Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1156

Brussell, 22 ta’ Settembru 2010

L-għaxar anniversarju tal-programm Grundtvig: L-UE tagħti "ċans ieħor" permezz tal-edukazzjoni tal-adulti

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, se tieħu sehem f'avvenimenti f'Kopenħagen bejn it-22 u t-23 ta' Settembru biex tfakkar l-għaxar anniversarju ta' Grundtvig, il-programm għall-edukazzjoni tal-adulti tal-Unjoni Ewropea. Grundtvig jgħin lill-adulti jsaħħu l-ħiliet u l-impjegabbiltà tagħhom billi jipprovdi sostenn finanzjarju għal korsijiet ta' taħriġ u mobilità fit-tagħlim. Il-Kummissjoni temmen li dan is-sostenn huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel biex tingħeleb il-kriżi u jiġi liberat il-potenzjal kollu ta' tkabbir tal-Ewropa, billi jiżgura li dawk li ma kellhomx opportunitajiet fl-imgħoddi jkunu jistgħu jimxu 'l quddiem fil-ġejjieni. Matul l-aħħar għaxar snin, il-programm investa EUR 370 miljun fis-settur tal-edukazzjoni tal-adulti u pprovda 17 000 għotja lill-organizzazzjonijiet u involva madwar 500 000 parteċipant.

"Grundtvig jagħti lill-adulti ta' kull età opportunità oħra biex jiksbu ħiliet u kwalifiki li jgħinuhom itejbu l-prospetti ta' impjieg kif ukoll l-iżvilupp personali tagħhom," qalet il-Kummissarju Vassiliou, "Il-programm isostni firxa wiesgħa ta' organizzazzjonijiet, b'enfasi kbira fuq adulti żvantaġġati. Dan huwa parti vitali tal-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea għat-tagħlim tul il-ħajja u se jikkontribwixxi għall-inizjattiva tagħna Żgħażagħ Attivi u għall-miri tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv."

Il-programm Grundtvig jgħin lill-adulti li ħallew l-iskola bi kwalifiki bażiċi jew xejn, kif ukoll jipprovdi sostenn għall-għalliema, dawk li jipprovdu t-taħriġ u persunal ieħor f'ċentri u assoċjazzjonijiet tal-edukazzjoni tal-adulti, organizzazzjonijiet li jipprovdu konsulenza, servizzi ta' informazzjoni, NGOs, intrapriżi, gruppi volontarji u ċentri ta' riċerka.

L-objettivi speċifiċi tal-programm Grundtvig huma li:

  • Itejjeb il-kwalità tal-korsijiet ta' taħriġ u jżid il-mobilità ta' dawk li jitgħallmu u tal-għalliema u l-persunal involuti fl-edukazzjoni tal-adulti.

  • Jiżgura li l-persuni li jinsabu fil-marġni tas-soċjetà jkollhom aċċess għall-edukazzjoni tal-adulti, speċjalment persuni akbar fl-età u dawk mingħajr kwalifiki bażiċi;

  • Itejjeb il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni tal-adulti;

  • Jiżviluppa prattiki innovattivi fil-qasam tal-edukazzjoni tal-adulti u tal-maniġment, kif ukoll iħeġġeġ l-implimentazzjoni tagħhom fuq skala kbira;

  • Isostni l-kontenut, is-servizzi u l-prattiki edukattivi bbażati fuq l-ICT.

Finanzjament

Il-baġit totali għall-programm Grundtvig fl-2007-2013 huwa ta' EUR 415-il miljun. Fl-2009, il-programm alloka EUR 62 miljun għal 1,540 organizzazzjoni involuti fi sħubiji ta' tagħlim. B'kollox, kien hemm 26,000 parteċipant individwali minn mal-Ewropa involuti fi sħubiji ta' tagħlim u azzjonijiet ta' mobilità oħra.

Mis-sena 2000 'il hawn tħallsu kważi 14,000 għotja lil organizzazzjonijiet li pparteċipaw f'aktar minn 3,000 sħubija ta' tagħlim; għal ħafna, Grundtvig offra l-ewwel esperjenza ta' xogħol ma' organizzazzjonijiet simili f'pajjiżi oħra fl-Ewropa.

Matul l-aħħar għaxar snin madwar 15,000 għalliem u persunal ieħor ibbenefikaw minn taħriġ intern jew perjodu ta' tagħlim bis-saħħa tal-programm Grundtvig. Din iċ-ċifra misennija tammonta għal aktar minn 20,000 sa tmiem l-2013.

