Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tappoġġa d-diġitalizzazzjoni tas-swali taċ-ċinema Ewropej

European Commission - IP/10/1168   24/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1168

Brussell, 24 ta' Settembru 2010

Il-Kummissjoni tappoġġa d-diġitalizzazzjoni tas-swali taċ-ċinema Ewropej

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret strateġija ġdida mmirata biex tgħin lis-swali taċ-ċinema Ewropej jaqilbu għal sistema diġitali u biex tħeġġeġ aktar minnhom juru films magħmula fl-Ewropa, biex b'hekk tkun żgurata għażla usa' għall-dawk li jmorru ċ-ċinema. L-ispiża tat-tagħmir diġitali hija projbittiva għal ħafna mis-swali taċ-ċinema żgħar ħafna u l-istrateġija tal-Kummissjoni tistipula l-għażliet għall-appoġġ finanzjarju, inklużi l-għajnuna mill-Istat u l-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-programm MEDIA tal-UE, li jappoġġja l-industrija tal-films. Waħda mill-opportunitajiet maħluqa mill-mixja lejn id-diġitali huwa li tiżdied l-fattibilità tal-konverżjoni tal-films magħmula fl-ewwel snin taċ-ċinema biex dawn ikunu jistgħu jiġu ppreservati għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-Kummissarju Androulla Vassiliou, responsabbli għall-edukazzjoni u l-kultura, qalet: "Ir-rivoluzzjoni diġitali biddlet il-mod kif l-industrija ċinematografika tipproduċi, tqassam u turi l-films. Dawn il-bidliet joħolqu wkoll opportunitajiet kbar għaċ-ċinema Ewropea. It-teknoloġija diġitali tista' tnaqqas l-ispejjeż tad-distribuzzjoni u tista' potenzjalment żżid l-għadd u d-diversità tal-films Ewropej li jintwerew madwar id-dinja. Nittama li dalwaqt naraw il-benefiċċji tat-teknoloġija diġitali fl-swali kollha taċ-ċinema Ewropej, inklużi s-swali indipendenti u s-swali art-house li jikkaratterizzaw in-netwerk uniku taċ-ċinema fl-Ewropa."

Fl-Ewropa, l-adozzjoni diġitali qiegħda tinżamm lura minħabba l-ispejjeż ta' konverżjoni u l-ħtiġijiet differenti tas-swali taċ-ċinema. Proġekter u server diġitali ġdid jiswew madwar EUR 75,000 u dan huwa investiment kbir għal ħafna operaturi tas-swali żgħar taċ-ċinema.

Sa mill-2007, il-Kummissjoni provdiet € 25 miljun f'appoġġ finanzjarju permezz tal-programm MEDIA għall-inizjattivi taċ-ċinema diġitali u proġetti innovattivi oħra Hija qed tippjana li tniedi skema ġdida fl-aħħar tal-2010, li se tikkontribwixxi € 4 miljuni għad-diġitizzazzjoni, immirata lejn is-swali taċ-ċinema li l-biċċa l-kbira ta' films li juru huma films Ewropej.

Is-swali taċ-ċinema art-house fir-reġjun Pollakk tal-Malopolska, ir-reġjuni fit-Tramuntana, fiċ-Ċentru u fir-reġjun Alentejo tal-Portugall u l-Land Ġermaniż ta' Niedersachsen irċevew appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali biex jagħmlu l-bidla minn celluloid għal diġitali. Xi reġjuni Franċiżi qed jippjanaw ukoll biex jużaw il-flus tal-FEŻR għal dan il-għan.

Minbarra li tindirizza kwistjonijiet finanzjarji, l-istrateġija tal-Kummissjoni tfittex li:

  • Taħtaf l-opportunitajiet offruti mill-istandardizzazzjoni;

  • Tqassar it-tranżizzjoni diġitali kemm jista' jkun sabiex jiġu evitati l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-verżjonijiet tal-films kemm celluloid kif ukoll diġitali u ta' sistema ta' distribuzzjoni/esibizzjoni doppja;

  • Tippreserva u ssaħħaħ id-diversità ta' programmazzjoni Ewropea fiċ-ċinema diġitizzati;

  • Tinvesti fir-riċerka, tagħmir u taħriġ professjonali biex tingħata spinta lill-preservazzjoni tal-patrimonju ċinematografiku.

Sfond

Iċ-ċinema għadu popolari daqs qabel fl-Unjoni Ewropea, b'981 miljun ammissjoni fl-2009 - minn 925 miljun fl-2008 (sors: Osservatorju Ewropew Awdjoviżwali).

It-total tal-irċevuti tal-box office Ewropew ammontaw għal € 6.3 biljun fl-2009 - żieda ta' 12 % fuq l-2008. Is-sehem tas-suq fl-industrija Ewropea rrappreżenta 27 % tad-dħul totali tal-box office Ewropew.

Għalkemm l-għadd ta' films li jkunu saru u ġew iddistribwiti fl-UE jaqbeż bil-kbir l-għadd ta' films li saru barra l-UE, dan ma jirriflettix neċessarjament is-sehem fis-suq. Fl-2008, per eżempju, 167 films prodotti fl-Istati Uniti ġew irrilaxxati fl-UE, filwaqt li ġew iddistribwiti 726 films li saru fl-UE. Madankollu, grazzi parzjalment għall-muskolu finanzjarju tad-distributuri Amerikani, is-sehem tas-suq tal-films Amerikani fl-UE 27 kien ta' madwar 65 % (sors: Osservatorju Ewropew Awdjoviżwali).

Is-swali taċ-ċinema Art-house għandhom tendenza li juru aktar films magħmula fl-Ewropa milli mill-katini l-kbar. Ħafna minnhom jappartjenu għan-netwerk "swali taċ-ċinema Europa", li rċieva € X miljun f'appoġġ mill-programm MEDIA sa mill-1995. In-netwerk jinkludi 770 ċinema, b'1,945 skrins f'443 belt fl-UE 27 u tal-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea.

Il-programm MEDIA se jipprovdi €755 miljun lill-industrija tal-films fl-Ewropa fil-perjodu ta’ bejn l-2007 u l-2013. Il-finanzjament jgħin biex itejjeb id-distribuzzjoni u l-promozzjoni tal-films Ewropej u jsaħħaħ il-kompetittività tas-settur.

Il-Fond ta' Garanzija għall-Produzzjoni tal-MEDIA ġdid se jipprovdi € 8 miljuni f'garanziji għal self fl-2010-13 biex jappoġġa u jiffaċilita l-aċċess għall-finanzi għall-kumpaniji tal-films Ewropej u jista' jkun wieħed mill-għodda futuri għall-aċċellerazzjoni tad-diġitalizzazzjoni.

Għal aktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/culture/media/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website