Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/10/1199

Brussell, id-29 ta’ Settembru 2010

Governanza ekonomika tal-UE: il-Kummissjoni tippreżenta pakkett komprensiv ta' miżuri leġiżlattivi

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat pakkett leġiżlattiv li fih l-infurzar mill-ġdid l-iktar komprensiv tal-governanza ekonomika fl-UE u fiż-żona tal-ewro minn meta tnediet l-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Fid-dawl tan-nuqqasijiet tal-leġiżlazzjoni eżistenti, hu meħtieġ li jkun hemm sorveljanza usa' u msaħħa tal-politiki fiskali, imma wkoll politiki makroekonomiċi u riformi strutturali. Mekkaniżmi ġodda ta' infurzar huma previsti għal Stati Membri li ma jkunux konformi mar-regoli. Is-"semestru Ewropew" li sar qbil fuqu dan l-aħħar se jintegra l-proċessi kollha riveduti u ġodda ta' sorveljanza f'qafas ta' politika ekonomiku komprensiv u effikaċi.

Il-proposti li tressqu llum huma l-konverżjoni konkreta tal-komunikazzjonijiet riċenti tal-Kummissjoni dwar il-governanza ekonomika ddatati t-12 ta' Mejju u t-30 ta' Ġunju (ara IP/10/561 u IP/10/859) fi proposti leġiżlattivi. Wara x-xogħol preparatorju intensiv u l-konsultazzjonijiet ma' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati li saru, inkluż it-Task Force dwar il-Governanza Ekonomika ppreseduta mill-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy, dawn il-proposti tal-politika jenfasizzaw ir-rieda qawwija tal-Kummissjoni sabiex tipproċessa b'mod diliġenti r-riformi neċessarji.

Dawn ir-riformi kollha huma kompatibbli mat-Trattat eżistenti ta' Lisbona u għandhom jiżguraw li l-UE u ż-żona tal-ewro jibbenefikaw minn koordinazzjoni iktar effikaċi tal-politika ekonomika. Dan għandu jagħti lill-UE u liż-żona tal-ewro l-ħila u l-poter neċessarji sabiex imexxu politiki ekonomiċi b'saħħithom, u li b'hekk jikkontribwixxu għal iktar tkabbir sostenibbli u impjiegi, skont l-istrateġija Ewropa 2020.

Il-pakkett leġiżlattiv hu magħmul minn sitt partijiet ta' leġiżlazzjoni: erba' proposti li għandhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet fiskali, inkluż riforma wiesgħa ħafna tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (SGP), filwaqt li l-mira ta' żewġ regolamenti ġodda hi li jindividwaw u jindirizzaw b'mod effikaċi l-iżbilanċi makroekonomiċi emerġenti fl-UE u fiż-żona tal-ewro.

Għall-Istati Membri fiż-żona tal-ewro, it-tibdiliet għandhom iservu ta' għodda sabiex isaħħu kemm jista' jkun il-mekkaniżmu ta' infurzar u jillimitaw id-diskrezzjoni fl-applikazzjonijiet tas-sanzjonijiet. Fi kliem ieħor, l-SGP se jsir iktar "imsejjes fuq ir-regoli" u s-sanzjonijiet għandhom ikunu l-konsegwenza naturali li wieħed jistenna meta l-pajjiżi ma jżommux mal-impenji tagħhom.

1) Regolament li jemenda l-bażi leġiżlattiva tal-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (ir-Regolament Nru 1466/97):

L-għan tal-parti preventiva tal-SGP hu li tiżgura li l-Istati Membri tal-UE jsegwu politiki fiskali għaqin fi żminijiet tajbin sabiex jinbena l-ilqugħ neċessarju għal meta jiġu żminijiet ħżiena. Sabiex wieħed jinqata' mill-kompjaċenza li kien hemm fil-passat waqt żminijiet ekonomiċi tajbin, il-monitoraġġ tal-finanzi pubbliċi għandu jkun msejjes fuq il-kunċett il-ġdid ta' tfassil ta' politika fiskali għaqlija li għandu jiżgura li jkun hemm konverġenza lejn l-Għan fuq Terminu Medju. Il-Kummissjoni tista' toħroġ twissija fil-każ li jkun hemm devjazzjoni sinifikanti mill-politika fiskali għaqlija għall-Istati Membri fiż-żona tal-ewro.

2) Regolament li jemenda l-bażi leġiżlattiva tal-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (ir-Regolament Nru 1467/97):

L-għan tal-parti korrettiva tal-SGP hu li jiġu evitati żbalji goffi fil-politiki baġitarji. Ir-Regolament hu emendat sabiex l-iżviluppi tad-dejn ikunu segwiti iktar mill-qrib u sabiex jitpoġġew fuq l-istess livell mal-iżviluppi tad-defiċit fir-rigward tad-deċiżjonijiet marbuta mal-proċedura tad-defiċit eċċessiv. L-Istati Membri li għandhom dejn li jammonta għal iktar minn 60% tal-PDG għandhom jieħdu miżuri sabiex inaqqsu d-dejn b'ritmu sodisfaċenti. Dan ikun ifisser tnaqqis ta' 1/20 tad-differenza bil-limitu massimu ta' 60% fuq l-aħħar tliet snin.

