Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1179

Brussell, is-27 ta’ Settembru 2010

Il-Kummissjoni Ewropea u l-kumpanija Imperial Tobacco jiffirmaw ftehim sabiex jiġġieldu l-kummerċ illeċitu tat-tabakk

Illum il-Kummissjoni Ewropea ħabbret ftehim multiannwali mal-kumpanija Imperial Tobacco (ITL) biex jaħdmu flimkien biex jiġi ttrattat il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk. Skont il-ftehim, li jorbot legalment, il-kumpanija ITL se taħdem mal-Kummissjoni Ewropea, mal-uffiċċju tagħha ta’ kontra l-frodi – l-OLAF, u mal-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-infurzar tal-liġi, sabiex tgħin fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu tat-tabakk u s-sigaretti foloz. Il-ftehim jinkludi ħlasijiet sostanzjali min-naħa tal-ITL lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri matul l-għoxrin sena li ġejjin, li jammontaw għal USD 300 miljun (EUR 207 miljun1). Dan għandu jagħti kontribut importanti ferm lill-isforzi tal-UE biex tiġġieled il-kummerċ illeċitu tat-tabakk, li jisraq lill-UE u lill-Istati Membri biljuni ta’ Euro kull sena.

Il-President tal-Kummissjoni, José Manuel Barroso, qal: “Nilqa' bil-ferħa dan il-ftehim importanti, li se jgħin biex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-UE u se jsaħħaħ l-isforzi tagħna kontra l-kuntrabandu tat-tabakk u s-sigaretti ffalsifikati.”

Il-Kummissarju għat-tassazzjoni, id-dwana, il-ġlieda kontra l-frodi u l-verifika, is-Sur Algirdas Šemeta qal: Il-kuntrabandu u l-prodotti ffalsifikati jqarrqu b'kulħadd: bil-gvernijiet, bil-konsumaturi u bin-negozji leġittimi. Il-ftehim tal-lum ma' Imperial Tobacco se jibgħat messaġġ qawwi u ta' deterrent lill-kriminali li jwettqu l-kuntrabandu tas-sigaretti u jżidilna bil-kbir l-opportunitajiet li għandna li neqirdu darba għal dejjem din l-attività illeċita. "

Il-ġlieda kontra l-prodotti ffalsifikati u kontra l-kuntrabandu

Huwa stmat li l-UE u l-Istati Membri jitilfu sa EUR 10 biljun fis-sena f’taxxi mhux imħallsa minħabba prodotti tat-tabakk iffalsifikati u mdaħħlin bil-moħbi u kontra l-liġi. Barra minn hekk, il-prodotti ffalsifikati u t-tipi l-oħra ta’ kuntrabandu joħolqu katina illegali parallela tal-provvista li tagħmel ħsara lill-mezzi leġittmi tad-distribuzzjoni u li tikkompeti b’mod inġust mal-prodotti ġenwini mqassmin permezz ta’ mezzi leġittmi. Ħafna drabi, il-kummerċ illeċitu tas-sigaretti jintuża biex jiffinanzja attivitajiet ta’ iktar ħsara, bħalma huma t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Minħabba f’hekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE qed jagħtu prijorità kbira lill-ġlieda kontra s-sigaretti ffalsifikati u dawk tal-kuntrabandu.

Matul dawn l-aħħar snin, minkejja li l-miżuri meħudin mill-UE, mill-Istati Membri u mill-industrija kienu ta’ suċċess, l-inċidenza ta’ sigaretti ffalsifikati u tal-kuntrabandu qed tkompli tiddiversifika ruħha u tikber. Għalhekk il-Kummissjoni żiedet l-isforzi tagħha biex tiġġieled il-kummerċ illegali tas-sigaretti ffalsifikati. Dawn jinkludu l-ħidma mill-qrib mal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi terzi sabiex jiġi investigat l-iffalsifikar tas-sigaretti, sabiex il-produzzjoni tas-sigaretti ffalsifikati titqiegħed fil-mira u titwaqqaf, u sabiex il-qabdiet tas-sigaretti ffalsifikati fl-UE jiġu rreġistrati u jitkomplew l-investigazzjonijiet dwarhom biex ikunu identifikati s-sors tal-prodott u tagħrif rilevanti ieħor.

Ftehim sabiex tittejjeb il-ġlieda kontra l-kuntrabandu

Il-ftehim ta’ llum, li sar fuq inizjattiva tal-kumpanija ITL, jirrifletti l-fatt li l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-UE u manifatturi bħall-ITL jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti biex tintrebaħ il-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk.

