Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1185

Brussell, it-28 ta' Settembru 2010

L-Aġenda Diġitali: Kumpaniji ewlenin tal-ICT jingħaqdu mal-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea biex jonqos il-konsum tal-elettriku

It-tagħmir u s-servizzi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (Information and Communication Technologies - ICT) jikkunsmaw iktar minn 8 % tal-enerġija elettrika fl-UE u jipproduċu madwar 4 % tal-emissjonijiet tac-CO2 tagħha. Sal-2020, dawn iċ-ċifri jistgħu jirduppjaw. Iċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (ĊKR) tal-Kummissjoni Ewropea jamministra kodiċijiet ta' kondotta fuq bażi volontarja għall-kumpaniji ICT sabiex din ix-xejra tinbidel. Illum fi Brussell waqt l-avveniment "ICT 2010-Digitally Driven", 16-il kumpanija oħra tal-ICT qablu li jnaqqsu l-konsum tal-elettriku tat-tagħmir broadband u taċ-ċentri tad-dejta tagħhom. Dan għandu jnaqqas il-konsum tal-elettriku tagħhom f'ħafna każijiet b'50 %. Għalkemm miżura voluntarja, 36 mill-ikbar kumpaniji tal-ICT tal-Ewropa diġà qed japplikaw il-kodiċijiet ta' kondotta. L-aġenda Diġitali għall-Ewropa adottata mill-Kummissjoni f'Mejju 2010 (IP/10/581, MEMO/10/199, MEMO/10/200) trid tiżgura li s-settur ICT ikun il-mudell fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra.

Il-Kummissarju Márie Geoghegan-Quinn qalet: "Is-suċċess ta' dawn il-kodiċijiet ta' kondotta juri r-rikonoxximent tal-industrija li innovazzjoni li tagħti spinta lill-effiċjenza tal-enerġija hija prijorità kummerċjali, ekonomika u ambjentali. Hija eżempju tajjeb tax-xogħol li ma jidhirx taċ-ĊKR biex jappoġġja l-Istrateġija Ewropa 2020."

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali Neelie Kroes qalet: "L-implimentazzjoni ta' dawn iż-żewġ kodiċijiet ta' kondotta se tnaqqas b'mod sinifikanti l-konsum tal-elettriku tal-UE u tista' tiffranka EUR 4.5 biljuni kull sena. Nilqa' b'sodisfazzjon dan ix-xogħol lejn futur iktar sostenibbli."

Kodiċi ta' kondotta relatat mat-tagħmir broadband

Fl-2010, fl-UE, it-tagħmir broadband jikkonsma madwar 15 % tal-enerġija kumplessiva kollha tas-settur ICT jew madwar 47 TWh.

10 kumpaniji (kemm operaturi tat-telekomunikazzjonijiet kif ukoll manifatturi) diġà ffirmaw dan il-kodiċi ta' kondotta, li jkopri madwar 25 miljun linja broadband fl-UE (27 %). B'10 kumpaniji ġodda li dalwaqt se jiffirmaw, il-kopertura se tiżdied għal 65 miljun fl-UE (72 %) flimkien ma' 10 miljuni oħra fin-Norveġja, fl-Isvizzera u fit-Turkija.

Il-kodiċi ta' kondotta għat-tagħmir broadband ilu jeżisti mill-2007 u jistabbilixxi l-konsum massimu tal-enerġija (f'binjiet tal-konsumaturi u f'substazzjonijiet tal-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet) għal diversi tipi differenti ta' tagħmir bħal modems, swiċċijiet, routers u home gateways. L-iffrankar tal-enerġija jinkiseb permezz tal-użu obbligatorju tal-aħjar komponenti disponibbli li jużaw enerġija baxxa filwaqt li jkun żgurat li broadband veloċi u ultra veloċi jista' jitwassal għand iċ-ċittadini Ewropej kollha sal-2020 taħt l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa.

Kodiċi ta' kondotta relatat maċ-ċentri tad-dejta

Iċ-ċentri tad-dejta bejn wieħed u ieħor jikkunsmaw 18 % tal-konsum tal-enerġija tas-settur ICT u huma mistennija li jiżviluppaw iktar malajr minn kwalunkwe teknoloġija ICT oħra. Madwar l-Ewropa, huma jikkunsmaw madwar 56 TWh ta' elettriku kull sena. Iċ-ċentri tad-dejta jinkludu l-binjiet u l-faċilitajiet kollha li għandhom servers ta' impriża u tagħmir ta' komunikazzjoni bis-server relatat li jipprovdi xi forma ta' servizz ta' dejta.

Illum se jiffirmaw 6 kumpaniji ġodda li se jingħaqdu mas-26 parteċipant (b'42 ċentru tad-dejta) li bħalissa huma rreġistrati. Hemm aktar minn 100 firmatarju; kumpaniji li jiżviluppaw prodotti, soluzzjonijiet u programmi li jippermettu lis-sidien u l-operaturi taċ-ċentri tad-dejta jilħqu l-miri tal-kodiċi ta' kondotta.

