IP/10/1171
Brussell, l-24 ta’ Settembru 2010
Is-Saħħa: Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-prodotti tat-tabakk.
Illum il-Kummissjoni qed tniedi konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk (2001/37/KE). Il-Kummissjoni tistieden il-partijiet kollha interessati biex jagħtu l-kontribut tagħhom dwar l-alternattivi differenti u biex jikkummentaw dwar il-miżuri possibbli biex jittejjeb l-għarfien dwar il-perikli tal-użu tat-tabakk, kif ukoll tiżdied il-motivazzjoni biex wieħed jaqta' t-tipjip u jiġi skoraġġit milli jibda jpejjep.Eżempji ta' dawn il-miżuri li jistgħu jitqiesu huma twissijiet dwar is-saħħa bl-istampi akbar u fuq iż-żewġ naħat tal-pakketti tas-sigaretti, ippakkettar sempliċi u regolazzjoni ta' sustanzi dannużi, vizzjużi u attraenti fil-prodotti tat-tabakk. Din il-konsultazzjoni hija pass importanti lejn l-adozzjoni ta' proposta leġiżlattiva prevista għall-bidu tal-2012.
Fi kliem il-Kummissarju tal-UE għas-Saħħa John Dalli: "It-tabakk mhuwiex prodott kwalunkwe: iwassal għall-vizzju kif ukoll għall-mard u t-tbatija fost iċ-ċittadini tagħna u għal infiq li jista' jiġi evitat fil-kura tas-saħħa għall-gvernijiet Ewropej. Minkejja dan, 30 % tal-Ewropej ipejpu. Ninsab partikolarment imħasseb dwar 35 % taż-żgħażagħ Ewropej li jpejpu. "Bħala konklużjoni: "Lejlet il-Jum Dinji tal-Qalb nixtieq infakkar lill-Ewropej li l-esponiment kollu għat-tabakk - tipjip, duħħan passiv jew tabakk tal-magħda – jista' jżid ir-riskju ta' attakk ta' qalb jew problemi kardjovaskulari oħra".
Liema huma r-regoli attwali?
Id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk tmur lura għall-2001. Din tistipula l-limiti massimi fis-sigaretti għal sustanzi bħan-nikotina, il-qatran u l-monossidu tal-karbonju.Barra minn hekk, iġġiegħel lill-produtturi jużaw twissijiet bil-miktub dwar is-saħħa fuq il-pakketti tas-sigaretti u jirrappurtaw dwar l-ingredjenti fit-tabakk u tipprojbixxi termini bħal 'ħfief".
Għaliex ir-reviżjoni?
Il-Kummissarju jimmira li jiffaċilita t-tħaddim tas-suq intern fis-settur tal-prodotti tat-tabakk filwaqt li jiżgura livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa pubblika.
L-inizjattiva tal-Kummissjoni hija risposta għat-talbiet tal-Parlament Ewropew kif ukoll ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva1 li identifikat oqsma potenzjali li jistgħu jittejbu. Fir-Riżoluzzjoni tal-PE tal-2007 dwar il-Green Paper "Lejn Ewropa ħielsa mid-dħaħen tat-tabakk: għażliet politiċi fuq livell tal-UE", l-Istati Membri ntalbu jnaqqsu t-tipjip fost iż-żgħażagħ b'50 % sal-2025. Regoli aktar ħorox dwar il-prodotti tat-tabakk ifissru kontribut importanti biex tinkiseb din il-mira.
Il-Kummissjoni tistieden il-partijiet interessati kollha biex sad-19 ta' Novembru 2010, jikkummentaw dwar il-problemi identifikati fil-konsultazzjoni pubblika, inklużi:
Il-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri li tvarja ferm madwar l-UE u ma tindirizzax biżżejjed it-tħassib dwar is-saħħa u s-sikurezza marbuta ma' ċerti prodotti tat-tabakk u n-nikotina bħas-sigaretti elettroniċi.
It-twissijiet bl-istampi li bħalissa qed jintużaw f'erba' Stati Membri: il-Belġju, ir-Rumanija, ir-Renju Unit u l-Latvja. Dan ifisser li l-livell ta' informazzjoni għall-konsumaturi tal-UE dwar il-perikli tat-tipjip jista' jvarja konsiderevolment minn Stat Membru għal ieħor.
Ir-regolamenti li jippermettu jew jipprojbixxu sustanzi potenzjalment dannużi, vizzjużi u attraenti, inklużi t-togħmiet, li jvarjaw ferm bejn l-Istati Membri.
Li bħalissa huwa diffiċli li wieħed jifhem, iqabbel u janalizza l-informazzjoni dwar l-ingredjenti fit-tabakk. Dan hu dovut għal varjetà ta' formati u mekkaniżmi ta' rappurtar fl-Istati Membri differenti.
Sfond
It-tabakk huwa l-ikbar kawża meħudha waħedha ta' mwiet li jistgħu jiġu evitati fl-Unjoni Ewropea, u jgħodd għal madwar 650 000 mewta qabel iż-żmien kull sena.
Sabiex il-konsum tat-tabakk jonqos madwar l-UE kif ukoll internazzjonalment il-Kummissjoni issegwi politika komprensiva ta' kontroll tat-tabakk. Hemm firxa wiesgħa ta' attivitajiet u inizjattivi inkluża leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tat-tabakk u attivitajiet biex iqajmu l-għarfien, li jikkontribwixxu għal dan il-għan.
Għal aktar informazzjoni:
Il-konsultazzjoni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk:
http://ec.europa.eu/health/tobacco/consultations/tobacco_cons_01_en.htm
Il-politika dwar it-tabakk fl-UE:
http://ec.europa.eu/health/tobacco/policy/index_en.htm
http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:32001L0037:MT:NOT