Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1177

Brussell, is-27 ta' Settembru 2010

Il-Jum Ewropew tat-Turiżmu 2010 jippromwovi rotot kulturali fl-UE

Il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u l-Kunsill tal-Ewropa huma lesti li jkomplu jikkooperaw għall-promozzjoni tar-"Rotot Kulturali'. Dan huwa l-messaġġ ċar li għamlu l-atturi prinċipali Ewropej fis-settur turistiku llum, fi Brussell, fejn il-Kummissjoni qed tiċċelebra l-Jum Ewropew tat-Turiżmu 2010 fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tat-Turiżmu. Minn meta daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea kisbet is-sehem ġdid li tippromwovi l-kompettitività tas-settur turistiku tagħha, l-iżvilupp sostenibbli tiegħu u dak ibbażat fuq il-kwalità u l-viżibbiltà tal-Ewropa bħala destinazzjoni turistika straordinarja.<0}

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, responsabbli mill-industrija u l-intraprenditorija qal: "Neħtieġu nżommu l-industrija tat-turiżmu Ewropew fuq quddiem nett tas-soluzzjonijiet innovattivi. Il-kunċett tar-rotot kulturali jikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni ta' dak li joffri t-turiżmu Ewropew. Dan jikkorrispondi ma' domanda dejjem tikber mit-turisti biex jesploraw destinazzjonijiet ġodda u l-kulturi tal-oħrajn. F'dan id-dawl, il-Kummissjoni – f'konformità mat-Trattat ta' Lisbona l-ġdid – jista’ jkollha sehem kbir fil-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali u fit-tisħiħ tal-impatt tagħhom".

"Ir-rotot kulturali se jeħduk fuq vjaġġ li jindika l-prinċipji fundamentali tal-Ewropa: id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija kulturali, id-diversità kulturali, l-identità, id-djalogu, u l-iskambju reċiproku", qalet il-Kummissarju Androulla Vassiliou, responsabbli mill-edukazzjoni, il-kultura, il-multilingwiżmu u ż-żgħażagħ.

Ir-rotot kulturali Ewropej jirrappreżentaw prodott turistiku li hu tabilħaqq wieħed pan-Ewropew awtentiku. L-itinerarji kulturali, it-tema tal-Jum Ewropew tat-Turiżmu 2010 ta' din is-sena, jistgħu jkunu żviluppati iktar f'pakkett komprensiv, li jibbenefikaw minnu kemm l-industrija u kemm l-Ewropej. Dawn jistgħu wkoll inaqqsu l-konċentrazzjoni ta' turisti fi ftit siti turistiċi, jegħlbu l-problemi marbuta mad-dipendenza fuq l-istaġuni billi jipproponu mudell ġdid ta' turiżmu u jsaħħu l-kunċett ta' ċittadinanza Ewropea billi nkomplu niskopru l-wirt komuni tagħna. Eżempji ta' rotot simili jinkludu r-rotta tal-Purtiera tal-Ħadid, ir-rotta tal-Feniċi, ir-rotta tas-Siġra taż-Żebbuġ, il-Via Francigena u oħrajn. (Ara l-Memo 10/466 għal deskrizzjoni dettaljata dwar ir-rotot kollha li ġew diskussi llum).

Il-konferenza tal-lum iġġib flimkien għadd ta' Membri tal-Parlament Ewropew, il-Presidenza Belġjana, il-Ministri responsabbli mit-turiżmu f'diversi Stati Membri, rappreżentanti ta' awtoritajiet reġjonali tal-UE differenti u l-Kummissjoni Ewropea – dawn ilkoll juru r-rieda tagħhom li jikkontribwixxu għal żvilupp u promozzjoni akbar tar-Rotot Kulturali.

L-Unjoni Ewropea tista' tikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni fil-mod kif tiġi ssodisfata d-domanda u tinkoraġġixxi l-flussi intra-Ewropej, u dan billi tiżviluppa prodotti turistiċi tematiċi fuq skala Ewropea.

Fil-marġini tal-konferenza, il-Viċi President Tajani kien involut f'negozjati bejn xi Stati Membri tal-UE li ffirmaw iż-żewġ Memoranda ta' Ftehim li ġejjin biex jidħlu għal xi inizjattivi b'mod konġunt fil-qasam tat-turiżmu:

  • l-Italja u Franza, li fi żmien qasir jistgħu anki jingħaqdu magħhom ir-Renju Unit u l-Isvizzera, iffirmaw ftehim li jorbothom li jiżviluppaw strateġija komuni u fit-tul għall-ħarsien u l-promozzjoni tar-rotot kulturali, bl-ewwel waħda tkun il-"Via Francigena", pellegrinaġġ antik li minn Canterbury kien iwassal għal Ruma.

  • Spanja, l-Italja u Franza qablu wkoll dwar il-logo "Passjoni Ewropea" għall-marketing konġunt ta' dak li qed joffru fil-qasam tat-turiżmu fis-swieq tal-BRIC.

Aktar tagħrif dwar ir-rotot kulturali

MEMO/10/446

http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/tourism/index_mt.htm

http://www.coe.int/t/dc/files/Events/itineraires/default_en.asp


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website