Dan il-kodiċi ta' kondotta introdott f'Ottubru 2008, għandu l-għan li jevita prattiki tad-disinn skaduti li jwasslu għal ineffiċjenzi fil-konsum tal-enerġija. Fl-2010, kien ikkomplementat b'sensiela ta' rakkomandazzjonijiet dwar l-aħjar prattika dwar id-disinn, ix-xiri u l-operat f'oqsma bħas-softwer, l-arkitettura tal-IT u l-infrastruttura tal-IT. Pereżempju, dwar l-immaniġġjar effiċjenti tal-kundizzjonijiet ambjentali, billi jipprovdi għal tkessiħ eżatt fejn hu meħtieġ fuq is-server tas-CPUs u billi jkun evitat tkessiħ żejjed.

Il-kodiċi għandu jgħin ukoll biex jiżgura li operaturi ta' ċentri ta' dejta jafu l-benefiċċji finanzjarji, ambjentali u infrastrutturali tat-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija tal-faċilitajiet tagħhom. Dan huwa f'konformità ma' objettiv ewlieni ieħor tal-Aġenda Diġitali: li jkun żgurat li s-settur tal-ICT ikun il-mudell fir-rigward tar-rappurtar tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra u li sal-2011, tkun adottata metodoloġija komuni li tiftaħ it-triq għal setturi oħra intensivi fl-enerġija.

ICT4EE

Filwaqt li l-Kodiċijiet ta' Kondotta jindirizzaw l-isfida tal-effiċjenza tal-enerġija fir-rigward tal-broadband u taċ-ċentri tad-dejta, il-Forum ICT4EE qed jittratta l-enerġija kumplessiva u l-marka tal-karbonju tas-settur. Ġie stabbilit mill-industrija tal-ICT wara r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-2009, li għandha tkun iffaċilitata t-tranżizzjoni għal ekonomija b'konsum baxx ta' karbonju bbażata fuq l-ICT (ara IP/09/1498). Il-Forum qed jaħdem biex jiġu żviluppati metodoloġiji li b'mod koerenti jkejlu l-enerġija tas-settur u l-prestazzjonijiet tal-karbonju u l-kwantifikazzjoni tal-benefiċċji li soluzzjonijiet ICT ikollhom fuq setturi oħra bħal binjiet, trasport, eċċ.

Sfond

Il-kodiċijiet ta' kondotta jipprovdu pjattaforma li tlaqqa' lill-partijiet involuti kollha flimkien biex jiddiskutu u jiftiehmu dwar azzjonijiet voluntarji li jtejbu l-effiċjenza tal-enerġija. Minbarra ż-żewġ kodiċijiet imsemmija iktar 'il fuq, ġew stabbiliti tliet kodiċijiet oħra relatati mas-servizzi diġitali tat-televiżjoni, l-effiċjenza tal-provvisti tal-enerġija esterni u ma' sistemi tal-enerġija AC mingħajr interruzzjoni.

Immaniġġjati u prodotti miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea, l-għan ewlieni tagħhom huwa li jinfurmaw u jistimulaw lill-industrija ICT biex tnaqqas il-konsum tal-enerġija b'iktar mod kosteffikaċi mingħajr ma jxekklu l-funzjoni kritika tal-faċilità jew tat-tagħmir.

Bl-iffirmar tal-kodiċijiet ta' kondotta, il-kumpaniji individwali volontarjament impenjaw ruħhom li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija b'ammont miftiehem f'perjodu ta' żmien definit permezz tal-adozzjoni tal-aħjar prattiki.

Iktar tagħrif:

Dwar il-kodiċijiet ta' kondotta u tagħrif addizzjonali:

http://re.jrc.ec.europa.eu/energyefficiency/html/standby_initiative_main.htm

GeSI – Global e-Sustainability Initiative (Inizjattiva globali dwar l-e-Sostenibbiltà):

http://www.gesi.org/

ICT għall-Effiċjenza tal-Enerġija:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/sustainable_growth/ict_sector/index_en.htm

ANNEX: List of companies participating in the Codes of Conduct

DATA CENTRES

New signees:

Belgacom

France Telecom-Orange

TDC Services

Telecom Italia

Telefonica

Turk Telekom

Signees:

A1 Telekom Austria AG

Bracknell Forest Borough Council

British Telecommunications plc

Business & Decision

Bytesnet BV

EvoSwitch Netherlands B.V.

FUJITSU Services

Hewlett-Packard

IBM Deutschland Business Services GmbH

IBM United Kingdom Limited

INTEL

LAMDA Hellix S.A.

Memset Ltd. Corporate level

Microsoft Corporation

Onyx Group Limited

Petroleum Geo-Services (PGS)

Reed Specialist Recruitment

TCN Telehousing

TelecityGroup CoC

The UK Grid Network Ltd

Thomson Reuters

TISSAT S.A.

UK Meteorological Office

VCD Infra Solutions

Vodafone Group Service GmbH

Bull SAS

BROADBAND

New signees:

A1 Telekom Austria AG

Belgacom

British Telecom

KPN

France Telecom-Orange

OTE

Portugal Telecom

Telefonica

Telenor

Turk Telekom

Signees:

Alcatel-Lucent

CISCO

Deutsche Telekom

Huawei Technologies

Nokia Siemens Networks

Swisscom

TDC Services

Telecom Italia

Telia Sonera

Technicolor


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website