Navigation path

Left navigation

Additional tools

Riċerka/OMĠ Rapport dwar miżuri konkreti biex jiġi evitat taħlit bejn il-qamħirrun modifikat ġenetikament u dak konvenzjonali

European Commission - IP/10/1181   27/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1181

Brussell, is-27 ta’ Settembru 2010

Riċerka/OMĠ Rapport dwar miżuri konkreti biex jiġi evitat taħlit bejn il-qamħirrun modifikat ġenetikament u dak konvenzjonali

Rapport imressaq illum mill-Kummissarju għall-Politika tas-Saħħa u l-Konsumatur John Dalli lill-Kunsill tal-Agrikoltura jikkonkludi li miżuri speċifiċi relatati mal-ħżin u mal-applikazzjoni ta' distanzi ta' iżolament jistgħu jgħinu biex jillimitaw jew jevitaw it-taħlit ta' qamħirrun modifikat ġenetikament (MĠ) ma' dak konvenzjonali u organiku. Partikolarment, id-Dokument dwar l-Aħjar Prassi, imħejji mill-Uffiċċju Ewropew għall-Koeżistenza (EcoB) u pubblikat miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea (JRC), jgħid li l-ħżin ta' żrieragħ b'mod adegwat u l-applikazzjoni ta' iżolament spazjali huma l-aħjar modi ta' kif għandu jiġi limitat jew evitat it-taħlit. Prattiċi alternattivi bbażati fuq iżolament temporali (iċ-ċaqliq tal-perjodi meta l-għelieqi MĠ u dawk li mhumiex MĠ jagħtu l-prodotti) huma possibbli f'diversi pajjiżi tal-UE b'kundizzjonijiet klimatiċi speċifiċi.

Meta llum kien qed jippreżenta r-Rapport lill-Kunsill tal-Agrikoltura, il-Kummissarju inkarigat mill-Politika għas-Saħħa u l-Konsumatur, John Dalli, qal: "Il-prattiċi suġġeriti f'dan id-dokument importanti huma applikabbli fil-qafas tal-approċċ ġdid tal-Kummissjoni għall-koeżistenza u l-kultivazzjoni tal-OMĠ adottata f'Lulju. Huma prattiċi li jaqblu totalment mal-ispirtu u l-għanijiet tal-proposta, li tagħti iktar flessibbiltà lill-Istati Membri biex jorganizzaw il-koeżistenza tal-uċuħ tar-raba' MĠ, dawk konvenzjonali u dawk organiċi". Il-Kummissarju kompla: "Dan id-dokument jagħti dettalji ta' sett ta' prattiċi li ma jorbtux, li l-għan tagħhom hu li jgħinu lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jirfinaw l-approċċi nazzjonali jew reġjonali taghhom lejn il-koeżistenza."

L-Aqwa Prassi

Id-dokument dwar l-"aqwa prassi" jkopri l-kultivazzjoni tal-qamħirrun MĠ sal-ewwel punt tal-bejgħ. Dan jittratta tliet tipi ta' produzzjoni: il-mamma tal-qamħirrun, il-pjanta sħiħa tiegħu u l-qamħirrun ħelu. L-Uffiċċju Ewropew għall-Koeżistenza (EcoB) analizza s-sorsi potenzjali ta' xi jwassal għat-taħlit u wasal għal sett ta' prattiċi mill-aqwa għall-ġestjoni agrikola. Dwar dawn intlaħaq qbil kunsenswali u għandhom jiżguraw il-koeżistenza filwaqt li tibqa' tiġi osservata l-effiċjenza ekonomika u agronomika tal-punt tal-kultivazzjoni.

