattiv huwa standard ta' dak li rridu nilħqu fi ftehimiet kummerċjali oħra. "Li nittrattaw l-ostakli aktar diffiċli tan-nontariffi għall-kummerċ internazzjonali kapaċi jwassalna biex innaqqsu l-ispejjeż tan-negozju daqslikieku qed inneħħu d-dazji tal-importazzjoni, jekk mhux aktar minn hekk."

It-test tal-FKĦ kien inizjalat bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Korea t'Isfel fil-15 ta' Ottubru 2009. Sadanittant it-test tal-Ftehim kien tradott għall-Korean u l-21 lingwa tal-UE. L-Istati Membri kollha tal-UE ffirmaw il-FKĦ qabel iċ-ċerminonja tal-iffirmar uffiċjali llum.

Id-data tal-adozzjoni proviżorja se tkun l-1 ta' Lulju 2011, u dan kemm-il darba l-Parlament Ewropew jagħti l-kunsens tiegħu għall-FKĦ, u jkun daħal fis-seħħ ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta l-klawsola bilaterali ta' salvagwardja tal-FKĦ bejn l-UE l-Korea t'Isfel. L-Istati Membri tal-UE se jkollhom jirratifikaw ukoll il-ftehim skont il-liġijiet u l-proċeduri tagħhom.

Hemm studju li jistma li l-ftehim se joħloq kummerċ ġdid ta' oġġetti u servizzi li jiswa €19.1 biljun għall-UE; studju ieħor jikkalkula li fl-20 sena li ġejjin, l-kummerċ bilaterali bejn l-UE u l-Korea t'Isfel se jiżdied b'aktar mid-doppju, u dan meta mqabbel max-xenarju mingħajr il-FKĦ. Dan il-ftehim virtwalment se jneħħi d-dazji kollha tal-importazzjoni bejn iż-żewġ ekonomiji kif ukoll l-ostakli tan-nontariffi. L-esportaturi tal-UE tal-oġġetti industrijali u agrikoli lejn il-Korea t'Isfel mhux se jibqgħu jħallsu t-tariffi. Malli jitneħħew id-dazji kompletament, l-esportaturi tal-UE se jiffrankaw €1.6 biljun fis-sena. Nofs dan l-iffrankar se jseħħ mill-ewwel, minn dakinhar li jidħol fis-seħħ il-Ftehim.

Il-FKĦ se joħloq ukoll aċċess ġdid għal suq tas-servizzi u investiment u se jagħmel avvanzi ewlenin f'oqsma bħalma huma l-proprjetà intellettwali, ix-xiri bit-tenders, il-politika tal-komptetizzjoni u l-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli.

Sfond

Il-kummerċ ta' oġġetti bejn l-UE u l-Korea t'Isfel kien jiswa €54 biljun fl-2009. Bħalissa l-UE għandha defiċit fil-kummerċ tal-oġġetti mal-Korea t'Isfel minkejja li x-xejriet jissuġġerixxu li s-suq Korean joffri potenzjal ta' tkabbir sinifikattiv. Għal prodotti bħal kimiċi, farmaċewtiċi, partijiet tal-karozzi, makkinarju industrijali, żraben, tagħmir mediku, metalli mhux tal-ħadid, ħadid u azzar, ġilda u pil, injam, ċeramika u ħġieġ, l-UE għandha bilanċ pożittiv kummerċjali f'saħħtu. Bl-istess mod, għall-prodotti agrikoli l-Korea t'Isfel huwa wieħed mis-swieq l-aktar importanti globalment għall-bdiewa tal-UE b'bejgħ annwali ta' aktar minn €1 biljun. Dwar is-servizzi, l-UE għandha bilanċ pożittiv mal-Korea t'Isfel ta' €3.4 biljun, b'esportazzonijiet ta' €7.8 biljun fl-2008 u importazzjonijiet ta' €4.4 biljun.

F'dawk li huma tariffi, fl-ewwel ħames snin mid-dħul fis-seħħ tal-FKĦ il-Korea t'Isfel u l-UE se jeliminaw 98.7 % tad-dazji f'valur ta' kummerċ, kemm fuq il-prodotti industrijali kif ukoll fuq dawk agrikoli. Sa tmiem il-perjodi tranżitorji, id-dazji se jkunu tneħħew kważi minn fuq il-prodotti kollha, bi ftit eċċezzjonijiet fis-settur agrikolu. Din hi l-firxa kummerċjali l-aktar ambizzjuża li qatt inkisbet b'FKĦ negozjat mill-UE.

Għal aktar informazzjoni

Memorandum dwar il-FKĦ bejn l-UE u l-Korea t'Isfel:

http://trade.ec.europa.eu/doclib/press/index.cfm?id=624&serie=371&langId=en

L-għaxar benefiċċji ewlenin tal-FKĦ bejn l-UE u l-Korea t'Isfel:

http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2010/october/tradoc_146695.pdf

Kummerċ bejn l-UE u l-Korea t'Isfel:

http://ec.europa.eu/trade/creating-opportunities/bilateral-relations/countries/korea/

It-test tal-Ftehim: http://trade.ec.europa.eu/doclib/press/index.cfm?id=443&serie=273&langId=en

L-elementi ewlenin tal-ftehim: "Gwida ħafifa għall-qari tal-FKĦ bejn l-UE u l-Korea t'Isfel":

http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2009/october/tradoc_145203.pdf


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website