Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1145

Brussell, l-20 ta' Settembru 2010

Riporters Żgħażagħ Kontra l-Faqar – il-Kummissjoni tappella lill-ġurnalisti żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom fi kwistjonijiet dwar l-iżvilupp

Illum il-Kummissjoni Ewropea se tagħti bidu għall-kompetizzjoni Riporters Żgħażagħ Kontra l-Faqar – stedina għall-istudenti kollha tal-ġurnaliżmu fl-Istati Membri tal-UE biex iressqu rapport dwar kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-iżvilupp sabiex jintgħażel biex ikopri l-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp li se jsiru fi Brussell f'Diċembru. Ir-rebbiħin finali se jiġu mistednin imorru għal żjara istruttiva f'wieħed mill-pajjiżi sħab tal-Kummissjoni fl-Afrika. Il-kompetizzjoni qed tiġi varata f'data importanti għall-koperazzjoni dwar l-iżvilupp - meta baqa' biss ħames snin sa ma, fl-2015, jagħlaq iż-żmien biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Millennju dwar l-Iżvilupp, id-dinja se tkun qed tistenna li l-laqgħa għolja tan-Nazzjonijiet Uniti li se ssir fi New York bejn l-20 u t-22 ta' Settembru taċċellera l-progress lejn l-GħMŻ.

"Fil-jum tal-ftuħ tal-Laqgħa Għolja dwar l-GħMŻ fi New York, b'sens ta' kburija nappella lill-istudenti kollha Ewropej tal-ġurnaliżmu biex jissieħbu fil-ġlieda kontra l-faqar fid-dinja. Il-midja għandha sehem importanti ħafna: ir-rapporti fil-midja huma kruċjali biex in-nies isiru jafu aktar, biex isseħħ mobilizzazzjoni u biex l-iżvilupp jitpoġġa fuq l-aġenda politika. Għandi aspettattivi kbar fejn jidħlu l-kreattività u l-involviment tar-riporters żgħażagħ u nawguralhom suċċess fil-kompetizzjoni", qal il-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Pielbags.

Il-kompetizzjoni Riporters Żgħażagħ Kontra l-Faqar, li qed jiġi organizzat id f'id maċ-Ċentru Ewropew għall-Ġurnaliżmu, hija inizjattiva maħsuba għall-istudenti tal-ġurnaliżmu fl-Istati Membri tal-UE bil-għan li jiġi inkuraġġit l-interess tagħhom fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-iżvilupp. Mil-lum sad-29 ta' Ottubru, l-istudenti tal-ġurnaliżmu huma mistednin iressqu rapport bil-miktub jew għar-radju dwar l-UE u l-iżvilupp. Fuq il-bażi ta' dan ir-rapport u tal-formola ta' applikazzjoni, se jintgħażlu 33 applikant li se jiġu mistednin jieħdu sehem f'workshop li se jsir matul il-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp fi Brussell f'Diċembru.

Fil-workshop, l-istudenti tal-ġurnaliżmu se jirrappurtaw dirett mill-Jiem tal-Iżvilupp permezz ta' sit apposta fuq l-internet, http://www.youngreporters.net/, u possibbilment anki jirrappurtaw għall-midja nazzjonali u lokali fil-pajjiżi minn fejn ikunu joriġinaw. Fuq il-bażi tal-kwalità u tal-oriġinalità tar-rapporti prodotti għall-midja, il-parteċipanti se jkunu jistgħu jirbħu unur fi tmiem il-kompetizzjoni f'dawn il-kategoriji: L-Aqwa Rappurtaġġ(i) bil-Miktub, l-Aqwa Rappurtaġġ(i) għar-Radju u l-Aktar Rappurtaġġ(i) Oriġinali għall-Aħbarijiet, li se jiġu magħżulin minn ġurija magħmula minn ġurnalisti u għalliema tal-ġurnaliżmu mill-Istati Membri tal-UE. Il-premju finali se tkun mawra ġurnalistika f'waħda mid-Delegazzjonijiet tal-UE fl-Afrika.

Siehba ohra fil-qasam tal-media: ORF, Trends-Tendances, Radio Sofia, The Cyprus Broadcasting Corporation, Politiken, The Finnish Broadcasting Company, La Croix, Die Tageszeitung, Ethnos, Budapest Business Journal, Radio Vaticana, politika.lv, Vilniaus Diena, Luxemburger Wort, Malta Independent, VPRO, RTP/RDP, Uj Magyar Szo, Pravda, Radio Koper, Agencia Efe, The Economist.

Kmieni f'Lulju l-Kummissjoni tat bidu wkoll, għat-tieni sena wara l-oħra, lill-kompetizzjoni relatata Mużika Kontra l-Faqar, li hija maħsuba biex il-mużiċisti żgħażagħ fl-Istati Membri jesprimu ruħhom dwar il-ġlieda kontra l-faqar fid-dinja. Il-kanzunetti jistgħu jitressqu sas-17 ta' Ottubru, il-jum dinji għall-Qerda tal-Faqar.

Dati ewlenin għall-kompetizzjoni Riporters Żgħażagħ Kontra l-Faqar

  • L-20 ta' Settembru: Jingħata bidu għall-kompetizzjoni

  • Id-29 ta' Ottubru: Jagħlaq iż-żmien biex jitressqu r-rapporti u l-applikazzjonijiet

  • Il-bidu ta' Novembru: Issir l-għażla tal-parteċipanti għall-workshop li se jsir waqt il-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp

  • Bejn l-4 u s-7 ta' Diċembru: Fi Brussell isir il-workshop li jirrapporta dwar il-JEŻ

  • L-14 ta' Diċembru Jagħlaq iż-żmien biex il-parteċipanti jressqu l-aqwa rapporti tagħhom

  • Nofs Jannar 2011: Jitħabbru r-rebbiħin finali

Aktar tagħrif:

Is-sit fuq l-internet tar-Riporters Żgħażagħ Kontra l-Faqar

http://www.youngreporters.net/

Is-sit fuq l-internet Mużika Kontra l-Faqar

http://www.ifightpoverty.eu/act/music-contest

IP/10/879 tat-2 ta' Lulju 2010 dwar il-varatura tal-Mużika Kontra l-Faqar

L-Uffiċċju ta' Kooperazzjoni Esterna EuropeAid

http://ec.europa.eu/europeaid/index_mt.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website