IP/10/1149
Brussell, l-21 ta’ Settembru 2010
Laqta' femminili għall-Ewropa: il-Kummissjoni Ewropea tadotta strateġija ġdida dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel
Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat strateġija ta' ħames snin għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Ewropa. L-istrateġija għandha l-għan, b'mod partikolari, li jsir użu aħjar mill-potenzjal tan-nisa, biex b'hekk jingħata kontribut lill-miri ġenerali tal-UE fil-qasam ekonomiku u dak soċjali. Din tittrasforma l-prinċipji mfissra fil-Karta tal-Kummissjoni Ewropea dwar in-Nisa (ara IP/10/237) f'miżuri speċifiċi li jvarjaw minn ħidma biex ikun hemm aktar nisa fil-kumitati ta' tmexxija tal-kumpaniji, għal ħidma biex tiġi miġġielda l-vjolenza bbażata fuq id-differenzi bejn is-sessi. Intant, skont stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru, 87% tal-Ewropej jappoġġjaw azzjoni mill-UE kontra l-vjolenza domestika. Persuna waħda minn kull erbgħa taf lil xi ħadd li kien vittma ta' din it-tip ta' vjolenza.
"L-Ewropa kienet minn ta' quddiem fid-dinja bl-eżempju li tat fejn tidħol l-ugwaljanza bejn is-sessi, billi daħħlet il-prinċipju ta' paga ndaqs għall-istess xogħol fit-Trattat ta' Ruma fl-1957. Dan nistgħu nerġgħu nagħmluh fejn tidħol il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-ġlieda kontra l-vjolenza bbażata fuq id-differenzi bejn is-sessi," qalet Viviane Reding, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. "Sabiex il-mutur tat-tkabbir jerġa' jaqbad, l-Ewropa għandha tagħmel użu aħjar mit-talenti tan-nisa. Fil-passat jiena ma kontx naqbel mal-idea ta' kwoti għan-nisa f'karigi għolja tan-negozju, iżda meta wieħed iqis in-nuqqas ta' progress f'dan il-qasam, jista' jkun li fil-futur ikollna nikkunsidraw li nieħdu inizjattivi fil-livell Ewropew. Beħsiebni li fir-rebbiegħa tal-2011 niltaqa' mal-kapijiet eżekuttivi ta' kumpaniji ewlenin Ewropej ikkwotati pubblikament biex niddiskuti s-sitwazzjoni u l-ambitu għal awtoregolamentazzjoni soda. Skont xi jkunu r-riżultati minn dan id-djalogu mal-industrija, jiena mbagħad nikkunsidra jekk fl-2012 ikunx hemm il-bżonn ta' aktar inizjattivi."
L-istrateġija tal-ugwaljanża bejn is-sessi adottata mill-Kummissjoni Ewropea llum, tippreżenta sensiela ta' azzjonijiet ibbażati fuq ħames prijoritajiet: l-ekonomija u s-suq tax-xogħol; paga ugwali ugwaljanza f'karigi għolja; ġlieda kontra l-vjolenza bbażata fuq differenzai bejn is-sessi; kif ukoll il-promozzjoni tal-ugwaljanza lil hinn mill-UE. Dawn jinkludu:
Li jidħlu aktar nisa fis-suq tax-xogħol u jagħtu sehemhom biex tintlaħaq il-mira l-Ewropa 2020 li jkun hemm rata ta' impieg ta' 75% totali għan-nisa u għall-irġiel (ara IP/10/225);
Jiġu ppreżentati inizjattivi mmirati biex aktar nisa jispiċċaw f'karigi għolja fejn isir it-teħid ta' deċiżjonijiet marbuta mal-ekonomija;
Tiġi promossa l-imprenditorija femminili u x-xogħol indipendenti;
Jiġi istitwit Jum Ewropew għall-Paga Ugwali biex jitqajjem l-għarfien tal-fatt li n-nisa għadhom qed jaqilgħu medja ta' 18% anqas mill-irġiel madwar l-UE;
Issir ħidma flimkien mal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa, speċjalment billi tinqered il-mutilazzjoni tal-ġenitali feminili fl-Ewropa u lil hinn minnha.
Il-Kummissjoni sejra wkoll tistabbilixxi Djalogu dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, fl-għola livell, ta' kull sena, li jkun jinvolvi lill-Parlament Ewropew, lill-presidenzi tal-Kunsill, lis-sħab soċjali Ewropej kif ukoll lis-soċjetà ċivili biex jifli l-progress li jkun qiegħed isir fl-implimentazzjoni tal-istrateġija.
Sfond
Il-kisbiet tal-UE biex tisseddaq l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kienu ta' għajnuna biex jitjiebu l-ħajjiet ta' ħafna ċittadini Ewropej. Jeżistu xi xejriet inkoraġġanti: hemm aktar nisa fis-suq tax-xogħol (li qed iqarrbu lejn is-60% bħala medja fl-UE, żieda fuq it-52% fl-1998) u fl-edukazzjoni u t-taħriġ kien hemm titjib. Nisa żgħażagħ (20-24) jirrappreżentaw 59% tal-gradwati tal-università fl-UE (ara l-anness).
Madankollu, f'ħafna oqsma għad hemm differenzi bejn is-sessi. Fis-suq tax-xogħol għad hemm proporzjonalment aktar nisa f'oqsma fejn il-pagi huma baxxi u għadd m'hemmx proporzjon xieraq ta' nisa f'karigi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. Ir-rati tal-impjiegi tan-nisa jinżammu baxxi minħabba r-responsabbiltajiet tan-nisa bħala ommijiet: l-intraprendituri nisa huma biss 33.2% ta' dawk li jaħdmu għal rashom. Barra minn dan, in-nisa għadhom jaħdmu aktar sigħat bla ħlas fid-djar mill-irġiel.
Il-vjolenza bbażata fuq id-differenzi bejn is-sessi għadha problema. Stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru kejjel kif il-pubbliku jipperċepixxi l-vjolenza domestika kontra n-nisa. 26,800 ċittadin ġew intervistati fi Frar u Marzu tal-2010 fis-27 Stat Membru tal-UE kollha. L-istħarriġ isegwi Ewrobarometru preċedenti li kien sar fl-1999 f'dik li kienet UE ta' 15-il Stat Membru.
Aktar tagħrif
Pakket b'tagħrif għall-ġurnalisti li jinkludi:
Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel (2010-2015)
Anness: Azzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel (2010-2015)
Dokument ta' sfond li jakkumpanja l-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel (2010-2015)
Ewrobarometru Speċjali 344: Il-vjolenza domestika kontra n-nisa – rapport sħiħ
Ewrobarometru Speċjali 344: Il-vjolenza domestika kontra n-nisa – lista ta' fatti skont il-pajjiż
http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=890&furtherNews=yes
Il-paġna fuq l-internet ta' Viviane Reding, Viċi President u Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:
http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm
ANNESS
Rapport tal-Kummissjoni Ewropea (mhux bil-Malti) "More women in senior positions – Key to economic stability and growth", p.21