IP/10/1289
Brussell, is-6 ta' Ottubru 2010
Ir-Rebbieħa tal-Premju tal-UE għal-Litteratura mħabbra fil-Fiera tal-Kotba ta' Frankfurt
Il-Kummissjoni Ewropea, il-Federazzjoni Ewropea tal-Bejjiegħa tal-Kotba (EBF), il-Kunsill Ewropew tal-Kittieba (EWC) u l-Federazzjoni tal-Pubblikaturi Ewropej (FEP) ħabbru l-awturi rebbieħa tat-tieni Premju Annwali tal-Unjoni Ewropea għal-Litteratura fil-Fiera tal-Kotba ta' Frankfurt illum. Il-premju għandu l-għan li jiġbed l-attenzjoni lejn it-talenti l-ġodda u li jippromwovi l-pubblikazzjoni tal-kotba tagħhom f'pajjiżi differenti, kif ukoll li jiċċelebra d-diversità kulturali Ewropea. Il-11-il awtur rebbieħ ġew magħżula minn ġuriji nazzjonali fil-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Dawn se jirċievu l-premju tagħhom mingħand Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, waqt ċerimonja fit-18 ta' Novembru fi Brussell.
Il-Kummissarju Vassiliou qalet: "Għandi pjaċir inħabbar ir-rebbieħa ta' din is-sena u nittama li l-premju se jwassal għall-possibbiltà li x-xogħlijiet tagħhom jiġu tradotti u b'hekk jilħqu aktar qarrejja barra minn pajjiżhom. Ladarba jiġu tradotti u promossi, il-kotba tagħhom jistgħu wkoll jipprovdu l-kontenut għal film, għat-televiżjoni u t-teatru u jikkontribwixxu għas-suċċess tal-industriji kulturali u kreattivi tagħna."
Il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Litteratura huwa ffinanzjat mill-Programm tal-Kultura tal-UE, il-Federazzjoni Ewropea tal-Bejjiegħa tal-Kotba, il-Kunsill Ewropew tal-Kittieba u l-Federazzjoni tal-Pubblikaturi Ewropej. Kull awturi rebbieħ jirċievi EUR 5 000.
Il-pajjiżi li huma intitolati li jinnominaw l-awturi rebbieħa jinbidlu kull sena, sabiex il-35 pajjiż kollha li qegħdin jieħdu sehem fil-programm jiġu rappreżentati fuq perjodu ta' tliet snin.
Id-diversità kulturali u lingwistika tal-Ewropa hija vantaġġ kbir, iżda tippreżenta sfidi wkoll. Pereżempju, l-Unjoni Ewropea għandha 23 lingwa uffiċjali, madwar 60 lingwa reġjonali u minoritarji, u tuża tliet alfabetti (Latin, Ċirilliku u Grieg).
Kull sena, bosta kittieba ġodda Ewropej jippubblikaw ix-xogħlijiet tagħhom nazzjonalment iżda ftit minnhom jaraw il-kotba tagħhom tradotti f'lingwa Ewropea oħra li potenzjalment jista' jgħinhom biex jilħqu l-550 miljun persuna li qegħdin jgħixu fl-UE.
Il-Programm tal-Kultura tal-UE joffri wkoll sostenn finanzjarju għat-traduzzjoni ta' xogħlijiet letterarji. Mill-2007, dan ipprovda EUR 8,5 miljun biex jiffaċilita t-traduzzjoni ta' 1 500 ktieb.
Ir-rebbieħa tal-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Litteratura tal-2010 huma:
IL-BELĠJU
Peter Terrin
Ktieb: De Bewaker (2009)
Dar ta' pubblikazzjoni: De Arbeiderspers
ĊIPRU
Myrto Azina Chronides
Ktieb: To Peirama (2009)
Dar ta' pubblikazzjoni: Armida Publications
ID-DANIMARKA
Adda Djørup
Ktieb: Den mindste modstand (2009)
Dar ta' pubblikazzjoni: Samleren
L-ESTONJA
Tiit Aleksejev
Ktieb: Palveränd (2008)
Dar ta' pubblikazzjoni: Varrak
IL-FINLANDJA
Riku Korhonen
Ktieb: Lääkäriromaani (2008)
Dar ta' pubblikazzjoni: Sammakko
IL-ĠERMANJA
Iris Hanika
Ktieb: Das Eigentliche (2010)
Dar ta' pubblikazzjoni: Droschl Verlag
IL-LUSSEMBURGU
Jean Back
Ktieb: Amateur (2009)
Dar ta' pubblikazzjoni: Ultimondo
IR-RUMANIJA
Răzvan Rădulescu
Ktieb: Teodosie cel Mic (2006)
Dar ta' pubblikazzjoni: Polirom
IS-SLOVENJA
Nataša Kramberger
Ktieb: Nebesa v Robidah (2007)
Dar ta' pubblikazzjoni: Javni sklad RS za ljubiteljske dejavnosti
SPANJA
Raquel Martínez-Gómez
Ktieb: Sombros de unicornio (2007)
Dar ta' pubblikazzjoni: Algaida Editores
Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja
Goce Smilevski
Ktieb: Сестрата на Зигмунд Фројд (2007)
Dar ta' pubblikazzjoni: Kultura
Għal aktar tagħrif
Websajt tal-Programm tal-Kultura:
http://ec.europa.eu/culture/our-programmes-and-actions/doc627_en.htm
Premju Ewropew għal-Litteratura: http://www.euprizeliterature.eu/