Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tadotta strateġija esterna għall-UE dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR)

European Commission - IP/10/1150   21/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1150

Brussell, l-21 ta’ Settembru 2010

Il-Kummissjoni Ewropea tadotta strateġija esterna għall-UE dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR)

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat pakkett ta' proposti dwar l-iskambju tad-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) ma' pajjiżi terzi, li jikkonsisti fi strateġija esterna għall-UE dwar il-PNR u rakommandazzjonijiet għan-negozzjar ta' direttivi għal ftehimiet ġodda tal-PNR mall-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada.

"F'din l-istrateġija, qed nistabbilixxu l-prinċipji ġenerali li kwalunkwe ftehim dwar il-PNR ma' pajjiż terz għandu jkun ibbażat fuqhom. Id-dejta tal-PNR uriet li hi għodda importanti fil-ġlieda kontra l-atti kriminali serji transnazzjonali, kif ukoll kontra t-terroriżmu, iżda fl-istess ħin, tqajjem kwistjonijiet importanti dwar il-protezzjoni tad-dejta personali", qalet il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni Cecilia Malmström.

Iktar u iktar pajjiżi terzi jużaw id-dejta tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-atti kriminali serji transnazzjonali. Awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi jistgħu jużaw id-dejta pprovduta minn passiġġier biex jibbukja titjira biex jinvestigaw atti kriminali tal-imgħoddi, jiprevjenu oħrajn ġodda u jagħmlu analiżi tar-riskju.

Attwalment l-iskambju tad-dejta tal-PNR ma' pajjiżi terzi ssir skont oqfsa differenti. Il-kontinwazzjoni ta' din is-sitwazzjoni meta d-dejta tal-PNR hija aktar ma jmur għodda popolari għas-sigurtà, tafettwa negattivament iċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tad-dejta personali tal-passiġġieri.

Il-Komunikazzjoni mressqa llum tistabilixxi prinċipji ġenerali li kwalunkwe ftehim dwar il-PNR ma' pajjiż terz għandu jsegwi:

1. Il-protezzjoni tad-dejta personali, bil-għan li tipproteġġi d-drittijiet tal-passiġġieri:

- Id-dejta tal-PNR għandha tkun użata esklussivament biex tiġġieled it-terroriżmu u l-atti kriminali serji transnazzjonali.

  • Il-kategoriji tad-dejta tal-PNR għandhom ikunu limitati għal dak li hu neċessarju għal dak il-għan, u jkunu elenkati b'mod ċar fil-ftehim.

  • Il-passiġġieri għandhom jingħataw informazzjoni ċara dwar l-iskambju tad-dejta tal-PNR tagħhom, għandhom id-dritt li jaraw id-dejta tal-PNR tagħhom u d-dritt għall rimedju ġudizzjarju. Dan jgħin biex jiżgura rispett totali tal-privatezza u li kwalunkwe vjolazzjoni tal-privatezza tkun rimedjata.

  • Deċiżjonijiet li jkollhom effetti avversi fuq il-passiġġieri ma jridu qatt ikunu bbażati fuq l-ipproċesar awtomatizzat tad-dejta tal-PNR. Irid ikun involut bniedem qabel ma passiġġier ikun irrifjutat milli jitla' abbord. Dan ifittex li jipprevjeni l-"ipprofilar"

  • Pajjiżi terzi jridu jiżguraw livell għoli ta' sigurtà tad-dejta u superviżjoni effettiva u indipendenti tal-awtoritajjiet li jużaw id-dejta tal-PNR.

  • Id-dejta tal-PNR ma tistax tinżamm għal iktar milli hu neċessarju biex ikun miġġieled it-terroriżmu u atti kriminali serji transnazzjonali, u pajjiżi terzi għandhom gradwalment jillimitaw min għandu aċċess għad-dejta matul il-perjodu ta' żamma.

  • Id-dejta tal-PNR tista' tkun kondiviża mill-pajjiż terz ma' pajjiżi oħra (trasferiment 'il quddiem) biss jekk dawk il-pajjiżi jirrispettaw l-istandards imniżżla fil-ftehim tal-PNR bejn l-UE u l-pajjiż terz, u skont kull każ biss.

2. Modalitajiet tat-trasferiment tad-dejta tal-PNR, bil-għan li jipprovdu ċetezza legali lit-trasportaturi bl-ajru u jżommu l-kosti f'livell aċċettabbli: Id-dejta tal-PNR għandha tkun trażmessa bl-użu tas-sistema "PUSH", u n-numru ta' drabi li d-dejta hi trasferita qabel kull titjira jkun limitat u proporzjonat.

3. Standards għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni korretta tal-ftehim dwar il-PNR, pereżempju dwar ir-reviżjoni, il-monitoraġġ u r-riżoluzzjoni effettiva tad-disputi.

4. Reċiproċità għandha wkoll tkun żgurata. Informazzjoni dwar it-terroriżmu u l-atti kriminali serji transnazzjonali li jirriżulta mill-analiżi tad-dejta tal-PNR minn pajjiżi terzi għandha tkun kondiviża mal-EUROPOL, il-EUROJUST u l-Istati Membri tal-UE.

Għal iktar informazzjoni

Il-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Kummissarju għall-Affarijiet Interni, Cecilia Malmström:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm

MEMO/10/431


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website