Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Jum Ewropew tal-Lingwi jenfasizza l-benefiċċji tal-multilingwiżmu għan-negozji ż-żgħar

European Commission - IP/10/1164   23/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1164

Brussell, it-23 ta’ Settembru 2010

Il-Jum Ewropew tal-Lingwi jenfasizza l-benefiċċji tal-multilingwiżmu għan-negozji ż-żgħar

Huwa stmat li 11 % tan-negozji żgħar u ta' daqs medju jitilfu l-kuntratti minħabba nuqqas ta' ħiliet fil-lingwi. Il-kost ta' dawn l-opportunitajiet mitlufa jista' jitla' għal miljuni ta' ewro u jkun ta' theddida għall-impjiegi. Il-Jum Ewropew tal-Lingwi ta' din is-sena, li jiġi ċċelebrat fis-26 ta' Settembru u qrib din id-data, se jiffoka fuq il-lingwi għan-negozju. Fl-24 ta' Settembru, Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, se tindirizza konferenza fi Brussell dwar il-'Lingwi għall-SMEs' u se tiltaqa' ma' rappreżentanti ta' negozji Ewropej li l-ħiliet lingwistiċi tagħhom ġabulhom il-profitti. Bit-23 lingwa uffiċjali tagħha u 'l fuq minn 40 lingwa reġjonali u ta' minoranza, l-UE hija komunità multilingwi unika ta' pajjiżi u nies. Il-Jum Ewropew tal-Lingwi tnieda fl-2001 bħala ċelebrazzjoni ta' din id-diversità u biex jenfasizza l-importanza tal-lingwi fil-ħajja privata u professjonali tagħna.

L-Ewropej qed jagħrfu dejjem iżjed id-differenza li ħiliet f'lingwi barranin jistgħu jagħmlu f'ħajjithom. Il-lingwi ma għandhomx biss valur prattiku għall-iżvilupp personali tal-individwu, iżda jfissru wkoll iktar kummerċ għall-kumpaniji, peress li jagħtuhom vantaġġ kompetittiv u jiftħu swieq ta' esportazzjoni. It-titjib tal-livell ġenerali tal-ħiliet fil-lingwi fl-Ewropa se jikkontribwixxi wkoll għall-istrateġija tagħna Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti u inklużiv u l-multilingwiżmu huwa parti kruċjali mill-inizjattivi prinċipali tagħna Żgħażagħ Mobbli u l-Aġenda għal Ħiliet u Xogħlijiet Ġodda, qalet il-Kummissarju Vassiliou.

Madwar 150 intraprenditur, organizzazzjoni u rappreżentant tan-negozju ta' amministraturi nazzjonali u lokali se jipparteċipaw fl-avveniment tal-Kummissjoni dwar il-'Lingwi għall-SMEs'. Wara t-tnedija, il-Kummissarju Vassiliou se tieħu sehem f'dibattitu dwar il-lingwi, il-kompetittività u l-impjegabbiltà.

Fl-avveniment se tinstema' l-istorja ta' Golla, kumpanija Finlandiża li minn workshop żgħir saret attur globali li tipproduċi basktijiet tal-moda għat-telefowns ċellulari, il-laptops u apparat ieħor li jinbiegħu f'iktar minn 100 pajjiż. L-intraprenditur Franz Huber se jispjega kif l-abbiltajiet lingwistiċi tat-tim tiegħu għenuh jespandi n-negozju tal-familja tiegħu ta' stampar ta' mapep mill-Ġermanja għaċ-Ċina. Id-ditta Latvjana Stenders, li tispeċjalizza f'affarijiet kożmetiċi għall-banju u għall-ġisem, se tgħid kif il-ħiliet fil-lingwi għenuha tagħmel 85 % mill-profitti tagħha mill-esportazzjonijiet.

Il-Programm ta' Tagħlim tul il-Ħajja tal-Kummissjoni jipprovdi EUR 50 miljun fis-sena bħala appoġġ għal attivitajiet u proġetti relatati mal-lingwi.

