Navigation path

Left navigation

Additional tools

Appoġġ imġedded għall-Politika Marittima Integrata

European Commission - IP/10/1268   30/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1268

Brussell, 30 Settembru 2010

Appoġġ imġedded għall-Politika Marittima Integrata

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-proposta tagħha għal appoġġ finanzjarju kontinwu għall-Politika Marittima Integrata tal-UE, stabbilita fl-2007, għall-perjodu bejn l-2011 u l-2013. Il-proposta hija mfassla biex il-Kummissjoni, l-Istati Membri u dawk kollha interessati fil-qasam marittimu jkunu jistgħu jkomplu bil-ħidma siewja tagħhom favur l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u l-kosta. Il-Politika Marittima Integrata hija favur approċċ integrat tal-ġestjoni u l-governanza tal-oċeani, l-ibħra u l-kosta, u trawwam interazzjoni bejn il-politiki kollha relatati mal-baħar fl-UE. L-għan tal-finanzjament propost, EUR 50 miljun, huwa li titkompla l-ħidma mwettqa mill-2007, partikolarment biex jitneħħew l-ostakli politiċi, ikunu jistgħu ffrankati flus kemm mill-baġits nazzjonali u tal-UE, u jiġu liberati sinerġiji billi jingħaqdu flimkien il-politiki kollha li għandhom impatt fuq il-baħar, bħat-trasport, is-sajd, id-dwana, u l-ħarsien tal-ambjent tal-baħar.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Maria Damanaki, qalet: "Il-Politika Marittima Integrata biddlet il-mod kif inħarsu lejn l-ibħra u l-oċeani tagħna. Din il-politika li għadha qed tiffjorixxi diġà bdiet tagħti riżultati tajbin f'għadd konsiderevoli ta' modi; madankollu, teħtieġ appoġġ finanzjarju kontinwu sabiex tkun effettiva u operattiva matul is-snin li fadal mill-Perspettiva Finanzjarja attwali (mill-2011 sal-2013)."

Matul l-aħħar sentejn, għadd ta' proġetti u inizjattivi ffurmaw il-pedamenti għall-Politika Marittima Integrata. Pereżempju, tliet baċiri tal-baħar ġew analizzati b'sfroz li jinkisbu sinerġiji possibbli bejn setturi differenti: il-Baħar Artiku1, il-Mediterran2, il-Baħar Baltiku – dan tal-aħħar fil-kuntest tal-Istrateġija għal Baħar Baltiku3. Il-Kummissjoni nediet ukoll Għarfien Marittimu 2020 (Maritime Knowledge 2020)4, inizjattiva wiesgħa biex jinkiseb aktar għarfien dwar l-istat tal-ibħra tagħna. Il-ħidma fuq l-integrazzjoni avvanzat ukoll f'dak li għandu x'jaqsam mas-sorveljanza marittima, fejn is-sistemi disponibbli kollha qed jinġabru flimkien f'unità waħda bla skossi sabiex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali fil-prevenzjoni ta' attivitajiet illegali, l-issalvagwardjar tal-ambjent tal-baħar, u biex tikseb effikaċja, sikurezza u sigurtà fit-trasport marittimu5. Fl-organizzazzjoni tal-ispazju tal-baħar, ġew żviluppati linji gwida biex jippromwovu l-użu sostenibbli tal-ispazju, biex irawmu investimenti transkonfinali u biex jgħinu lill-UE tikseb status ambjentali tajjeb għall-ilmijiet tagħna sal-20206.

Dawn l-inizjattivi kollha kienu ffinanzjati permezz ta' azzjonijiet preparatorji u proġetti pilota, li min-natura tagħhom stess, kellhom limitu ta' żmien ta' sentejn jew tliet snin konsekuttivi7.

