Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Aġenda Digitali: il-Kummissjoni Ewropea tħabbar għotja ta' EUR 780 miljun għall-ixprunar tar-riċerka strateġika fl-ICT

European Commission - IP/10/1184   28/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1184

Brussell, it-28 ta' Settembru 2010

L-Aġenda Digitali: il-Kummissjoni Ewropea tħabbar għotja ta' EUR 780 miljun għall-ixprunar tar-riċerka strateġika fl-ICT

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret waħda mill-akbar sejħiet li qatt saru għall-proposti ta' riċerka għat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) taħt il-programmi kwadru tal-UE għar-riċerka . L-aħbar ingħatat waqt l-akbar avveniment tal-Ewropa għar-riċerka u l-iżvilupp tal-ICT, ICT 2010-Digitally Driven. Dan ser iwassal għall-finanzjament ta' EUR 780 miljun fl-2011. Dan il-finanzjament ser itejjeb l-internet tal-futur, ir-robotika, is-sistemi intelliġenti u inkorporati, il-fotonika, l-ICT għall-effiċjenzja fl-enerġija, is-saħħa u l-benessri f'soċjetà li qed issir aktar anzjana, u ħafna aktar. Taħt l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200), il-Kummmissjoni kkommettiet ruħha li żżomm il-pass tagħha ta' żieda annwali ta' 20% tal-baġit annwali għar-riċerka u l-iżvilupp tal-ICT għall-anqas sal-2013.

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni għall-Aġenda Diġitali, qalet: "Żieda fl-investiment globali fir-riċerka tal-ICT hi kruċjali għall-futur tagħna. Is-sostenn tal-UE mħabbar illum għar-riċerkaturi ta' livell mondjali jrid ikollu miegħu investimenti addizzjonali sostanzjali mill-benefiċjarji nfushom . Din ir- riċerka ser tgħin lill-industrija tal-Ewropa ssaħħaħ il-kompetittività tagħha. "

Is-sejħa għall-proposti ta' EUR 780 miljun (ICT Call 7) hija parti mill-akbar Programm ta' Xogħol annwali li qatt sar taħt is-7 Programm Kwadru tal-UE għar-Riċerka. Ġew allokati kważi EUR 1.2 biljun għas-sena 2011. F'Lulju 2010 kien hemm EUR 220 miljun disponibbli għal sħubija bejn is-settur pubbliku u dak privat, iffukati fuq l-ICT għal vetturi intelliġenti (smart cars), bini ekoloġiku, fabbriki sostenibbli u l-internet tal-futur, (ara IP/10/966, MEMO/10/339, Newsroom).

B'din is-sejħa, EUR 120 miljun ser ikunu disponibbli biex jiffinanzjaw ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku fin-netwerking, il-midja diġitali u l-infrastruttutra tas-servizzi għall-internet tal-futur. Dan hu kruċjali jekk l-Ewropa trid tibqa' fuq quddiem u tilqa' għall-isfidi li s-soċjetà diġitali li dejjem qed tikber ser tħabbat wiċċha magħha fid-deċennju li ġej. Kważi Eur 100 miljun ġew diġà mmirati għas-Sħubija tal-'Internet tal-Ġejjieni' (IP/09/1596) biex jinkiseb vantaġġ mid-domanda dejjem tikber għall-applikazzjonijiet innovattivi tal-internet li infrastrutturi bħas-sistemi ta' saħħa, grids tal-enerġija sistemi ta' ġestjoni tat-traffiku jsiru 'aktar intelliġenti'.

Biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ewropa bħala l-fornitur ewlieni tas-sistemi elettroniċi u l-elementi fotoniċi, aktar minn EUR 200 miljun huma disponibbli għar-riċerka f'dan il-qasam. Dan hu ta' sostenn għall-kompetittività tal-vetturi, it-telekomunikazzjoni, l-awtomazzjoni industrijali, it-teknoloġiji tad-dawl u ċentri industrijali mediċi b'saħħithomfl-Ewropa. Is-suċċess tagħhom jiddependi mill-komponenti innovattivi u mis-sistemi fi prodotti u servizzi fis-settrui kollha. Pereżempju, l-iżviluppi fit-teknoloġija tal-laser huma kruċjali biex jissaħħaħ it-tkabbir fil-komunikazzjoni ottika u biex ikun hemm konnessjoni tal-internet mill-aktar veloċi għall-Ewropej kollha.