3) Regolament dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-ewro:

It-tibdiliet kemm fil-parti preventiva u dik korrettiva tal-SGP huma appoġġati minn sett ġdid ta' sanzjonijiet finanzjarji gradwali għall-Istati Membri fiż-żona tal-ewro. Fir-rigward tal-parti preventiva, depożitu bl-imgħax għandu jkun il-konsegwenza ta' devjazzjonijiet sinifikanti mit-tfassil tal-politika fiskali sensibbli. Fil-parti korrettiva, għandu japplika depożitu mingħajr imgħax li jammonta għal 0.2% tal-PDG wara li tkun ittieħdet deċiżjoni li permezz tagħha l-pajjiż jiġi kklassifikat li għandu defiċit eċċessiv. Dan jiġi konvertit f'multa fl-eventwalità ta' nuqqas ta' konformità mar-rakkomandazzjoni li taġġusta d-defiċit eċċessiv.

Sabiex ikun żgurat li jkun hemm infurzar, wieħed jipprevedi li se jkun hemm "mekkaniżmu ta' votazzjoni inversa" meta jiġu imposti dawn is-sanzjonijiet: dan ifisser li l-proposta tal-Kummissjoni għal sanzjoni għandha titqies adottata sakemm il-Kunsill ma jkunx irrifjutaha b'maġġoranza kwalifikata. L-imgħaxijiet li wieħed idaħħal mid-depożiti jew mill-multi se jitqassmu bejn l-Istati Membri taż-żona ewro li la jkunu f'defiċit eċċessiv u lanqas fi żbilanċ eċċessiv.

It-tibdiliet qed isiru bil-għan li jiffaċilitaw l-eventwalità li ngħaddu għal sistema ta' infurzar marbuta mal-baġit tal-UE kif previst fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju.

4) Direttiva ġdida dwar rekwiżiti għall-qafas baġitarju tal-Istati Membri:

Minn meta ġiet iddeċentralizzata s-sistema tat-tfassil tal-politika fiskali, sar essenzjali li l-għanijiet tal-SGP jkunu riflessi fl-oqfsa baġitarji nazzjonali, jiġifieri s-sett tal-elementi li jiffurmaw il-bażi ta' governanza fiskali nazzjonali (sistemi ta' kontabilità, statistika, prattiki ta' tbassir, regoli fiskali, proċeduri baġitarji u relazzjonijiet fiskali ma' entitajiet oħra bħal pereżempju awtoritajiet lokali jew reġjonali). Id-direttiva tistipula rekwiżiti minimi li l-Istati Membri għandhom isegwu.

5) Regolament ġdid dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi:

Il-Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv (EIP) hija element ġdid tal-qafas ta' sorveljanza ekonomika tal-UE. Tinkludi valutazzjoni regolari tar-riskji ta' żbilanċi msejsa fuq tabella ta' valutazzjoni li tkun magħmula minn indikaturi ekonomiċi. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni tista', għall-Istati Membri li jinsabu fir-riskju, tniedi analiżi dettaljati, li jidentifikaw il-problemi bażiċi. Għall-Istati Membri li jkollhom żbilanċi severi jew żbilanċi li jpoġġu fir-riskju l-funzjonament tal-UEM, il-Kunsill jista' jadotta rakkomandazzjonijiet u jiftaħ "proċedura ta' żbilanċ eċċessiv (EIP)".

Stat Membru li jkun taħt l-EIP jkollu jippreżenta pjan ta' azzjoni korrettiva li jiġi kkontrollat mill-Kunsill. Dan għandu jiffissa dati ta' skadenzi għall-azzjoni korrettiva. Jekk jonqos ripetutament milli jadotta azzjoni korrettiva l-Istat Membru taż-żona ewro konċernat jiġi espost għal sanzjonijiet (ara l-punt li jmiss).

6) Regolament dwar miżuri ta' infurzar li jaġġustaw l-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-ewro:

Bl-istess mod kif jiġri fil-qasam fiskali, jekk Stat Membru fiż-żona tal-ewro ripetutament jonqos milli jaġixxi skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-EIP tal-Kunsill biex jindirizza l-iżbilanċi eċċessivi, ikollu jħallas multa annwali li tammonta għal 0.1% tal-PDG tiegħu. Il-multa tista' titwaqqaf biss b'vot ta' maġġoranza kwalifikata ("votazzjoni inversa", ara iktar 'il fuq), fejn jivvotaw biss l-Istati Membri fiż-żona tal-ewro.

Il-pass li jmiss

Dawn il-proposti se jiġu eżaminati mill-Kunsill, mill-Parlament Ewropew u mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Il-Kummissjoni titlob lill-partijiet kollha biex jaħdmu sabiex dawn il-proposti jiġu adottati malajr kemm jista' jkun.

Ara:

MEMO/10/454 u MEMO/10/455

kif ukoll:

http://ec.europa.eu/economy_finance/articles/eu_economic_situation/2010-09-eu_economic_governance_proposals_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site