Navigation path

Left navigation

Additional tools

Brussell, is-6 ta' Ottubru 2010L-"Unjoni għall-Innovazzjoni" – inbidlu l-ideat f'impjiegi, fi tkabbir ekoloġiku u f'progress soċjali

European Commission - IP/10/1288   06/10/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO GA

IP/10/1288

Brussell, is-6 ta' Ottubru 2010L-"Unjoni għall-Innovazzjoni" – inbidlu l-ideat f'impjiegi, fi tkabbir ekoloġiku u f'progress soċjali

L-"Innovazzjoni għall-Unjoni" tal-Kummissjoni Ewropea, li ġiet ippreżentata llum, tiddeskrivi approċċ strateġiku għall-innovazzjoni, xprunat mil-ogħla livell politiku. L-Unjoni għall-Innovazzjoni se tiffoka l-isforzi tal-Ewropa – u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi – fuq sfidi bħal ngħidu aħna l-bidla fil-klima, l-enerġija u s-sigurtà alimentari, is-saħħa u fuq popolazzjoni li kull ma jmur qed tixjieħ. Se tuża l-intervent tas-settur pubbliku biex tistimola s-settur privat u tneħħi l-ostakli li jwaqqfu l-fluss ta' ideat milli jaslu fis-suq. Dawn jinkludu n-nuqqas ta' finanzi, sistemi u swieq tar-riċerka frammentati, in-nuqqas tal-użu tal-akkwist pubbliku għall-innovazzjoni u stabbiliment li jieħu fit-tul tal-istandards. L-innovazzjoni għall-Unjoni hija "inizjattiva ewlenija" fl-Istrateġija Ewropa 2020.

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza u l-Viċi-President Antonio Tajani, responsabbli għall-industrija u intraprenditorjat qalu hekk: "Issa li ħerġin mill-kriżi qed nidħlu fil-bir tas-skieken tal-kompetizzjoni globali sfrenata, u qed niffaċċjaw l-urġenza tal-innovazzjoni. Jekk ma nittrasformawx l-Ewropa f'Unjoni għall-Innovazzjoni, l-ekonomiji tagħna se jmutu qabel il-waqt u l-ideat u t-talent se jispiċċaw fix-xejn. L-Innovazzjoni hija ta' importanza ewlenija għall-bini tat-tkabbir sostenibbli u tas-soċjetajiet aktar ġusti u ekoloġiċi. Bidla radikali fil-prestazzjoni tal-innovazzjoni fl-Ewropa hija l-uniku mod kif jistgħu jinħolqu impjiegi mħallsin tajjeb li jdumu fit-tul u li jirreżistu għall-pressjonijiet tal-globalizzazzjoni. "

Studju ġdid1 juri li jekk tintlaħaq il-mira tal-Ewropa 2020 taż-żieda fl-investiment R&D għal tlieta fil-mija tal-PGD hemm il-possibbiltà li jinħolqu 3.7 miljun impjieg u li sal-2025 il-PGD annwali jiżdied b'EUR 795 biljun. Dan jirrikjedi miljun riċerkatur oħra.

Għaxar elementi ewlenin fl-Unjoni għall-Innovazzjoni

  • Sħubijiet Ewropej fl-Innovazzjoni jimmobilizzaw il-partijiet involuti – dawk Ewropej, nazzjonali u reġjonali, pubbliċi u privati – msejsa fuq miri definiti b'mod tajjeb f'oqsma ta' politika li jgħaqqdu t-trattament tal-isfidi tas-soċjetà mal-potenzjal li l-Ewropa ssir mexxejja dinjija. L-Isħubijiet se jżidu l-isforzi fl-R&D, jikkoordinaw l-investiment, iħaffu l-istandards u jimmobilizzaw id-domanda. Il-Kummissjoni se tipprovdi fondi ta' "kapital inizjali" ["seed corn"] biex tiġbed l-investiment tal-partijiet involuti. Sħubija pilota dwar ix-xjuħija attiva u b'saħħitha se titnieda sal-bidu tal-2011, bil-għan li testendi b'sentejn sal-2020 dak il-proporzjon ta' ħajjitna li fih ingawdu stat tajjeb ta' saħħa. Se jsegwu aktar sħubijiet f'oqsma bħall-enerġija, il-bliet "intelliġenti" u l-mobbiltà, l-effiċjenza fl-ilma, il-materji prima li mhumiex tal-enerġija, u l-agrikoltura sostenibbli u produttiva.

  • Il-Kummissjoni ġabret flimkien 25 indikatur f'"Tabella tal-Prestazzjoni tal-Unjoni għall-Innovazzjoni", u lista ta' verifika dwar il-karatteristiċi tas-sistemi ta' innovazzjoni ta' suċċess. Se jiġi żviluppat indikatur ġdid dwar is-sehem fl-ekonomija ta' kumpaniji innovattivi li qed jikbru b'rata mgħaġġla. Il-Kummissjoni se tappoġġja sistema indipendenti ta' klassifikazzjoni għall-universitajiet.

