Navigation path

Left navigation

Additional tools

Rapport Finanzarju 2009: Kif intefaq il-baġit tal-UE?

European Commission - IP/10/1188   28/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1188

Brussell, 28 ta’ Settembru 2010

Rapport Finanzarju 2009: Kif intefaq il-baġit tal-UE?

Ir-rapport finanzjarju tal-2009 ippreżentat illum mill-Kummissjoni juri li 97% tal-approprjazzjonijiet intefqu, persentaġġ simili għal tal-2008 (98%). In-nefqa totali kienet ta' aktar minn €112-il biljun. Il-parti l-kbira ta' din is-somma intużat għal miżuri biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u r-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll fuq l-agrikoltura.

€44 biljun investiti fit-tkabbir u l-kompetittività

Fl-2009, l-UE nefqet €6.3 biljun fi ħdan is-7 programm qafas għar-riċerka u t-teknoloġija. Il-fondi tal-UE appoġġjaw aktar minn 1,000 proġett ta' kooperazzjoni għar-riċerka bħall-proġett 'Fuel-Path' dwar produzzjoni effiċjenti tal-bijofjuwil; l-għan tal-proġett huwa li jinstabu modi kif tittejjeb il-produzzjoni tal-bijofjuwil u li jgħin biex jiġi żgurat li jkun hemm mill-anqas 14% tal-bijo-enerġija fit-taħlita tal-enerġija tal-UE sal-2020.

Taħt il-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni aktar minn 34,000 intrapriża ta' daqs żgħir u medju bbenefikaw mill-fondi tal-UE. Dawn il-fondi għenuhom jiksbu €2.9 biljun f'self minn finanzjament tal-UE ta' €295 miljun. Huwa stmat li l-finanzjament tal-UE għen biex jinħolqu jew jiġu salvati 200,000 impjieg bejn l-2007 u l-2008. Aktar minn hekk, il-programm Erasmus iffinanzja aktar minn 300,000 għotja ta' mobbiltà li involvew 4,000 università.

Is-sehem tal-politika ta' koeżjoni fil-baġit baqa' għoli. Il-ħlasijiet taħt il-qafas 2007-2013 ammontaw għal €25.5 biljuni, aktar mid-doppju tal-2008 (€11.5 biljuni). Fil-perjodu 2000-20006, l-iffinanzjar tal-politika ta' koeżjoni ħoloq madwar miljun impjieg, għen biex jinbnew jew jittejbu 4,000km ta' linji tal-ferroviji u ġab l-ilma lil 14-il miljun ruħ aktar. Fost l-għadd ta' proġetti finanzjati fl-2009, il-proġett "Baltic Master II" jiffoka fuq it-titjib tal-kapaċità ta' rispons fiż-żona tal-Baħar Baltiku għal tixrid taż-żejt u fuq it-titjib tal-prevenzjoni tat-tniġġis mit-trasport marittimu.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Baġit, Janusz Lewandowski, qal li aktar minn 30% tal-baġit tal-2009 kien dedikat għall-irkupru u t-tkabbir ekonomiku. Kull euro li ninvestu fir-reġjuni tagħna jista' jiġġenera darbtejn jew tliet darbiet aktar permezz tal-"ispinta" li jagħti. Permezz ta' hekk, il-baġit tal-UE jagħmel differenza reali fil-prattika.

Aktar minn €40 biljun għaż-żoni rurali, aktar minn 100,000 żagħżugħ u żagħżugħa involuti fi proġetti u skambji

Wara snin ta' żieda fid-dħul, il-bdiewa tal-UE raw id-dħul tagħhom jonqos minħabba l-kundizzjonijiet li qed jinbidlu fis-suq. Il-baġit tal-UE jappoġġjahom b'aktar minn €40 biljun f'għajnuna diretta u intervenzjonijiet tas-suq, li jammontaw għal kważi nofs id-dħul tal-bdiewa.