Il-proposta għal Regolament adottata llum tipprevedi programm li se jipprovdi qafas stabbli biex ikompli jsostnihom mingħajr skossi. Ser iżid il-valur għal miżuri li diġà ħadu l-Istati Membri fil-livell nazzjonali jew subnazzjonali. Il-Programm se joħloq ukoll sinerġiji bejn strumenti finanzjarji oħrajn tal-UE, u b'hekk iwassal għal użu aktar koerenti tal-fondi li jaffettwaw l-ibħra u l-kosta.

Il-programm jidentifika sitt oqsma ewlenin ta' ħidma.

  • Il-promozzjoni ta' governanza marittima integrata fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali sabiex ikun żgurat li t-teħid ta' deċiżjonijiet ma jkunx iċċentrat fuq politika waħda biss, iżda jħares b'mod usa' lejn l-azzjonijiet kollha li għandhom impatt fuq l-ibħra;

  • L-indikar tal-isfidi u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-baċiri tal-ibħra Ewropej b'rabta mal-politiki settorjali individwali varji;

  • L-iżvilupp tal-ippjanar tal-ispazju marittimu u l-ġestjoni integrata taż-żona kostali biex jinħoloq qafas stabbli għall-ippjanar tal-ibħra u jiġi żgurat li l-iżvilupp tiegħu jkun sostenibbli u vijabbli ekonomikament;

  • L-iżvilupp ta' infrastruttura għall-għarfien tal-baħar li twassal dejta affidabbli u ta' kwalità għolja kemm għall-awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll għan-negozji, li tnaqqas l-ispejjeż operattivi għall-utenti tad-dejta dwar il-baħar u li trawwam il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni;

  • L-iżvilupp ta' Ambjent komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni li jlaqqa' flimkien is-sistemi kollha tas-sorveljanza u l-monitoraġġ speċifiċi għas-settur biex tingħata stampa komprensiva ta' "għarfien dwar il-baħar", sabiex l-awtoritajiet nazzjonali mgħammra aħjar biex jimmonitorjaw l-attivitajiet u jirreaġixxu għall-attivitajiet illegali jew għat-theddid fuq il-baħar.

  • Il-promozzjoni ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli, l-innovazzjoni u l-impjiegi fis-setturi marittimi u r-reġjuni kostali, sabiex b'hekk jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-istrateġija 2020 tal-Ewropa għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.

Il-passi li jmiss

Ir-Regolament issa se jgħaddi għand il-Kunsill u l-Parlament Ewropew għal diskussjoni skont il-proċedura l-ġdida ta' kodeċiżjoni stabbilita bit-Trattat ta' Lisbona.

Għal aktar tagħrif, ara s-sit tal-internet http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/

1 :

Il-Komunikazzjoni dwar "L-Unjoni Ewropea u r-Reġjun tal-Artiku" - COM(2008) 763 tal-20.11.08.

2 :

Il-Komunikazzjoni "Lejn Politika Marittima Integrata għal governanza aħjar fil-Mediterran" – COM(2009) 466 tal-11.09.2009

3 :

Il-Komunikazzjoni "L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku" – COM(2009) 248 tal-10.6.2009

4 :

Il-Komunikazzjoni "Għarfien dwar il-Baħar 2020: Għarfien akbar dwar l-ibħra u l-oċeani tagħna biex nixprunaw il-kompetittività u t-tkabbir" - COM(2010)461 tat-8.9.2010

5 :

Il-Komunikazzjoni "Lejn l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima: Ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE" - COM (2009) 538 finali tal-15.10.2009, u l-Komunikazzjoni "Lejn it-twaqqif tal-Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni għas-sorveljanza tad-dominju marittimu tal-UE" li se tiġi adottata aktar tard f'Ottubru 2010.

6 :

Il-Komunikazzjoni "Pjan ġenerali għall-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu: Niksbu Prinċipji komuni fl-UE "- COM(2008) 791 tal-25.11.2008

7 :

L-Artikolu 49(6)(a) u (b) tar-Regolament Finanzjajru applikabbli għall-baġit ġenerali tal-UE, u l-Artikolu 32 tar-Regoli Implimetattivi tiegħu.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website