Navigation path

Left navigation

Additional tools

Kif nistgħu nħaddmu s-Suq Intern: Jeħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu sforzi biex is-suq intern isir realtà

European Commission - IP/10/1166   23/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1166

Brussell, it-23 ta’ Settembru 2010

Kif nistgħu nħaddmu s-Suq Intern: Jeħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu sforzi biex is-suq intern isir realtà

L-Istati Membri jirnexxilhom jaqilbu r-regoli tas-Suq Intern fil-liġi nazzjonali, iżda it-tendenza pożittiva ta' dawn l-aħħar snin staġnat skont l-aħħar Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern tal-Kummissjoni Ewropea. Bħala medja, 0.9 % tad-Direttivi tas-Suq Intern li bħalissa skadiet id-data tal-implimentazzjoni tagħhom attwalment mhumiex inklużi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, medja li żdiedet minn dik ta' 0.7 % f'Marzu 2010. Dan ifisser li l-Istati Membri għadhom ma tbiegħdux għalkollox mill-mira ta' 1.0% stabbilita mill-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern fl-2007, iżda mhux b'wisq. Għal dik li hija applikazzjoni tal-liġi tal-UE, kien hemm tnaqqis żgħir fl-għadd ta' ksur tar-regolamenti meta mqabbel ma' sitt xhur ilu. Filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-mobilità taċ-ċittadini fis-Suq Intern, taqsima tat-tabella ta' valutazzjoni tikkonċentra fuq l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-UE fil-qasam tal-għarfien reċiproku tal-kwalifiki professjonali.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: "Jekk nixtiequ nibbenefikaw bis-sħiħ mis-Suq Intern, ir-regoli Ewropej maħsuba biex is-Suq Intern jiffunzjona jeħtieġ li jiġu implimentati fl-Istati Membri – fil-ħin u sewwa. Ir-riżultati tat-tabella ta' valutazzjoni llum juru li għalkemm ħafna Stati Membri sejrin tajjeb, xi wħud minnhom iridu jagħmlu aktar progress. It-tabella hija utli peress li tagħtina stampa ċara u eżatta tal-qagħda reali sabiex inkunu nistgħu naġixxu biex nindirizzaw dawk il-kwistjonijiet li għad trid tinstab soluzzjoni għalihom flimkien mal-Istati Membri."

L-implimentazzjoni tad-Direttivi tas-Suq Intern

  • Id-defiċit medju ta' traspożizzjoni tal-UE – il-perċentwali ta' Direttivi tas-Suq Intern li ma ġewx implimentati fil-liġi nazzjonali fil-ħin – tas-27 Stat Membru żdied b'0.2% u bħalissa huwa ta' 0.9%.

  • B'kollox, 18-il Stat Membru jissodisfaw il-mira ta' 1 % li minnhom tmienja tejbu jew laħqu d-defiċit ta' traspożizzjoni tagħhom meta mqabbla ma' sitt xhur ilu: Id-Danimarka, Malta, is-Slovakkja, il-Finlandja, is-Slovenja, il-Belġju, ir-Renju Unit u l-Irlanda.

  • Id-Danimarka u Malta jinsabu flimkien fl-ewwel post għall-aħjar pajjiżi li wettqu t-traspożizzjoni u qegħdin lura bi tliet direttivi biss.

  • Disa' Stati Membri jinsabu 'l fuq mill-mira ta' traspożizzjoni ta' 1%. L-Awstrija, l-Italja, Franza, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Lussemburgu, il-Polonja, il-Portugall u l-Greċja. Għajr għall-Awstrija u l-Italja, l-Istati Membri kollha l-oħra żiedu d-defiċit ta' traspożizzjoni attwali tagħhom.

  • Bi tqabbil ma sitt xhur ilhu, il-medja tad-dewmien ta' traspożizzjoni tal-UE tjiebet b'xahrejn. Illum, l-Istati Membri jieħdu medja ta' 7 xhur addizzjonali biex jittrasponu d-direttivi tal-UE wara li tkun għaddiet l-iskadenza ta' traspożizzjoni. 21 Stat Membru rnexxielhom inaqqsu d-dewmien medju ta' traspożizzjoni tagħhom. L-ikbar titjib sar fi Spanja, l-Italja u s-Slovakkja.

Ksur

  • L-għadd ġenerali ta' proċedimenti ta' ksur marbuta mas-Suq Intern naqas bi 2.1 % bi tqabbil ma sitt xhur ilhu. "It-tassassjoni u l-unjoni doganali" u "l-ambjent" jibqgħu l-oqsma fejn isir l-iktar ksur.

