Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-valutazzjonijiet tal-impatt itejbu l-mod kif il-Kummissjoni tfassal il-politika tagħha. Il-Kummissjoni tilqa' b'sodisfazzjon ir-rapport pożittiv mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri

European Commission - IP/10/1187   28/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1187

Brussell, it-28 ta’ Settembru 2010

Il-valutazzjonijiet tal-impatt itejbu l-mod kif il-Kummissjoni tfassal il-politika tagħha. Il-Kummissjoni tilqa' b'sodisfazzjon ir-rapport pożittiv mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Il-Kummissjoni llum laqgħet b'mod pożittiv il-publikazzjoni ta' rapport mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar is-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni. Ir-rapport jikkonferma li s-sistema hija ta' valur reali għal dawk li fl-UE huma inkarigati mit-teħid tad-deċiżjonijiet, hija effettiva għat-titjib tal-kwalità tal-proposti u tirrappreżenta fuq livell internazzjonali mudell tal-aħjar prassi fejn jidħlu t-trasparenza u l-approċċ integrat tagħha. L-eżerċizzju ta' awditjar juri li l-Kummissjoni għandha l-istrutturi t-tajba biex tkun tista' twettaq l-aġenda tagħha dwar ir-regolamentazzjoni intelliġenti.

Ir-regolamentazzjoni intelliġenti hija waħda mill-prijoritajiet politiċi fundamentali li taqa' taħt ir-responsabbiltà diretta tal-President Barroso. Il-Kummissjoni hija kuntenta li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri ikkonfermat li s-sistema tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tal-impatt qiegħda tkun ta' appoġġ effettiv għall-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE. Hija kuntenta wkoll b'mod partikolari bl-għarfien li l-entità indipendenti ta' kontroll ta' kwalità li waqqfet hi, il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt, għolla l-kwalità tal-analiżi.

Dan ir-rapport jagħraf il-progress enormi li għamlet il-Kummissjoni fl-aħħar snin. Il-Qorti tqis li l-approċċ tal-Kummissjoni jista' jitqabbel tajjeb ma' sistemi oħra tal-valutazzjoni tal-impatt u f'ħafna aspetti huwa ta' prassi tajba fi ħdan l-UE.

"L-awditjar li sar huwa ta' kontribut siewi għad-dibattitu dwar ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti u għandu jkun ta' għajnuna biex jgħin lill-Istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE jimxu 'l quddiem f'din l-aġenda komuni tagħhom. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni se tkompli ttejjeb is-sistema tagħha tal-Valutazzjoni tal-Impatt f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti u se tkompli taħdem mal-Parlament u mal-Kunsill biex tgħinhom iwettqu l-impenji tagħhom.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ippubblikat ir-riżultati tal-awditjar komprensiv tagħha tas-sistema ta' Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni llum, it-28 ta' Settembru 2010. L-esperti indipendenti tal-Qorti sabu li:

  • il-Kummissjoni stabbiliet sistema komprensiva ta' Valutazzjoni tal-Impatt, li kienet effettiva bħala appoġġ għat-teħid ta' deċiżjonijiet fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE;

  • l-utenti fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill iqisu r-rapporti tal-Valutazzjoni tal-Impatt bħala ta' għajnuna meta jkunu qed jilleġiżlaw abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni;

  • minn fost l-esperti tar-regolamentazzjoni aħjar li ġew mistħarrġa, 85% jaqblu li s-sistema ta' Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni qed twassal b'mod effettiv għal Regolamentazzjoni Aħjar;

  • il-Valutazzjoni tal-Impatt saret element integrali tal-approċċ tal-Kummissjoni fejn jidħol l-iżvilupp tal-politika, u kienet ta' għajnuna biex l-inizjattivi tagħha setgħu jitfasslu aħjar;

  • is-sistema tal-Kummissjoni tirrappreżenta l-aħjar prassi fuq livell tal-UE kif ukoll fuq livell internazzjonali fejn jidħlu t-trasparenza u l-komprensività tagħha, b'analiżi integrata ta' impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali.