L-aħħar sejħa qed tipprevedi wkoll qrib l-EUR 200 miljun għar-riċerka fl-ICT għas-saħħa u l-anzjani. Il-popolazzjoni Ewropea ta' persuni li għandhom aktar minn 60 sena qed tiżdied b'madwar żewġ miljun persuna fis-sena. L-ICTs huma essenzjali biex jinħolqu soluzzjonijiet sostenibbli u biex l-opportunitajiet tas-swieq ikunu mmassimizzati sabiex jgħinu fit-tnaqqis tal-ispejjeż marbuta mal-kura soċjali u tas-saħħa.

Barra minn hekk, EUR 135 miljun huma disponibbli għar-riċerka fl-ICT li ttejjeb l-effiċjenza tal-enerġija fil-bini, fit-trasport u fil-loġistika. Dan jiżdied mal-EUR 220 miljun li kienu disponibbli f'Lulju 2010 għal sħubija bejn is-settur pubbliku u dak privat għall-ekonomija bbażata fuq karozzi bini u fabbriki b'karbonju baxx, (ara aktar 'il fuq).

L-universitajiet, iċ-ċentri għar-riċerka, l-SMEs, il-kumpaniji l-kbar u organizzazzjonijiet oħra fl-Ewropa u lil hinn minnha huma eliġibbli biex japplikaw għall-finanzjament tal-proġetti taħt ICT Call 7. Il-proposti jistgħu jiġu sottomessi sat-18 ta' Jannar 2011, u wara din id-data jiġu evalwati minn bord ta' esperti indipendenti għal-għażla abbażi tal-kwalità tagħhom.

Sfond

ICT 2010-Digitally Driven jiġbor fih riċerkaturi, negozjanti, investituri u persuni li jfasslu l-politika fil-qasam tal-ICT u l-innovazzjoni diġitali fil-Fiera ta' Brussell (Brussels Expo) mis-27 sad-29 ta' Settembru. Is-suġġeetti prinċipali tal-konferenza huma r-riċerka għat-tkabbir sostenibbbli f'ekonomija b'karbonju baxx, l-impatt kostruttiv tal-ICTs fil-ħajja ta' kuljum u l-importanza tal-finanzjament pubbliku u s-sostenn fir-riċerka u l-innovazzjoni tal-ICT. Barra minn hekk, aktar minn 100 eżebit tal-aħħar żviluppi diġitali ffinanzjati mill-UE ser ikunu għall-wiri. Dan l-avveniment hu organizzat kull sentejn mill-Kummissjoni Ewropea u din is-sena hu ospitat mill-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-Ministri tal-UE.

FP7, is-seba' Programm Kwadru tal-UE jtul mill-2001 sal-2013, b'aktar minn EUR 9 biljun allokati għar-riċerka u l-iżvilupp tal-ICT. Iz-zieda annwali tal-finanzjament għar-riċerka tal-ICT hi konformi mal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, il-programm politiku ewlieni tal-UE, li jsejjaħ għall-irduppjar tal-ispiża pubblika fuq ir-riċerka u l-iżvilupp tal-ICT sal-2020 u biex jingħata vantaġġ f'żieda ekwivalenti fin-nefqa privata biex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija tal-Ewropa għall-2020 għall-impjiegi u t-tkabbir.

Il-proġetti ta' riċerka tal-ICT iffinanzjati mill-UE jsostnu aktar minn 15000 riċerkatur kull sena, jistimolaw il-kapaċità tal-Ewropa għall-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku tal-industrija. Jipprovdi wkoll opportunitajiet kbar għal SMEs innovattivi li huma parti kbira minnn dawn l-oqsma strateġiċi għat-tkabbir.

Aqra aktar dwar is-sejħa għall-propsti:

http://cordis.europa.eu/fp7/ict/

Ara wkoll:

ICT 2010 press pack


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website