  • Meta mqabbla mas-snin ta' qabel, il-klassifika tal-proċedimenti miftuħa ta' ksur inbidlet. Illum, il-Belġju għandu l-ogħla għadd ta' proċedimenti ta' ksur, segwit mill-Ġreċja.

L-eżerċizzju tat-tabella ta' valutazzjoni tas-suq intern jiffoka fuq leġiżlazzjoni marbuta mas-suq intern. Dan ma għandu x'jaqsam xejn mal-valutazzjoni li ssir mill-Kummissjoni Ewropea, fuq bażi annwali u li għandha tiġi ppubblikata l-ġimgħa li ġejja, tal-istat ġenerali tal-proċedimenti ta' traspożizzjoni u ksur tal-leġiżlazzjoni Ewropea kollha.

Tabella ta' Infurzar tas-Suq Intern

Għall-ewwel darba l-valutazzjoni fiha tabella ta' infurzar. Hija tipprovdi ħarsa ġenerali tal-konformità tal-Istati Membri għal dik li hija implimentazzjoni u applikazzjoni tal-liġi tas-Suq Intern. Biex ir-regoli jkunu effettivi, it-traspożizzjoni fil-ħin mhix biżżejjed. Tabilħaqq, l-iktar li jimporta huwa li jiġu trasposti sewwa u applikati kif xieraq (ara l-Anness).

It-tabella turi li b'mod ġenerali Malta, il-Latvja u s-Slovenja huma t-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjoni. Iżda, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, hemm tal-inqas qasam wieħed fejn hemm bżonn aktar attenzjoni, bħall-għadd ta' direttivi li ma jiġux trasposti kif xieraq. Interessanti li wieħed jinnota li dan huwa minnu wkoll għall-Istati Membri li għandhom defiċits relattivament tajbin ta' traspożizzjoni, u dan huwa sinjal li kemm it-traspożizzjoni tajba kif ukoll l-implimentazzjoni tajba huma meħtieġa biex ir-regoli jkunu effettivi verament.

Attenzjoni speċjali: Għarfien ta' kwalifiki professjonali

L-istħarriġ juri li ċ-ċittadini ma jistennewx li jkollhom xi problemi bl-għarfien tal-kwalifiki professjonali tagħhom meta jmorru jaħdmu fi Stat Membru ieħor. Iżda dak li n-nies jistħajlu ma jaqbilx mar-realtà. Fi 30 % tal-każijiet irrappurtati lill-Kummissjoni, l-applikazzjonijiet ta' ċittadini għall-għarfien tal-kwalifiki tagħhom jew ġew miċħuda mill-bidu jew dawn iċ-ċittadini kellhom jagħmlu testijiet addizzjonali jew kellhom ikomplu jressqu t-talbiet tagħhom permezz ta' appell. It-tabella ta' valutazzjoni turi differenza kbira bejn l-Istati Membri.

It-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali (2005/36/KE) fl-Istati Membri kienet sfida billi madwar 1 200 miżura ta' implimentazzjoni nazzjonali ġew notifikati lill-Kummissjoni, filwaqt li xi wħud mill-Istati Membri ttardjaw, b'mod partikolari l-Awstrija, il-Lussemburgu u l-Greċja.

It-tabella ta' valutazzjoni turi li s-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) tintuża minn ħafna għall-kooperazzjoni amministrattiva marbuta mad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali. L-IMI hija għodda elettronika multilingwi li permezz tagħha l-awtoritajiet jiskambjaw l-informazzjoni b'mod aktar faċli u aktar malajr biex b'hekk il-proċeduri ta' għarfien ikunu l-aħjar li jista' jkun. L-awtoritajiet jistgħu jużaw l-IMI biex jivverifkaw malajr id-diplomi, pereżempju. F'71 % tat-talbiet kollha ta' informazzjoni l-Istati Membri wieġbu fi żmien ħmistax.

It-test sħiħ tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern l-iktar reċenti jinsab fuq is-sit:

http://ec.europa.eu/internal_market/score/index_en.htm

Annex

Internal Market Scoreboard 21:

Internal Market Enforcement Table (details)

By linking the most important indicators of the scoreboard, such as the transposition deficit, the number of pending infringement cases and the average time it takes a Member State to resolve an infringement, the enforcement table allows to give a more elaborated overview on Member States' compliance with the implementation and application of Internal Market rules.

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website