Minn mindu nħolqu opportunitajiet ġodda għall-mobilità fl-2009, madwar 5,000 student adult minn 30 pajjiż irċevew għotja biex jipparteċipaw f'esperjenzi ta' tagħlim u f'attivitajiet ta' volontarjat barra minn pajjiżhom biex isaħħu l-ħiliet ta' żvilupp personali tagħhom.

Il-programm jiffoka fuq is-sostenn għal proġetti u netwerks ta' kooperazzjoni biex jiġu żviluppati u mxerrda strateġiji innovattivi għat-tagħlim tal-adulti. Minn mindu beda l-programm, twettqu madwar 700 inizjattiva bħal dawn, bl-involviment ta' madwar 4,000 imsieħeb mal-Ewropa kollha.

Il-Kummissarju Vassiliou se tiltaqa' ma' persuni li bbenefikaw mill-programm Grundtvig u esperti fl-edukazzjoni tal-adulti matul konferenza biex jitfakkar l-għaxar anniversarju tal-programm f'Kopenħagen fit-23 ta' Settembru. Se tiltaqa' wkoll mal-Ministru Daniż għall-Edukazzjoni, Tina Nedergaard. Iż-żjara tagħha se tibda fit-22 ta' Settembru bi żjara fl-Iskola Daniża tal-Edukazzjoni fl-Università ta' Aarhus (konferenza stampa: 13:15). Il-Kummissarju se tiltaqa' wkoll mal-Ministru tal-Kultura, Per Stig Møller.

Fil-15 ta' Settembru, ingħata bidu għal konsultazzjoni dwar il-ġejjieni tal-Programm ta' Tagħlim tul il-Ħajja tal-Kummissjoni, li jinkludi Grundtvig (ara http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/consult/index_mt.html).

Min kien Grundtvig?

Il-programm Grundtvig issemma wara l-filosofu, teologu u għalliem Daniż, Nikolaj Grundtvig (1783-1872). Huwa meqjus bħala l-"missier" tal-moviment tal-Iskejjel Sekondarji Popolari, li bdew fid-Danimarka f'nofs is-seklu dsatax u nfirxu madwar ir-reġjun Nordiku u lejn bosta pajjiżi oħra.

Grundtvig sostna b'mod qawwi l-edukazzjoni tal-adulti biex dawn ikunu jistgħu jaqdu lill-komunitajiet tagħhom. Kien jemmen li l-istudju fil-klassi kellu l-limiti tiegħu u li t-tagħlim veru jiġi mal-ħajja nnfisha – l-edukazzjoni permezz tal-ħajja, l-edukazzjoni għall-ħajja.

Programm ta’ Tagħlim tul il-Ħajja

Grundtvig huwa wieħed mill-erba' pilastri tal-Programm ta' Tagħlim tul il-Ħajja (LLP) tal-Kummissjoni Ewropea, li jippermetti lill-persuni fl-istadji kollha ta' ħajjithom li jieħdu sehem f'esperjenzi ta' tagħlim, kif ukoll jgħin biex jiġi żviluppat is-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Ewropa. It-tliet pilastri l-oħra ta' finanzjament tal-LLP huma: Erasmus, li jiffoka fuq l-edukazzjoni għolja, Leonardo da Vinci għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u Comenius għall-iskejjel.

L-erba' subprogrammi jiffinanzjaw firxa ta' azzjonijiet inklużi skambji, żjarat ta' studju u attivitajiet ta' netwerking. Il-proġetti huma mmirati lejn studenti individwali, kif ukoll għalliema, dawk li jipprovdu t-taħriġ u persuni oħra involuti fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

Il-baġit totali għall-Programm ta' Tagħlim tul il-Ħajja huwa ta' EUR 7 biljun fl-2007-2013.

Aktar tagħrif:

Kummissjoni Ewropea: Il-Programm Grundtvig

Il-websajt tal-konferenza ta' Kopenħagen:

http://ec.europa.eu/education/grundtvig/doc2502_en.htm

Il-Konferenza "Grundtvig, għaxar snin ta' innovazzjoni fit-tagħlim tal-adulti fl-Ewropa":

http://ec.europa.eu/education/grundtvig/doc1974_en.htm).

Fatti u ċifri dwar il-programmi ta' mobilità tal-UE fl-edukazzjoni, it-taħriġ, ir-riċerka u ż-żgħażagħ: http://ec.europa.eu/education/focus/doc/mobilityfigures.pdf


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website