Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1269

Brussell, l-1 ta' Ottubru 2010

Applikazzjoni aħjar tal-liġi Komunitarja

Il-Kummissjoni Ewropea llum ippreżentat ir-Rapport Annwali tagħha dwar il-monitoraġġ tal-Applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja (2009). Ir-rapport jenfasizza l-importanza kbira tal-applikazzjoni sħiħa u korretta tad-dritt tal-UE sabiex jiġu mogħtija d-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mid-dritt tal-UE. Dan ir-rapport jagħmilha ċara li, minkejja l-fatt li s-sitwazzjoni tjiebet xi ftit, għad baqa' sfida prinċipali – id-dewmien fit-traspożizzjoni tad-direttivi mill-Istati Membri. L-istrumenti ġew estiżi u żdiedu dejjem aktar l-isforzi, fi sħubija mal-Istati Membri, sabiex jiġu evitati problemi ta' traspożizzjoni u jkun hemm applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-UE.

L-Unjoni Ewropea tamministra madwar 8000 att legali fis-seħħ f'27 Stat Membru. L-isfidi huma inevitabbilment ħafna u differenti, u l-proċess ta' ksur għandu rwol essenzjali sabiex jiggarantixxi l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Ir-rapport jikkonferma l-persentaġġ għoli ta' kwistjonijiet solvuti mingħajr il-bżonn li jsir rikors lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (95% tal-ilmenti ngħalqu qabel ma ngħatat is-sentenza mill-ECJ). Fl-aħħar tal-2009, il-Kummissjoni kienet qed titratta madwar 2900 ilment u fajls dwar ksur, 16% anqas milli fl-2008 u bi tnaqqis ta' 26% fil-proċedimenti kontra Stati Membri talli ma jinnotifikawx miżuri li jittrasponu direttivi. In-numru ta' kawżi ta' ksur ibbażati fuq ilmenti naqas bi 15% meta wieħed iqabbel mas-sena preċedenti. Is-setturi li huma mgħobbijin bl-aktar każijiet sinifikanti għadhom l-ambjent, it-tassazzjoni, l-enerġija, it-trasport u s-suq intern.

Oqsma prijoritarji ta' azzjoni

Ir-rapport jidentifika l-progress li sar fuq din l-aħħar sena rigward l-implimentazzjoni, il-ġestjoni u l-infurzar tad-Dritt tal-UE:

Dewmien fit-traspożizzjoni u miżuri ta' prevenzjoni: Minkejja xi titjib reġistrat din is-sena, dewmien fit-traspożizzjoni jibqa' jikkostitiwixxi problema mifruxa u sistematika li taffettwa lill-intrapriżi u ċittadini tal-UE. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi aktar kooperazzjoni mal-Istati Membri dwar miżuri ta' prevenzjoni sabiex tiżgura implimentazzjoni u applikazzjoni tal-liġi aħjar u fi żmien xieraq.

Tabelli ta' korrelazzjoni: Tabelli ta' korrelazzjoni jikkontribwixxu għat-trasparenza u jtejbu l-aċċess għal-liġi. Dawn itejbu l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri meta tkun qed tiġi riveduta t-traspożizzjoni u b'hekk dan jippermetti għal identifikazzjoni minn kmieni ta' kwistjonijiet u djalogu sabiex wara jiġu evitati aktar problemi li laħqu rabbew l-għeruq. Il-Kummissjoni se tkompli tfittex appoġġ mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE għad-dispożizzjoni komprensiva ta' dawn it-tabelli.

Gruppi tal-Esperti: L-importanza tagħhom f'dak li jirrigwarda l-ġestjoni tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE hi enfasizzata permezz ta' eżempji li jikkonfermaw il-varjetà kbira u l-volum ta' xogħol li l-għan tiegħu hu li jimmassimizza l-benefiċċji tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Tweġibiet liċ-ċittadini u reġistrazzjoni ta' ilmenti: Strumenti orrizzontali bħal SOLVIT u Pilota tal-UE jibqgħu jiżviluppaw u jagħtu riżultati tajbin. SOLVIT żiedet il-volum ta' fajls filwaqt li żammet rata ta' suċċess il-ħin kollu għolja. Pilota tal-UE tippermetti reżoluzzjoni minn kmieni problemi ta' traspożizzjoni u/jew ta' applikazzjoni. L-Istati Membri qed jikkontribwixxu b'mod attiv sabiex jiżguraw is-suċċess ta' dawn l-istrumenti.

Kwistjonijiet ta' infurzar: Għandha tingħata aktar attenzjoni lill-miżuri ta' infurzar fil-preparazzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida. Dawn jistgħu jkunu ta' applikazzjoni orizzontali jew imfassla għal setturi speċifiċi. Meta Leġiżlazzjoni tal-UE jkun fiha miżuri ta' infurzar, bħal pereżempju drittijiet għall-appell minn deċiżjonijiet, il-Kummissjoni se tkompli tiżgura l-użu sħiħ ta' miżuri bħal dawn, u tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni korretta tagħhom.

Il-proċedimenti ta’ ksur: Il-Kummissjoni taġġorna u tikkonferma l-prijorità mehmuża mal-applikazzjoni tal-liġi li hi l-aktar f'waqtha u effettiva u li hi fl-interess ġenerali tal-akbar numru ta' ċittadini u intrapriżi.

Rappurtar: Leġiżlazzjoni tal-UE ħafna drabi tinkludi obbligu għall-Kummissjoni li tipproduċi rapport dwar applikazzjoni minn kmieni tal-miżura. Il-Kummissjoni tagħti importanza kbira lill-valur ta' dawn ir-rapporti, ibbażati fuq kontributi mill-Istati Membri, hekk kif qed tingħata dejjem aktar attenzjoni lill-valutazzjoni tal-impatt tad-dritt tal-UE.

Sfond

Wara talba mill-Parlament Ewropew il-Kummissjoni tippreżenta, kull sena, mill-1984, rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja waqt is-sena preċedenti.

Fl-2007 l-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar 'Ewropa li tikseb ir-Riżultati – l-Applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja' (COM(2007) 502, ħabbret li se tagħti lir-rapport annwali fokus ġdid li jħares 'il quddiem lejn kwistjonijiet ta' strateġija, valutazzjoni tal-istat attwali tal-liġi u tal-prijoritajiet u l-ipprogrammar tax-xogħol futur.

Is-27 Rapport Annwali dwar il-Monitoraġġ tal-Applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja (2009) u d-dokumenti li jakkumpanjawh huma disponsibbli fuq il-websajt Europa. Statistiċi dwar rekords ta' traspożizzjoni reċenti tal-Istati Membri jinstabu fuq: http://ec.europa.eu/community_law/directives/directives_communication_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website