Sélecteur de langues
Chemin de navigation
IP/10/1284
Brussell, l-4 ta' Ottubru 2010
L-Ewropa tapprova EUR 500 miljun għall-iskema ta' għajnuna alimentari għal min hu fil-bżonn għall-2011
Il-Kumitat ta' Ġestjoni tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq Unika vvota għall-pjanijiet għall-għajnuna alimentari mressqa mill-Istati Membri għall-iskema ta' għajnuna għal min hu fil-bżonn għall-2011. Is-sena li ġejja, 20 Stat Membru se jużaw l-iskema – bir-Repubblika Ċeka tipparteċipa fiha għall-ewwel darba. L-iskema, li oriġinarjament tfasslet biex il-ħażniet iż-żejda tal-prodotti agrikoli ("il-ħażniet ta' intervent") jitqassmu fost dawk li huma fil-bżonn, ġiet emendata f'nofs id-disgħinijiet biex, f'ċerti ċirkostanzi, wieħed ikun jista’ jissupplimenta l-ħażniet ta' intervent b'xiri mis-suq. Madankollu, din is-sena l-ħażniet ta' intervent eżistenti (taċ-ċereali, z-zokkor, it-trab tal-ħalib, u kwantitajiet limitati ta' butir) ikopru l-biċċa l-kbira mill-ħtiġijiet tal-pjan għall-2011, u għalhekk jeħtieġ biss rikors limitat għax-xiri mis-suq. Il-baġit allokat huwa ta' EUR 500 miljun u jikkorrispondi għal dak tal-pjanijiet tal-2009 u l-2010. L-iskema għall-2011 mhix relatata mal-proposta adottata riċentement biex l-iskema tiġi aġġustata fil-futur [ara IP/10/1141]. Il-pjan għall-2011 issa se jiġi adottat mill-Kummissjoni fil-futur qarib.
Dacian Ciolos, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, qal dwar il-programm: "L-iskema ta' għajnuna għal min hu fil-bżonn hija sinjal ieħor li l-Politika Agrikola Komuni mhix biss għall-bdiewa, iżda għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Is-sena l-oħra, madwar 13-il miljun persuna bbenefikaw mid-diversi programmi nazzjonali."
Sfond
It-tqassim b'xejn tal-ikel min-naħa tal-Komunità lill-persuni l-aktar fil-bżonn kien tnieda bħala miżura urġenti fi żmien l-emerġenza tax-xitwa eċċezzjonalment kiesħa ta bejn l-1986 u l-1987, meta l-ħażniet iż-żejda tal-prodotti agrikoli kienu ngħataw lill-għaqdiet tal-karità tal-Istati Membri sabiex dawn iqassmuhom lill-persuni fil-bżonn. Wara, din il-miżura saret waħda ta’ kull sena, msejsa fuq l-użu tal-ħażniet ta' intervent. Din l-iskema ppermettiet lill-Istati Membri jiżblokkaw il-ħażniet pubbliċi tal-ikel żejjed bil-għan li jintużaw bħala għajnuna alimentari. Il-proċess ta' riforma tal-Politika Agrikola Komuni (il-PAK), li nbeda fil-bidu tas-snin disgħin u li kellu l-għan li jnaqqas b'mod drastiku l-ħażniet ta' intervent Komunitarji, xorta waħda kkontribwixxa biex jawtorizza r-rikors għax-xiri mis-suq f'ċerti ċirkostanzi. Madankollu, din is-sena l-kwantitajiet fil-ħażniet ta' intervent huma suffiċjenti biex jippermettu li tiġi koperta l-biċċa l-kbira tal-pjan, u għalhekk jeħtieġ biss rikors limitat ħafna għax-xiri mis-suq. It-tnaqqis sostenibbli li sar fil-ħażniet ta' intervent xorta wassal għat-tfassil ta' proposti għal riforma tal-programm tal-għajnuna li għandhom l-għan li jadattawh għall-iżviluppi fil-PAK u li jtejbu l-effiċjenza tiegħu fir-rigward tal-persuni l-aktar fil-bżonn.
Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-programm hija volontarja, u l-Kummissjoni tadotta pjan ġdid kull sena . L-għajnuna ġeneralment tingħata lil firxa wiesgħa ta' nies li qed jgħixu fil-faqar, fosthom lil familji f'diffikultajiet, lil nies anzjani li ma għandhomx biżżejjed mezzi, lil dawk bla dar, lill-persuni b'diżabbiltà, lil tfal li jinsabu f'riskju, lill-foqra li jaħdmu, lill-ħaddiema immigranti u lill-persuni li qed ifittxu l-ażil, bl-Istati Membri jaħdmu mal-għaqdiet tal-karità u/jew mas-servizzi soċjali lokali.