Jiffoka fuq il-lingwi għall-SMEs abbażi, parzjalment, tal-konklużjonijiet ta' studju li sar fl-2007 dwar l-effetti tan-nuqqas ta' ħiliet f'lingwi barranin fl-intrapriżi fuq l-ekonomija Ewropea. F'kampjun ta' madwar 2 000 negozju, 11 % ta' dawk li wieġbu qalu li kienu tilfu l-kuntratti – li f'ħafna każijiet kienu ta' miljuni ta' ewro – bħala riżultat ta' nuqqas ta' ħiliet fil-lingwi.

(Ara: http://ec.europa.eu/education/languages/Focus/docs/elan-sum_en.pdf )

Il-midja tista' tirreġistra għall-konferenza 'Lingwi għall-SMEs' permezz ta' e-mail fuq languages4business@ec.europa.eu. Dan l-avveniment se jintwera dirett fuq:

http://webcast.ec.europa.eu/eutv/portal/index.html

Avvenimenti fl-Istati Membri

Il-Kummissjoni qed torganizza wkoll avvenimenti fil-pajjiżi kollha tal-UE. Pereżempju, f'Berlin, l-iskejjel primarji se jipparteċipaw fi preżentazzjonijiet multilingwi biex juru l-lingwi u l-pajjiżi differenti tal-Ewropa; f'Londra, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni qed tinkoraġġixxi lill-bloggers jiktbu b'lingwa differenti; f'Pariġi, il-'Maison de l'Europe' se tospita diskussjoni dwar il-multilingwiżmu u l-intrapriżi; f'Madrid se tiġi organizzata konferenza dwar it-"traduzzjoni u l-interpretazzjoni kontra l-esklużjoni"; f'Pisa u Lucca, il-Ministru Taljan għall-Affarijiet Barranin, Andrea Ronchi u l-awtur/espert fis-semjotika Umberto Eco se jiddiskutu l-kontribut tal-lingwi għall-integrazzjoni Ewropea; f'Varsavja se jintwerew 'il fuq minn 12-il film Ewropew bil-lingwa oriġinali tagħhom.

Avvenimenti oħra jinkludu kunċert multilingwi tal-mużika rap fid-Danimarka, xandiriet speċjali fuq ir-radju fil-Bulgarija, il-Latvja u l-Litwanja, kompetizzjoni tal-lingwa onlajn fir-Repubblika Ċeka, qari ta' stejjer fil-Finlandja, festival tal-films fil-Polonja, u fieri tal-lingwa fis-Slovakkja, is-Slovenja u l-Isvezja.

Għal-lista sħiħa ta' avvenimenti, ara:

http://ec.europa.eu/dgs/translation/european_day_languages_2010_events_en.pdf

Il-Kummissjoni qed tniedi wkoll kwiżż dwar il-lingwa onlajn fuq is-sit elettroniku tagħha (ara http://ec.europa.eu/education/languages/quiz/) u kompetizzjoni li ġġib l-isem ta' ‘L-Istorja Favorita Tiegħi b'Lingwa Barranija’ biex tenfasizza kif il-lingwi jistgħu jiftħu l-bibien fil-ħajja privata u professjonali. L-awturi tal-aqwa stejjer se jiġu mistiedna fi Brussell għal ċerimonja ta' għoti ta' premji qrib Jum l-Ewropa f'Mejju 2011. Ara: http://ec.europa.eu/education/languages/index_mt.htm

Għal iktar tagħrif

Is-sit elettroniku tal-Kummissarju Vassiliou:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/vassiliou/index_en.htm

Is-sit elettroniku dwar il-multilingwiżmu

http://ec.europa.eu/education/languages/index_mt.htm

Rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri:

http://ec.europa.eu/represent_mt.htm

Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għat-Traduzzjoni:

http://ec.europa.eu/dgs/translation

Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Interpretazzjoni:

http://scic.ec.europa.eu/europa/jcms/j_8/home


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website