Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Aġenda Diġitali: EUR 5 miljun ta' finanzjament mill-UE jgħinu biex is-Silk Road l-antika tinbidel f'highway ta' riċerka u edukazzjoni b'veloċità kbira

European Commission - IP/10/1152   21/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1152

Brussell, il-21 ta’ Settembru 2010

L-Aġenda Diġitali: EUR 5 miljun ta' finanzjament mill-UE jgħinu biex is-Silk Road l-antika tinbidel f'highway ta' riċerka u edukazzjoni b'veloċità kbira

Il-Kummissjoni Ewropea illum ikkontribwiet biex tiżdied il-kapaċità tal-internet disponibbli għar-riċerkaturi fir-reġjun tal-Asja Ċentrali (il-Kirgiżistan, it-Taġikistan u t-Turkmenistan). Permezz ta' kontribuzzjoni ta' EUR 5 miljun mill-Kummissjoni n-Netwerk tar-Riċerka u l-Edukazzjoni tal-Asja Ċentrali (CAREN), is-Silk Road l-antika tjiebet u saret internet highway veloċi u moderna għar-riċerka u l-edukazzjoni. Ir-riċerkaturi, l-akkademiċi u l-istudenti fir-reġjun issa jistgħu jaqbdu mal-internet b'konnessjonijiet ta' kapaċità qawwija, għoddha li toffrilhom opportunitjajiet uniċi biex ikollhom rwol prinċipali fix-xena internazzjonali tar-riċerka. Bil-Kazakistan u l-Uzbekistan ukoll bħala pajjiżi kandidati biex jingħaqdu man-netwerk, il-CAREN se jkun qed iġib flimkien aktar minn nofs miljun użatur f'aktar minn 500 università u ċentri ta' riċerka.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes qalet: "CAREN jirrifletti l-istrateġija tal-Kummissjoni biex tiġi indirizzata lakuna importanti fl-infrastruttura globali Ewropea għar-riċerka billi jiġu pprovduti konnessjonijiet mal-Asja Ċentrali ta' dejta tal-komunikazzjoni ta' kapaċità kbira u li fl-istess waqt ikunu kost-effettivi. Dan inaqqas il-firda diġitali u jikkontribwixxi għall-modernizzazzjoni u l-iżvilupp tar-riċerka u l-edukazzjoni fir-reġjun.

"Il-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs qal: "Dan il-proġett se jiffaċilita u jtejjeb ix-xogħol ta' aktar minn 500 000 riċerkatur fl-Asja Ċentrali. L-appoġġ tal-edukazzjoni ta' livell għoli u il-konnessjoni tal-internet huma investimenti biex il-futur taċ-ċentri tal-innovazzjoni tal-Asja Ċentrali jissawwar aħjar. Jien fiduċjuż li l-għajnuna tal-UE se jkollha impatt kbir fuq it-tkabbir ekonomiku tal-pajjiżi".

In-Netwerk tar-Riċera u l-Edukazzjoni tal-Asja Ċentrali (CAREN) li ġie mniedi uffiċjalment illum f'Bishkek, il-Kirgiżistan, jagħti lil madwar nofs miljun riċerkatur fir-reġjun aċċess għal bażijiet tad-dejta kbar, saħħa massiva għall-ipproċessar meħtieġa għal riċerka mill-aktar moderna li se tkun ta' benefiċċju dirett għar-reġjun. Pereżempju, f'din iż-żona ta' terremoti, fejn jiltaqgħu is-safef tettoniċi tal-Indja u l-Ewrasja, il-konnessjonijiet veloċi tal-CAREN se jippermettu lix-xjenzati biex jevalwaw u jiskambjaw dejta siżmika minn stazzjonijiet tal-monitoraġġ f'ħin kważi reali. Dan se jtejjeb il-valutazzjoni tal-perikli, u l-ġestjoni effettiva tar-riskju tad-diżastri, pereżempju billi jkun hemm konnessjonijiet bejn riċerkaturi fl-Istitut tal-Asja Ċentrali għall-Ġeoxjenzi Applikati (CAIAG) fil-Kirgiżistan mal-kollegi tagħhom taċ-Ċentru tar-Riċerka tal-Ġermanja tal-Ġeoxjenzi (GFZ).

