Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-ġlieda kontra l-esportazzjoni illegali tal-injam: l-Unjoni Ewropea u l-Kamerun jingħaqdu biex jiżguraw l-oriġini legali tal-prodotti tal-injam importati fl-UE

European Commission - IP/10/1291   06/10/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1291

Brussell, 6 ta' Ottubru 2010

Il-ġlieda kontra l-esportazzjoni illegali tal-injam: l-Unjoni Ewropea u l-Kamerun jingħaqdu biex jiżguraw l-oriġini legali tal-prodotti tal-injam importati fl-UE

Illum, l-Unjoni Ewropea ffirmat il-Ftehim ta' Sħubija Volontarja mal-Kamerun, l-akbar esportatur Afrikan tal-prodotti tal-injam lejn l-UE. Sa Lulju 2012, il-konsenji kollha tal-prodotti tal-injam mill-Kamerun lejn l-UE jridu jkollhom liċenzja li turi li l-injam u l-prodotti tal-injam huma ta' oriġini legali. Dan il-ftehim jesprimi impenn konġunt qawwi biex iwaqqaf il-qtugħ tas-siġar illegali u juri r-riformi li għaddejjin fil-Kamerun lejn governanza tajba fis-settur tal-foresti u l-iżvilupp. Il-konsumaturi Ewropej, min-naħa tagħhom, jistgħu jkunu moħħhom mistrieħ li l-prodotti tal-injam, bħall-għamara, importati mill-Kamerun, ikunu ta' oriġini legali.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs qal: "Dan il-Ftehim huwa pass kbir 'il quddiem fil-ġlieda tagħna kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u se jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u biex jitnaqqas il-faqar fil-Kamerun. Il-ftehim fl-istess ħin iwieġeb għal aspetattivi dejjem aktar qawwijin fl-Ewropa għal legalità verifikata tal-prodotti tal-injam. Dan se jkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi Ewropej minħabba li huma jistgħu jkunu ċerti li meta jixtru l-injam mill-Kamerun, dan ikun ta' oriġini legali."

In-negozjati tal-ftehim bejn il-Kamerun u l-UE bdew fl-2007 u kienu bażati fuq interazzjoni attiva bejn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u s-settur privat. Bħalissa diġà qed tiġi żviluppata sistema nazzjonali għar-rintraċċibiltà tal-injam.

Il-qtugħ illegali tas-siġar għandu impatt devastanti fuq il-foresti tad-dinja u fuq il-persuni li jiddependu fuq ir-riżorsi li dawn jipprovdu. Ir-rispons tal-Unjoni Ewropea biex tindirizza l-qtugħ illegali tas-siġar jinsab fil-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ tal-2003. Il-bażi ta' din il-politika huwa l-Ftehim ta' Sħubija Volontarja bejn l-UE u l-pajjiżi li jesportaw l-injam.

Il-Kamerun huwa wieħed mill-pajjiżi ewlenin li jesportaw l-injam bil-Baċir tal-Kongo, li jikkostitwixxi t-tieni l-akbar foresta tropikali tad-dinja. 80% tal-injam mill-Kamerun huwa esportat lejn l-UE.

L-akbar esportatur Afrikan tal-injam iebes tropikali lill-Ewropa bi ħsiebu jwaqqaf sistema nazzjonali biex jiżgura konformità legali fil-produzzjoni tal-injam, li tkopri l-injam kollu u l-prodotti tal-injam mibjugħa lill-UE, kif ukoll is-suq domestiku u lis-swieq li m'humiex tal-UE. L-Unjoni Ewropea fl-istess ħin se tiggarantixxi aċċess bla restrizzjoni għas-suq kollu tagħha għall-prodotti kollha tal-injam li ġejjin mill-Kamerun li ġew verifikati bħala legali. Dawn is-sistemi aktar stretti ta' kontroll se jippermettu wkoll lill-Kamerun li jwaqqaf id-deforestazzjoni illegali u d-degradazzjoni li jikkontribwixxu għall-bidla fil-klima.

Il-Ministru tal-Kamerun Elvis Ngolle Ngolle, li huwa inkarigat mill-foresti u l-wirt naturali, ffirma l-ftehim f'isem il-Kamerun. Dan huwa t-tielet serje ta' ftehimiet bilaterali li huma nnegozjati bejn l-UE u l-pajjiżi li jipproduċu l-injam (ftehimiet oħra ġew iffirmati mar-Repubblika tal-Kongo aktar kmieni din is-sena u mal-Gana fl-2009).

Tagħrif għall-istampa:

Laqgħa għall-ġurnalisti se tiġi organizzata wara ċ-ċerimonja tal-iffirmar nhar l-Erbgħa, 6 ta' Ottubru 2010. Il-ġurnalisti se jiġu provduti bid-dettalji f'komunikazzjoni separata.

Iktar tagħrif:

Aktar informazzjoni dwar l-inizjattiva Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ hija disponibbli fuq il-websajt tad-DĠ għall-Iżvilupp.

Ara wkoll MEMO/10/474

Websajt tal-Kummissarju Piebalgs


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website