  • Il-Kummissjoni se tressaq miżuri għat-titjib fl-aċċess għall-finanzi. Se tipproponi sistema għal kapital ta' riskju fil-livell transkonfinali, se taħdem mal-Bank Ewropew tal-Investiment biex ittejjeb skemi tal-UE bħall-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji u se taħtar protagonist ewlieni biex isaħħaħ l-ippariġġar transkonfinali ta' kumpaniji innovattivi ma' investituri

  • L-inizjattivi tar-riċerka eżistenti se jitħaffu. Il-Kummissjoni se tipproponi miżuri biex tiffinalizza ż-Żona Ewropea tar-Riċerka – kondizzjoni legali skont it-Trattat ta' Lisbona – sal-2014. Dan isarraf f'aktar koerenza bejn il-politiki tar-riċerka Ewropej u dawk nazzjonali, u fit-tneħħija tal-burokrazija u tal-ostakli għall-mobbiltà tar-riċerkaturi, bħan-nuqqas tat-trasferibbiltà tad-drittijiet tal-pensjoni. Ifisser ukoll li l-ftuħ tal-aċċess għar-riżultati tar-riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku jlaħħaq sal-massimu tiegħu. L-FP8 se jkun imfassal b'mod li jappoġġja l-Ewropa 2020. Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija se jkunu żviluppati aktar. Il-Kummissjoni se tirrinforza l-bażi xjentifika għat-tfassil tal-politika bis-saħħa taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tagħha.

  • Fl-2011 il-Kummissjoni se tistabbilixxi Bord Ewropew għat-Tmexxija fid-Disinni u Tikketta Ewropea għall-Eċċellenza fid-Disinn.

  • Fl-2011 il-Kummissjoni se tniedi programm ta' riċerka maġġuri dwar is-settur pubbliku u l-innovazzjoni soċjali u se tagħmel proġett pilota msejjaħ Tabella tal-Prestazzjoni Ewropea dwar l-Innovazzjoni fis-Settur Pubbliku Se tniedi Proġett pilota Ewropew għall-Innovazzjoni Soċjali biex dan jipprovdi għarfien espert għall-innovaturi soċjali u se tipproponi l-innovazzjoni soċjali bħala qasam li jirrikjedi attenzjoni partikolari fil-programmi tal-Fond Soċjali Ewropew. Se tikkonsulta mas-sħab soċjali dwar it-tixrid tal-ekonomija tal-innovazzjoni fost il-livelli kollha tax-xogħol.

  • Il-Kummissjoni tipproponi li l-gvernijiet iwarrbu baġits allokati għall-akkwist pubbliku ta' prodotti u servizzi innovattivi. Dan għandu joħloq suq tal-akkwist pubbliku li jkun jiswa tal-anqas EUR 10 biljun fis-sena għal innovazzjonijiet li jtejbu s-servizzi għall-pubbliku. Il-Kummissjoni se toffri gwida dwar l-akkwist konġunt bejn entitajiet kontraenti minn Stati Membri differenti.

  • Fil-bidu tal-2011, il-Kummissjoni se tagħmel proposta leġiżlattiva biex tħaffef u timmodernizza l-istabbiliment ta' standards biex tiffaċilita l-interoperabbiltà u tħeġġeġ l-innovazzjoni.

  • Jeħtieġ li s-sistema tal-proprjetà intellettwali tal-Ewropa tiġi modernizzata. Qbil dwar il-Privattiva tal-UE għandu jiffranka lin-negozji EUR 250 miljun fis-sena. Fl-2011 il-Kummissjoni se tagħmel proposti biex jiġi żviluppat suq Ewropew tal-għarfien għall-privattivi u l-ħruġ tal-liċenzji.

  • Għandhom jiġu riveduti l-oqfsa ta' finanzjament strutturali u ta' għajnuna mill-istat bil-għan li tkun xprunata l-innovazzjoni. Il-Kummissjoni se tgħin lill-Istati Membri biex jisfruttaw aħjar is-EUR 86 biljun disponibbli mill-fondi strutturali u pprogrammati għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-2007-13. Se tipproponi qafas għall-Fondi Strutturali ta' wara l-2013 b'aktar attenzjoni ffokata fuq l-innovazzjoni. Fl-2011 se tirrevedi l-qafas tal-għajnuna mill-istat.

L-Unjoni għall-Innovazzjoni se tkun diskussa fil-Kunsill tal-Kompetittività fit-12 ta' Ottubru u fil-Kunsill Ewropew f'Diċembru. Il-progress se jiġi mmonitorjat bħala parti mill-governanza tal-Istrateġija Ewropa 2020. Kull sena se ssir Konvenzjoni dwar l-Innovazzjoni li se tiddiskuti l-qagħda tal-Unjoni għall-Innovazzjoni.

Għal iktar tagħrif

MEMO/10/473

http://ec.europa.eu/innovation-union

http://ec.europa.eu/enterprise/policies/innovation/index_mt.htm

http://www.facebook.com/innovation.union

http://twitter.com/innovationunion

http://blogs.ec.europa.eu/innovationunlimited/

1 :

P. Zagamé, (2010) The cost of a non-innovative Europe [mhux disponibbli bil-Malti],

http://ec.europa.eu/research/social-sciences/policy-briefs-research-achievements_en.html


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website