Diversi nħawi oħra jibbenefikaw minn kapaċità mtejba tal-internet, inklużi inizjattivi tat-telemediċina fit-Taġikistan, kollaborazzjonijiet ippjanati tar-riċerka tat-tessuti bejn il-Kulleġġ ta' Londra tal-Moda u kulleġġi oħra sħab f'Tashkent, u monitoraġġ ambjentali fil-baċin ta' Issyk-Kul bejn l-Istitut tal-Fiżika f'Kyrgyz u istituti sħab fil-Ġermanja u l-Istati Uniti. Diversi proġetti ta' tagħlim mill-bogħod bdew diġà, bħal fit-Turkmenistan b'kollaborazzjoni mal-Università Teknika ta' Ħamburg u l-Università Awtonoma ta' Barċellona. Diversi preżentazzjonijiet fuq tali inizjattivi konġunti bejn l-Ewropa u l-Asja Ċentrali fl-avveniment tat-tnedija tal-lum jagħmlu enfasi fuq il-potenzjal tan-netwerk CAREN għal kollaborazzjoni aktar mill-qrib.

Barra mill-forniment ta' konnessjonijiet ta' veloċità qawwija bejn ix-xjenzati madwar ir-reġjun, grazzi għall-interkonnessjoni mal-imsieħeb pan-Ewropew il- GÉANT, il-CAREN jorbothom ukoll mal-komunità globali tar-riċerka u l-edukazzjoni. Ir-riċerkaturi jistgħu jfittxu wkoll fil-libreriji diġitali, jidħlu f'bażijiet tad-dejta distribwiti ġeografikament, jiskambjaw strumenti xjentifiċi remoti u jiskambjaw bil-ħeffa u b'mod affidabbli ammonti kbar ta' dejta madwar id-dinja.

Il-CAREN, ikkofinanzjat mill-Uffiċċju ta' Kooperazzjoni tal-Europe Aid tal-Kummissjoni Ewropea, jirċievi 80% (€5 miljun) mill-baġit tiegħu ta' €6.25 miljun mill-Kummissjoni Ewropea, bil-bqija tal-fond li jkunu pprovduti minn pajjiżi benefiċjarji fuq il-bażi ta' qsim tal-kosti. Dan il-proġett hu mħaddem u mmaniġġjat mill-ogranizzazzjoni tan-netwerking tar-riċerka DANTE, flimkien man-Netwerks Nazzjonali tar-Riċerka u l-Edukazzjoni (NRENs) tal-pajjiżi parteċipanti.

Kuntest

Il-CAREN jibni fuq il-kisbiet tal-proġett Silk iffinanzjat min-NATO li introduċa r-riċerka tan-netwerking mal-Kawkażu u l-Asja Ċentrali. Oriġinarjamenti kienu jużaw teknoloġija satellitari ta' kapaċità baxxa, u aktar reċenti qed jaġġornaw it-tagħmir bl-użu ta' fibri ottiċi terrestri. B'finanzjament min-NATO fl-Asja Ċentrali li jintemm f'Ġunju tal-2010, il-CAREN ħa f'idejh il-forniment tal-konnettività għas-servizz tar-riċerka u l-edukazzjoni fl-Asja Ċentrali.

Imniedi fl-2000, il- GÉANT illum għandu konnessjonijiet ta' veloċità qawwija mal-Asja, il-Mediterran, l-Afrika t'Isfel, l-Amerika Latina (IP/08/354) u l-Baħar l-Iswed (IP/09/407). Jgħaqqad ukoll il-Pakistan mal-komunità globali tar-riċerka (IP/08/1590) u l-komunità Ewropea tar-riċerka dwar il-fużjoni maċ-ċentri tas-superkomputazzjoni tiegħu(IP/09/117). Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-GÉANT permezz tal-Programm Qafas ta' Riċerka tagħha b'finanzjament li jammonta għal EUR 93 miljun għall-perjodu 2009-2013.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website