Sa tmiem Awwissu 2010, il-Kummissjoni kienet għamlet 520 Valutazzjoni tal-Impatt.

Il-Kummissjoni beħsiebha tkompli ttejjeb is-sistema tagħha tal-Valutazzjoni tal-Impatt, imsaħħa mir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti. Diġà sar pass importanti lejn aktar trasparenza, bil-pubblikazzjoni ta' "Pjanti" għall-inizjattivi kollha li jkollhom impatti sinifikanti, li fihom jiġi spjegat x'analiżi tkun saret, u x'hemm maħsub li jsir. Dawn diġà qed jintużaw u l-Istati Membri qed jużawhom biex iżommu għajnejhom fuq il-pjani tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha wkoll l-intenzjoni li tagħmel progress fejn jidħlu attivitajiet oħra ta' regolamentazzjoni intelliġenti, u beħsiebha tħares lil hinn mill-Valutazzjoni tal-Impatt ta' leġiżlazzjoni li tkun waslet biex titressaq, lejn valutazzjonijiet maħsuba biex tittejjeb leġiżlazzjoni li diġà teżisti. Il-Kummissjoni se tadotta dalwaqt komunikazzjoni dwar 'ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti' fl-Unjoni Ewropea u turi kif, f'termini prattiċi, fis-snin li ġejjin tkompli tara li jkun hemm qafas regolatorju tal-UE li jkun effettiv u effiċjenti.

Sfond

L-iskop tas-sistema ta' Valutazzjoni tal-Impatt (VI) tal-Kummissjoni hija li tingħata evidenza għat-teħid politiku ta' deċiżjonijiet u biex tiżgura li tingħata kunsiderazzjoni tal-għażliet ta' politika kollha relevanti meta tiġi indirizzata kwalunkwe problema. Ir-rapporti tal-Valutazzjoni tal-Impatt jiġu ppubblikati flimkien ma' proposti maġġuri biex issir spjegazzjoni tal-ġustifikazzjoni kif ukoll tal-evidenza li jkun hemm dwarhom. Is-sistema ġiet ftit ftit estiża u issa tkopri l-inizjattivi kollha fejn ikun mistenni li l-impatti tagħhom ikun sinifikanti. Ir-rapporti kollha tal-VI issa jirċievu kontroll ta' kwalità indipendenti mill-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt (BVI). Madwar id-dinja, huma biss ftit is-sistemi nazzjonali ta' VI li għandhom l-istess livell ta' ambizzjoni u ambitu daqs is-sistema tal-Kummissjoni. Il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni, flimkien mal-opinjoni tal-BVI huma aċċessibbli għall-pubbliku. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ddeċidiet fl-2008 biex tawditja is-sistema ta' valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni. Hija analizzat jekk il-valutazzjonijiet tal-impatt humiex ta' sostenn għall-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet tal-UE. Il-proċess ta' awditjar beda f'Ġunju 2008 u l-Qorti eżaminat aktar minn 100 Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni li saru bejn l-2003 u l-2008, u intervistat madwar 190 persuna. Il-Qorti kienet megħjuna minn bord konsultattiv u minn focus group magħmul minn esperti internazzjonali ewlenin fil-qasam tar-regolamentazzjoni aħjar. Ir-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri huwa aċċessibbli fis-sit

http://ec.europa.eu/governance/impact/key_docs/key_docs_en.htm

kif ukoll fil-websajt tal-President:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/index_en.htm.

Għal aktar tagħrif dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt fil-Kummisjoni:

http://ec.europa.eu/governance/impact/index_en.htm.

'Pjanti' li jindikaw il-pjani dwar il-Valutazzjonijiet tal-Impatt jew inkella l-abbozzi ta' riżultati għal inizjattivi li ġejjin jinsabu f'dan is-sit:

http://ec.europa.eu/governance/impact/planned_ia/roadmaps_2010_en.htm.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website