Il-Ftehim idaħħal dispożizzjonijiet u proċeduri qawwijin għall-kooperazzjoni u l-qsim tal-għarfien sabiex l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkunu jistgħu jieħdu azzjoni iktar effettiva kontra l-kriminali fl-Ewropa u madwar id-dinja kollha. Barra minn hekk, il-kumpanija ITL se tibni fuq il-kontrolli li diġà jeżistu fil-katina tal-provvista tagħha billi se ssaħħaħ il-proċess ta’ analiżi għall-għażla u s-sorveljanza tal-klijenti tagħha biex ittejjeb il-kapaċitajiet tagħha li ssegwi u tittraċċa ċertu pakketti, u biex tagħti appoġġ usa’ lill-korpi Ewropej tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-kummerċ illegali tas-sigaretti.

Il-ftehim fih ukoll proċeduri ddettaljati ta' kif għandhom jiġu segwiti l-prodotti, sabiex il-korpi tal-infurzar ikunu jistgħu jistabbilixxu s-sorsi u d-destinazzjonijiet tad-ditti tal-kumpanija ITL u jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk humiex iffalsifikati jew le. Bi qbil ma’ dak li hemm fil-Ftehim, il-kumpanija ITL se timmarka ċerti pakketti b’tagħrif li juri s-suq li fih ikun beħsiebhom jinbiegħu bl-imnut, se timmarka kaxxi kbar tas-sigaretti msejħin “master cases” 2 b’tabelli li jistgħu jinqraw mill-magni, u se ddaħħal proċeduri oħrajn sabiex ittejjeb is-segwitu u t-traċċar tal-prodotti tagħha.

Dawn l-obbligi huma konsistenti mad-dispożizzjonijiet għal kontra l-kuntrabandu mogħtija fil-Konvenzjoni ta’ Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk u se jsaħħu l-bażi tal-isforzi tal-UE biex tħeġġeġ Protokoll sod għal dik il-Konvenzjoni dwar it-tneħħija tal-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk.

Minbarra l-benefiċċji msemmija hawn fuq, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri li jieħdu sehem fil-ftehim se jirċievu ħlasijiet sostanzjali min-naħa tal-kumpanija ITL għal diversi snin. Il-kumpanija ITL ħadet l-impenn li tħallas ammont totali ta’ USD 300 miljun (EUR 207 miljun) fuq perjodu ta’ għoxrin sena.

Il-Ftehim fih ukoll garanzija min-naħa tal-kumpanija ITL li tħallas jekk, fil-ġejjieni, jinqabdu prodotti ġenwini tagħha fl-UE li jkunu iktar mill-ammonti speċifikati. Dawn il-ħlasijiet se jkunu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri kollha li jkunu qed jieħdu sehem fil-ftehim.

Sfond

Fin-negozjati mal-ITL, il-Kummisjsoni rrappreżentat lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri. Is-Servizz Legali u l-OLAF ikkonkludew in-negozjati għall-Kummissjoni. Fid-9 ta' Lulju 2004 l-UE u għaxar Stati Membri ffirmaw ftehim biex jiġġieldu l-kuntrabandu u l-iffalsifikar ma' Philip Morris International (IP/04/882). Fl-14 ta' Diċembru 2007, l-UE u 26 Stat Membru ffirmaw ftehim biex jiġġieldu l-kuntrabandu u l-iffalsifikazzjoni ma' Japan Tobacco International (IP/07/1927). Fil-15 ta' Lulju 2010, l-UE u 24 Stat Membru daħlu fi Ftehim ta' Kooperazzjoni ma' British American Tobacco (IP/10/951). Mil-lum, is-27 Stati Membri kollha u l-UE huma partijiet fil-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' PMI u ma' JTI.

Għal iktar informazzjoni, ara: MEMO/10/448.

Biex tara l-Ftehim, mur fis-sit tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/anti_fraud/budget/index_en.html

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/semeta/index_en.htm

1 :

Abbażi tar-rata ta' konverżjoni tat-12 ta' Jannar 2010, meta l-Kummissjoni u Imperial Tobacco inizjalaw il-Ftehim ta' Kooperazzjoni.

2 :

Kaxxa kbira msejħa “master case” tfisser pakkett ta’ madwar 10,000 sigarett.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website