Il-baġit tal-UE ffoka wkoll fuq l-iżvilupp u l-ħarsien tad-drittijiet u l-opportunitajiet taċ-ċittadini tal-UE. Fl-2009, 110,000 żagħżugħ u żagħżugħa ipparteċipaw fi proġetti u skambji. L-UE għenet ukoll ħames Stat Membri li kellhom bżonn tagħmir għat-tifi tan-nar, u provdiet mediċini kontra l-vajrus lill-Bulgarija. Il-Fond ta' Solidarjetà provda €623 miljun biex itaffi l-impatt ta' diżastri naturali, b'mod partikolari wara t-terremot fin-Nofsinhar tal-Italja.

Aktar minn €10 biljuni intefqu fuq azzjonijiet esterni

Fl-2009, l-UE kienet it-tieni l-akbar donatur tal-għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja, bl-impenji li jammontaw għal €12-il biljun u li laħqu madwar 140 pajjiż li qed jiżviluppa. Strumenti speċifiċi twaqqfu biex jgħinu lill-persuni l-aktar foqra fid-dinja biex jaffaċċjaw il-kriżi tripla ekonomika, ambjentali u tal-ikel.

L-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-ikel tal-UE għenu aktar minn 150 miljun persuna f'70 pajjiż fl-2009. Barra minn hekk, taħt il-qafas tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, l-UE mmaniġġjat 10 missjonijiet madwar id-dinja, bħal fil-Kosovo, il-Kawkasu tan-Nofsinhar, l-Afganistan, il-Lvant Nofsani u l-Afrika. Iffinanzjar speċifiku huwa dedikat biex iħejji pajjiżi kandidati jew potenzjalment kandidati sabiex jissodisfaw il-kundizzjonijiet tas-sħubija tal-UE.

Wieħed mill-akbar reċipjenti tal-għajnuna esterna huwa s-Sudan (115-il miljun). 3.6 miljun persuna bbenefikaw mill-għajnuna għall-ikel f'Darfur u 436,000 fin-Nofsinhar tas-Sudan, filwaqt li aktar minn 5 miljun persuna bbenefikaw minn servizzi tas-saħħa u 1.3 miljun persuna bbenefikaw mill-ilma, sanitazzjoni u l-promozzjoni tal-iġjene.

Janusz Lewandowski qal ukoll li kulma jmur l-UE qed tintalab biex tintervjeni lilhinn mill-fruntieri tagħha, l-aktar f'sitwazzjonijiet ta' kunflitti jew diżastri naturali. Kellna naġġustaw il-qafas finanzjarju erba' darbiet fis-snin riċenti filwaqt li fl-għoxrin sena ta' qabel qatt ma kellna nagħmlu dan, li juri l-bżonn għal aktar flessibbiltà fil-baġit tal-UE tal-futur.

€ 7.4 biljun għall-amministrazzjoni

L-ispejjeż għall-amministrazzjoni għall-istituzzjonijiet kollha rrappreżentaw €7.4 biljuni, 6.5% tan-nefqa totali, persentaġġ simili għall-2008 (6.2%). Il-Kummissarju Lewandowski qal li fl-2009, bħal fl-2010, il-Kummissjoni żammet il-wiegħda tagħha li ma titlobx postijiet ġodda fis-snin futuri ħlief f'każijiet ta' adeżjoni ta' Membri ġodda.

Il-baġit tal-UE finanzjat prinċipalment permezz tal-kontribuzzjonijiet tad-DGN tal-Istati Membri

Kważi 70% tal-baġit tal-UE huwa ffinanzjat mill-baġits tal-Istati Membri skont id-Dħul Gross Nazzjonali (DGN) relattiv tagħhom. L-iffinanjzar mill-VAT qed ikompli jonqos matul is-snin u jirrappreżenta anqas minn 11% fl-2009, filwaqt li r-riżorsi proprji tradizzjonali (l-aktar dazji doganali) jirrappreżentaw ftit aktar minn 12%. Il-flus li baqa' mis-sena ta' qabel u dħul ieħor jirrappreżentaw 7.5%.

Ir-rapport finanzjarju:

http://ec.europa.eu/budget/documents/2009_en.htm?submenuheader=2&go=t3_2


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website