Navigation path

Left navigation

Additional tools

Lejla Ewropea tar-Riċerkaturi: Mill-fantaxjenza għar-realtà

European Commission - IP/10/1169   24/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1169

Brussell, 24 ta’ Settembru 2010

Lejla Ewropea tar-Riċerkaturi: Mill-fantaxjenza għar-realtà

Beam me up! Illum madwar l-Unjoni Ewropea se jsiru aktar minn 200 avveniment bħala parti mis-sitt "Lejla Ewropea tar-Riċerkaturi" annwali, li timmira li tippromwovi l-karrieri fil-qasam tax-xjenza u r-riċerka. Madwar 500 000 persuna huma mistennija jattendu l-avvenimenti, li jvarjaw minn diskow ta' ekosistema virtwali għal induzzjoni ta' sajjetti f'laboratorju u esplorazzjoni tax-xjenza – fatt u fantaxjenza – li tispira t-teoriji dwar it-teletrasport u l-inviżibilità. Dawk li jħobbu Star Trek u Harry Potter se jistagħġbu meta jsiru jafu li l-kapaċitajiet tal-eroj tagħhom li jisparixxu mhumiex neċessarjament fantasija.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet: "Il-lejla Ewropea tar-Riċerkaturi tippreżenta x-xogħol ta' mijiet ta' xjenzati brillanti involuti fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa. Sabiex tkun assigurata l-kompetittività tal-UE fil-ġejjieni fid-dinja globalizzata u biex jinħolqu tkabbir u impjiegi sostenibbli tant meħtieġa mill-Ewropa, huwa essenzjali li tiġi sostnuta r-riċerka u li aktar żgħażagħ Ewropej jitħeġġu jaqbdu karriera fil-qasam tax-xjenza."

Il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza Máire Geoghegan-Quinn qalet: "Il-lejla Ewropea tar-Riċerkaturi hija opportunità għal kulħadd biex jara r-riċerkaturi Ewropej jikkontribwixxu permezz ta' ispirazzjoni u immaġinazzjoni għall-progress f'oqsma li jvarjaw mill-moda għall-forensika. Avvenimenti bħal dawn, aktar mid-diskorsi politiċi, juru lin-nies li x-xjenza hija importanti, li x-xjenza tbiddel il-ħajja ta' kuljum u li x-xjenza hija gost."

Madwar l-Ewropa, dawk li jattendu l-Lejla Ewropea tar-Riċerkaturi se jkollhom l-opportunità li jimmaniġġaw tagħmir ta' riċerka sofistikat, jiltaqgħu mar-riċerkaturi u japprezzaw wirjiet affaxxinanti li jagħtu l-ħajja lid-dinja tax-xjenza. Aktar minn 600 mużew, campuses tal-università u laboratorji se jiftħu l-bibien tagħhom għall-pubbliku.

Xi wħud mill-mijiet ta' avvenimenti li ġew organizzati madwar l-Ewropa:

  • L-Italja – Il-Planetarju ta' Ruma se jilqa' l-fans ta' "Trekkies" u Harry Potter. Il-prinċipji xjentifiċi wara t-teletrasport u l-inviżibilità mhumiex sempliċiment fantasija: Ir-riċerkaturi Taljani se jispjegaw fejn bħalissa jinsab il-punt li jifred il-fantaxjenza mir-riċerka tanġibbli.

  • Il-Polonja – Ix-xjenzati mill-Università AGH tax-Xjenza u t-Teknoloġija fi Krakόw se jiġġeneraw maltempata ġo laboratorju b'vultaġġ għoli.

  • Ir-Renju Unit – Il-Mużew tal-Istorja Naturali ta' Londra se jorganizza żjarat speċjali wara l-kwinti. Dawk li jżuru l-mużew se jkunu jistgħu jimmaniġġaw eżemplari reali u jieħdu sehem fi preżentazzjonijiet u diskussjonijiet mar-riċerkaturi dwar suġġetti varji bħalma huma l-aktar tekniki moderni għat-traċċar tal-meteoriti u l-ħidma investigattiva tat-tim forensiku tal-mużew.

  • Il-Ġermanja – F'Hamburg, l-Orkestra Sinfonika Felix Mendelssohn se tintegra ħsejjes u xbihat naturali f'kompożizzjoni mużikali sui generis biex titqajjem kuxjenza dwar is-sbuħija tal-bijodiversità. Il-Professur Clemens Malich se jmexxi 80 mużiċista żgħażagħ biex jenfasizza s-sostenn tagħhom għall-preżervazzjoni tal-ispeċi fil-periklu.

  • Spanja – Fil-Ġnien Botaniku Rjali Juan Carlos I, f'Madrid, se jintużaw batterji tal-għadajjar biex jiġi ġġenerat l-elettriku u jiġi attivat iPod li jdoqq il-Water Music ta' Händel. Hemm ippjanati wkoll diskussjonijiet dwar temi marbuta mal-fantaxjenza, bħall-magni versus il-bnedmin.

  • Il-Belġju – Fil-Palais des Beaux-Arts fi Brussell se jkun hemm DJ li se juża l-bijodiversità biex jattira lin-nies għad-dance floor. Il-post se jinbidel f'ekosistema virtwali, bi speċi mill-baħar tat-Tramuntana, mix-xmajjar Afrikani u mill-ispazji urbani ta' Brussell.

  • L-Ungerija – Iż-żgħażagħ f'Budapest se jsegwu l-avventuri ta' erojina kuraġġuża li tħallat komposti kimiċi biex tiġġieled ma' saħħar kattiv. L-ispettaklu ta' żfin u moda fil-Barabas Mansion se jikkompletaw il-preżentazzjoni tal-Fondazzjoni Bay Zoltán għar-Riċerka Applikata.

  • Franza – Il-Mużew tal-Belle Arti u l-Arkeoloġija ta' Besançon se jkun ix-xena għal test ta' dramm futuristiku.

L-aġenda sħiħa tinsab mehmuża hawn taħt.

Sfond

L-ewwel Lejla Ewropea tar-Riċerkaturi ġiet organizzata fl-2005. Minn dakinhar, l-għadd ta' pajjiżi li se jieħdu sehem fl-inizjattiva rdoppja u l-għadd ta' bliet involuti żdied b'għaxar darbiet. Is-sena l-oħra, 450 000 ruħ attendew l-avvenimenti tal-Lejla Ewropea tar-Riċerkaturi.

L-Unjoni Ewropea ssostni l-Lejla Ewropea tar-Riċerkaturi permezz tal-Programm People. L-avvenimenti tal-2010 għandhom baġit ta' EUR 3.5 miljun.

Il-Lejla Ewropea tar-Riċerkaturi qed titmexxa mill-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA).

L-iżvilupp tal-karrieri fil-qasam tar-riċerka huwa sostnut permezz tal-Azzjonijiet Marie Curie, li se jkollhom baġit ta' EUR 772 miljun fl-2011.

Ħoloq

L-Aġenda tal-avvenimenti tal-Lejla tar-Riċerkaturi madwar l-Ewropa:

http://ec.europa.eu/research/researchersnight/

Strateġija tal-UE 2020: http://ec.europa.eu/eu2020/index_en.htm

Il-Programm People – Is-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka:

http://ec.europa.eu/research/fp7/index_en.cfm

Azzjonijiet Marie Curie: http://ec.europa.eu/mariecurieactions

L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka: http://ec.europa.eu/research/rea/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website