Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-esperti fil-ħiliet u l-impjiegi jappellaw għall-azzjoni issa

European Commission - IP/10/123   04/02/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/123

Brussell, l-4 ta’ Frar 2010

L-esperti fil-ħiliet u l-impjiegi jappellaw għall-azzjoni issa

Skont rapport ta' esperti indipendenti ppubblikat illum mill-Kummissjoni Ewropea, tinħtieġ azzjoni immedjata biex tinstab soluzzjoni għan-nuqqas ta' ħiliet u biex l-Ewropej jingħataw opportunità akbar ta' suċċess fis-suq tax-xogħol fil-ġejjieni. Ir-rapport - "Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda: Azzjoni Issa" – jisħaq dwar il-bżonn li jiġu pprovduti l-inċentivi adegwati għall-persuni biex itejbu l-ħiliet tagħhom, biex ikun hemm rabta aħjar bejn l-edukazzjoni, it-taħriġ u x-xogħol, biex jiżviluppaw l-aħjar taħlita ta' ħiliet, u biex jantiċipaw aħjar dawk il-ħiliet meħtieġa fil-ġejjieni. Ir-rapport tal-lum huwa wieħed mir-riżultati ewlenin tal-aġenda tal-"Ħiliet ġodda għal Impjiegi Ġodda" tal-Kummissjoni Ewropea u se jiġi ppreżentat illum f'konferenza ta' livell għoli fi Brussell.

Vladimír Špidla, il-Kummissarju għall-Impjiegi qal: "It-titjib tal-ħiliet tal-persuni se jgħinna noħorġu mill-kriżi fi żmien qasir u nħejju għal suċċess ekonomiku sostenibbli fil-ġejjieni."

Maroš Šefčovič, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, Taħriġ, Kultura u Żgħażagħ, żied jgħid: "Jeħtieġ li nneħħu l-qasmiet bejn l-'edukazzjoni u t-taħriġ' u 'x-xogħol' biex in-nies jiżguraw li l-ħiliet tagħhom ikunu adattati għall-ħtiġijiet dejjem jevolvu tas-suq tax-xogħol tul ħajjithom."

In-natura tal-problema:

  • Bħalissa, wieħed minn kull tliet Ewropej f'età tax-xogħol għandu ftit kwalifiki jew ma għandu l-ebda kwalifika formali, u b'hekk dawn iko llhom 40 % inqas probabbiltà li jsibu impjieg minn dawk bi kwalifiki ta' livell medju.

  • Ir-rata tal-impjieg għal dawk b'livelli għolja ta' ħiliet fl-UE kollha kemm hi hija ta' 84 %, għal livelli medji ta' ħiliet 70 %, u għal livelli baxxi ta' ħiliet ir-rat a hi ta' 49 %.

  • Dawk bi kwalifiki baxxi għandhom ukoll inqas probabbiltà li jtejbu l-ħiliet tagħhom u jsegwu tagħlim tul il-ħajja.

  • Barra minn hekk, il-kumpaniji li jħarrġu l-persunal tagħhom għandhom 2.5 darbiet inqas probabbiltà li jfallu meta mqabbla ma dawk li ma jagħmlux hekk, u

  • Is-sistemi tal-edukazzjoni li jipprovdu ħiliet adegwati għal kulħadd jistgħu jżidu l-PGD b'10 % fuq medda twila ta' żmien.

Ir-rapport tal-esperti tal-lum jipprovdi rakkomandazzjonijiet konkreti dwar kif jistgħu jissolvew in-nuqqasijiet ta' ħiliet fl-Ewropa u qed jiġi indirizzat lil dawk li jfasslu d-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali, in-negozji, it-trade unions, dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ u s-servizzi tal-impjiegi.

Dan isejjaħ għal azzjoni f'erba' oqsma ewlenin:

  • L-għoti ta' inċentivi aħjar għal min iħaddem u għall-individwi biex itejbu l-ħiliet u l-investiment fil-ħiliet għandu jkun sinifikanti, għaqli u mhux biss finanzjarju;

  • Tinfetaħ id-dinja tal-edukazzjoni u dik tat-taħriġ billi l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ isiru aktar innovattivi u jwieġbu għall-ħtiġijiet kemm tal-istudenti kif ukoll ta' min iħaddem, u billi jiġu żviluppati kwalifiki rilevanti li jiffokaw fuq riżultati konkreti tat-tagħlim;

  • Tiġi offruta taħlita aħjar ta' ħiliet li tkun aktar adattata għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

  • Antiċipazzjoni aħjar tal- ħtiġijiet tal-ħiliet fil-ġejjieni .

Il-fehma tal-esperti hi li kull wieħed minn dawn l-oqsma huwa interkonness u għaldaqstant, l-azzjonijiet kollha għandhom jiġu indirizzati flimkien . Barra minn hekk, mhijiex ir-responsabbiltà ta' parti waħda biss, iżda jinħtieġ sforz konġunt minn dawk kollha involuti.

Ir-rapport jindika l-verità inkonvenjenti li, minkejja l-progress f'dawn l-aħħar snin, fil-biċċa l-kbira tal-Ewropa għad ma hemmx ħiliet suffiċjenti. Kważi terz tal-popolazzjoni tal-Ewropa bejn il-25 u l-64 sena ma għandhomx jew għandhom biss kwalifiki baxxi, filwaqt li kwart biss għandhom kwalifiki ta' livell għoli. U dawk li għandhom ħiliet mhux dejjem ikollhom il-ħiliet adegwati mfittxija minn min iħaddem, u dan joħloq inadegwatezzi fis-suq tax-xogħol. Jinħtieġ taħlita aħjar ta' ħiliet trasversali u speċifiċi.

Il-problema hija aktar urġenti minħabba ż-żieda fil-qgħad u l-isfidi demografiċi.

Madankollu, matul l-10 snin li ġejjin mistennija li jinħolqu madwar 80 miljun opportunità ta' impjieg, skont l-aħħar tbassir tas-CEDEFOP, iċ-ċentru ta' referenza tal-UE għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Fost dawn l-impjiegi, kważi seba' miljun impjieg se jkunu ġodda , u l-biċċa l-kbira minn dawn se jirrikjedu ħaddiema b'livell għoli ta' ħiliet.

Sfond

L-inizjattiva "Ħiliet Ġodda, Impjiegi Ġodda" tnediet fil-livell tal-UE f'Diċembru 2008 biex tibni pontijiet aktar b'saħħithom bejn id-dinja tal-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol. Fir-rebbiegħa 2009, il-Kummissjoni Ewropea ħatret grupp ta' esperti dwar it-taħriġ, il-ħiliet u l-impjiegi minn madwar l-UE biex jipprovdu parir indipendenti dwar l-iżvilupp ulterjuri tal-inizjattiva fil-kuntest tal-istrateġija tal-UE għal riforma ekonomika fil-ġejjieni (Ewropa 2020).

Aktar tagħrif

Rapport tal-esperti: 'Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda: Azzjoni Issa':

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=697&furtherNews=yes

Stqarrija għall-Istampa tas-Cedefop u Nota ta' Informazzjoni:

http://www.cedefop.europa.eu/EN/news/15221.aspx

http://www.cedefop.europa.eu/EN/Files/9021_en.pdf

Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda: Impjieg

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=568&langId=mt

New Skills for New Jobs : Edukazzjoni u taħriġ

http://ec.europa.eu/education/focus/focus2043_en.htm

Stqarrija għall-Istampa f'format ta' Filmat: Creating Green Jobs

http://www.tvlink.org/mediadetails.php?key=61489feda9e3758486af&title=Creating+Green+Jobs&titleleft=Employment


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website