L-Istati Membri li jixtiequ jieħdu sehem fil-programm jgħarrfu lill-Kummissjoni fil-bidu ta' kull sena u mbagħad jgħarrfuha bil-ħtiġijiet tagħhom għall-prodotti speċifiċi. Għandhom ukoll jipprovdulha rapport dwar l-implimentazzjoni tal-programm.
Għalkemm l-UE għandha, bħala medja, wieħed mill-ogħla standards tal-għajxien fid-dinja, hemm nies li ma għandhomx biex jieklu b'mod xieraq. Skont l-istimi l-aktar reċenti, bħala medja, 17 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea tgħix fuq l-għatba tal-faqar jew tgħix fil-faqar u, bħala konsegwenza, tħabbat wiċċha mal-faqar alimentari, hekk li, pereżempju, lanqas tista' tiekol ikla bbilanċjata kull jumejn.
Għal aktar tagħrif:
Għal dokumenti u iktar tagħrif dwar il-programm ta' tqassim tal-ikel għall-persuni li huma l-iktar fil-bżonn, jekk jogħġbok ara: http://ec.europa.eu/agriculture/markets/freefood/index_en.htm
Anness 1: Il-kwantità ta' kull tip ta' prodott li għandha tittieħed mill-ħażniet ta' intervent Komunitarji sabiex titqassam fl-Istati Membri fil-qafas tal-pjan tal-2011
Anness 2: Ir-riżorsi disponibbli għall-Istati Membri fil-qafas tal-pjan tal-2011
Anness 1:
Il-kwantità ta' kull tip ta' prodott li għandha tittieħed mill-ħażniet ta' intervent Komunitarji sabiex titqassam fl-Istati Membri fil-qafas tal-pjan tal-2011
(f'tunnellati)
Stat Membru | Ċereali | Butir | Trab tal-ħalib xkumat | Zokkor |
Il-Belġju | 74 030 | - | 1 687 | |
Il-Bulgarija | 103 318 | - | - | |
Ir-Repubblika Ċeka | 401 | - | - | 9 |
L-Estonja** | 7 068 | - | - | |
L-Irlanda | 250 | 109 | - | |
Il-Ġreċja | 88 836 | 976 | - | |
Spanja | 305 207 | - | 23 507 | |
Franza | 491 108 | - | 11 305 | |
L-Italja | 467 683 | - | 28 281 | |
Il-Latvja | 50 663 | - | 730 | |
Il-Litwanja | 61 000 | - | 704 | |
Il-Lussemburgu*** | - | - | - | |
L-Ungerija | 132 358 | - | - | |
Malta | 5 990 | - | - | |
Il-Polonja | 441 800 | - | 15 686 | |
Il-Portugall | 61 906 | 458 | 5 000 | |
Ir-Rumanija | 370 000 | - | 5 600 | |
Is-Slovenja | 14 159 | - | 500 | |
Is-Slovakkja | 45 000 | - | - | |
Il-Finlandja | 38 500 | - | 899 | |
Total | 2 759 277 | 1 543 | 93 899 | 9 |
Anness 2:
Ir-riżorsi disponibbli għall-Istati Membri fil-qafas tal-pjan tal-2011
(f'EUR)
Stat Membru | Tqassim |
Il-Belġju | 10 935 075 |
Il-Bulgarija | 11 042 840 |
Ir-Repubblika Ċeka | 120 462 |
L-Estonja | 782 938 |
L-Irlanda | 1 196 457 |
Il-Ġreċja | 20 045 000 |
Spanja | 74 731 353 |
Franza | 72 741 972 |
L-Italja | 100 649 380 |
Il-Latvja | 6 723 467 |
Il-Litwanja | 7 781 341 |
Il-Lussemburgu | 107 483 |
L-Ungerija | 14 146 729 |
Malta | 640 243 |
Il-Polonja | 75 320 186 |
Il-Portugall | 20 513 026 |
Ir-Rumanija | 49 578 143 |
Is-Slovenja | 2 409 038 |
Is-Slovakkja | 4 809 692 |
Il-Finlandja | 5 725 175 |
Total | 480 000 000 |