Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: Il-bejjiegħa bl-imnut jonoraw il-wegħdiet ekoloġiċi

European Commission - IP/10/1157   22/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1157

Brussell, il-22 ta' Settembru 2010

L-Ambjent: Il-bejjiegħa bl-imnut jonoraw il-wegħdiet ekoloġiċi

Ix-xerrejja fl-Ewropa qed isibu aktar prodotti ekoloġiċi fil-ħwienet bis-saħħa ta' wegħdiet li għamlu l-bejjiegħa Ewropej biex jippromwovu xejriet ta' konsum aktar ambjentalment sostenibbli . Rapport ta' monitoraġġ tal-ksib ta' miri volontarji stipulati minn membri tal-Forum Ewropew għal Bejgħ bl-Imnut – inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u tas-settur tal-Bejgħ bl-Imnut – juri li l-bejjiegħa qed jonoraw l-impenji tagħhom. Minbarra li poġġew prodotti aktar sostenibbli fis-supermarkets, il-bejjiegħa għamlu wkoll progress fit-tnaqqis tal-effetti negattivi fuq l-ambjent, b'attenzjoni partikolari għal miżuri dwar l-effiċjenza tar-riżorsi. Madankollu, il-komunikazzjoni mal-konsumaturi dwar is-sostenibbiltà titqies qasam li għadu jrid jittejjeb. Ir-rapport jirrakkomanda li titwaqqaf skema li tippremja l-aħjar prattiki.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Dan ir-rapport juri li l-bejjiegħa bl-imnut qed jieħdu dejjem iktar b'serjetà r-responsabbiltajiet tagħhom lejn l-ambjent. Il-bejjiegħa qegħdin f'pożizzjoni unika biex jinfluwenzaw l-għażliet tal-klijenti, u bi pjaċir ngħid li hemm prodotti aktar ekoloġiċi fil-ħwienet tagħna. Nifirħilhom għall-isforzi tagħhom biex isiru aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u biex inaqqsu l-impatt ambjentali tagħhom, iżda għadna madankollu fil-bidu nett."

Impenji ekoloġiċi

Minn meta tnieda l-Forum għal-Bejgħ bl-Imnut fl-2009, il-bejjiegħa stipulaw huma stess sensiela ta' azzjonijiet ambjentali, individwali u speċifiċi, li jikkontribwixxu għall-konsum u l-produzzjoni sostenibbli. L-effiċjenza enerġetika fil-bini u ż-żieda fil-bejgħ ta' prodotti aktar sostenibbli huma l-oqsma ta' attività prijoritorja għall-bejjiegħa bl-imnut.

Ittieħdu madwar 280 impenn ambjentali fi tliet kategoriji: x'inbigħu, kif inbigħu, u l-komunikazzjoni.

Il-monitoraġġ tal-ewwel sensiela ta' impenji għall-2009 żvela bosta eżempji ta' prattika tajba. Żjarat li saru lil ħwienet fi Stati Membri differenti wrew li l-bejjiegħa bl-imnut qed joffru aktar prodotti ekoloġiċi lill-klijenti tagħhom. Dawn jinkludu għażliet usa' ta' prodotti bl-ekotikketta u organiċi.

Sostenibbiltà fil-prattika

Il-katina tas-supermarkets Carrefour żiedet l-għadd ta' prodotti organiċi tagħha stess bi 83 % meta mqabbel mal-2006, filwaqt li l-Mercadona kisbu rata ta' rkupru ta' 100 % għall-iskart tal-imballaġġ fl-imħażen u fiċ-ċentri ta' distribuzzjoni. Asda Wal*Mart naqqsu l-emissjonijiet CO2 mill-flotta tat-trasport b'40 % mil-livelli tal-2005, u l-Lidl laħqu tnaqqis ta' 10 000 tunnellata ta' CO2 fl-2009, sempliċiment bl-użu ta' basktijiet tax-xiri magħmulin minn materjal riċiklat. Eżempji oħra jinsabu fir-rapport.

Għalkemm ġew innotati għadd ta' eżempji ta' prattika tajba fil-komunikazzjoni mal-konsumaturi, ir-rapport wera li dan kien qasam fejn il-bejjiegħa bl-imnut jistgħu jaħdmu aktar. Ir-rapport jirrakkomanda wkoll it-twaqqif ta' skema ta' ppremjar għar-rikonoxximent ta' prattiki tajbin.

Il-Forum għall-Bejgħ bl-Imnut

Il-Forum għall-Bejgħ bl-Imnut tnieda fl-2009 bl-għan li joħloq fehim aħjar tal-miżuri prattiċi meħtieġa sabiex jitħeġġeġ il-konsum sostenibbli. Il-bejjiegħa kollha li ssieħbu mal-Programm ta' Azzjoni tal-Bejjiegħa bl-Imnut favur l-Ambjent (Retailers' Environmental Action Programme - REAP) jistgħu jsiru membri, kif ukoll l-organizzazzjonijiet ċivili tas-soċjetà li jixtiequ jikkontribwixxu għall-għanijiet tiegħu.

F'Ġunju, il-bejjiegħa ppreżentaw kodiċi volontarju ta' mġiba ambjentali għas-settur. Il-Kodiċi għas-Sostenibbiltà Ambjentali fis-Settur tal-Bejgħ bl-Imnut jiffoka fuq il-provvista sostenibbli ta’ prodotti speċifiċi bħalma huma l-injam jew il-ħut, l-użu iktar effiċjenti tar-riżorsi fil-ħwienet, it-titjib kemm jista’ jkun tat-trasport u d-distribuzzjoni, prattiki aħjar tal-ġestjoni tal-iskart u l-komunikazzjoni mtejba lill-konsumaturi. Il-firmatarji jaqblu li jirrappurtaw dwar il-progress li jkunu qed jagħmlu, pereżempju permezz tar-rapport annwali tagħhom dwar is-sostenibbiltà korporattiva. Dsatax-il bejjiegħ ewlieni u 7 assoċjazzjonijiet tal-bejjiegħa diġà ffirmaw il-kodiċi ta' mġiba.

Biex taqra r-rapport u ssir taf iktar dettalji dwar il-Forum għal Bejgħ bl-Imnut, mur:

http://ec.europa.eu/environment/industry/retail/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website