Ngħidu aħna, fost prattiċi oħrajn, l-ECoB jissuġġerixxi distanzi ta' iżolament ta' bejn il-15 u l-50 metru biex jitnaqqas it-traxxix tal-polline bejn il-qamħirrun MĠ u dak mhux MĠ u biex ikun limitat il-kontenut ta' OMĠ fl-ikel u l-għalf konvenzjonali għal livelli taħt iż-0,9% (il-limitu ta' tikkettjar stabbilit mil-liġi). Huma suġġeriti distanzi ikbar (bejn il-100 u l-500 metru) għal miri aktar baxxi ta' livelli ta' taħlit (e/. 0,1%, li hija l-istima tas-soltu għal-limiti f'dik li hi kwantifikazzjoni).

L-Uffiċċju Ewropew għall-Koeżistenza

Fl-2006, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tkompli taħdem fuq il-koeżistenza sabiex tidentifika l-aqwa prattiċi għall-miżuri tekniċi ta' segregazzjoni u biex tiżviluppa linji gwida għal uċuħ tar-raba' speċifiċi għall-koeżistenza. Il-Kummissjoni ħolqot l-ECoB fl-2008.

L-Uffiċċju jikkonsisti minn esperti nominati mill-Istati Membri interessati (bħalissa qed jieħdu sehem 20 Stat Membru) u minn segretarjat xjentifiku pprovdut mill-Istitut taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka għall-istudji Prospettivi u Teknoloġiċi (IPTS).

Ix-xogħol fuq id-dokument dwar "l-aqwa prassi" sar b'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati u r-riżultat aħħari jippermetti lill-Istati Membri tal-UE l-flessibbiltà neċessarja biex il-miżuri jiġu adattati għall-kundizzjonijiet reġjonali u lokali speċifiċi tagħhom.

Fatti u Figuri

Fl-2009, kien hemm 134 mijun ettaru ta' uċuħ tar-raba' MĠ kkultivati madwar id-dinja. L-erba' għelejjel MĠ prinċipali, reżistenti għall-insetti inkella tolleranti għall-erbiċidi, huma s-soybean (77% tal-erja globali tal-uċuħ tar-raba' tas-soybean), il-qoton (49% tal-erja globali tal-uċuħ tar-raba' tal-qoton), il-qamħirrun (26% tal-erja globali tal-uċuħ tar-raba' tal-qamħirrun), u ż-żerriegħa tal-kolza (21% tal-erja globali tal-uċuħ tar-raba' taż- żerriegħa tal-kolza).

Fl-UE, huma biss tlieta l-għelejjel MĠ li ġew awtorizzati għall-kultivazzjoni:

  • Żewġ prodotti tal-qamħirrun MĠ, u li minnhom huwa biss il-Bt maize MON810, reżistenti għall-insetti, li huwa awtorizzat.

  • Patata MĠ waħda (il-patata tal-lamtu, awtorizzata f'Marzu 2010).

Sfond

Fit-13 ta' Lulju, il-Kummissjoni adottat proposta komprensiva li tipprovdi lill-Istati Membri bil-libertà li jippermettu, jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OMĠ fit-territorju tagħhom, filwaqt li ħalliet is-sistema tal-UE tal-awtorizzazzjoni tal-OMĠ ibbażata fuq ix-xjenza intatta. Il-pakkett adottat ikkonsista minn Rakkomandazzjoni ġdida fuq il-koeżistenza tal-għelejjel MĠ mal-għelejjel konvenzjonali u/jew organiċi u abbozz ta' Regolament li jipproponi bidla żgħira lil-leġiżlazzjoni dwar l-OMĠ.

Il-proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva 2001/18/KE kellha bħala l-mira tagħha li tiżgura ċ-ċertezza legali għall-Istati Membri meta dawn jiddeċiedu dwar il-kultivazzjoni tal-OMĠ fuq raġunijiet lil hinn mix-xjenza. Din se tkun adottata permezz tal-kodeċiżjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Sabiex tniżżel id-dokument dwar "l-aqwa prassi", jekk jogħġbok żur:

http://ecob.jrc.ec.europa.eu/documents.html

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok mur:

http://ec.europa.eu/food/food/biotechnology/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website