Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1141

Brussell, is-17 ta’ Settembru 2010

Il-Kummissjoni tadotta proposta emendata għall-programm tal-ikel għal dawk l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni Ewropea.

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta emendata biex jitjieb il-programm attwali tat-tqassim tal-ikel għal dawk l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni Ewropea. Din il-proposta tibni fuq dik tal-2008 li tippermetti li l-iskema tikkomplementa l-ħażniet ta' intervent disponibbli, b'x-xiri fis-suq fuq bażi permanenti. L-Istati Membri jagħżlu huma x'tip ta' ikel jitqassam filwaqt li l-pjanijiet tat-tqassim tal-ikel jiġu stabbiliti għal perjodi ta' tliet snin. L-ikel jibqa' jitqassam b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-karità u mas-servizzi soċjali lokali. Ta' kull sena, aktar minn 13-il miljun ċittadin Ewropej jibbenefikaw minn dan il-programm. Il-proposta emendata tipprovdi rati ta' kofinanzjament nazzjonali stabbli u aktar favorevoli u tpoġġi limitu massimu annwali ta' € 500 miljun fuq il-kontribuzzjoni tal-UE. Tagħmel għadd ta' bidliet oħra fil-proposta oriġinali tal-2008 u tallinjaha mat-Trattat ta' Liżbona. Il-proposta tal-2008 ma ġietx adottata mill-Kunsill, minkejja l-pożizzjoni favur li kien ħa l-Parlament Ewropew.

"Għal min hu l-aktar fil-bżonn il-programm jirrappreżenta mod tassew reali ta' kif jiġu megħjuna xi wħud mill-aktar membri żvinturati fis-soċjetà tagħna. F'kuntest fejn bosta miljuni ta' Ewropej għandhom problema ta' aċċess għall-ikel, il-proposta hija parti mill-għan tagħna li jkollna PAK b'rabta b'saħħitha bejn il-konsumaturi u l-produzzjoni", qal Dacian Cioloș, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. "Ma għandniex ninsew li l-PAK hija intenzjonata għall-benefiċċju tas-setturi kollha tas-soċjetà, u mhux tal-bdiewa biss. "

Fil-bidu, dan il-programm li ġie introdott għall-ewwel darba fl-1987, kien iqassam il-ħażniet żejda ta' prodotti agrikoli ("ħażniet ta' intervent") lil nies fil-bżonn. L-iskema kienet ġiet emendata f'nofs is-snin disgħin biex sar possibbli, li f'ċerti ċirkustanzi, il-ħażniet ta' intervent jiġu ssupplementati b'xiri fis-suq.

L-introduzzjoni tal-kofinanzjament se tgħin biex jitjiebu l-ippjanar u l-ġestjoni tal-fondi u tippermetti lill-Istati Membri jerfgħu aktar responsabbiltà għall-programm. Sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri, il-proposta emendata tipprovdi għal rati ta' kofinanzjament nazzjonali aktar favorevoli (25 % u 10 % għall-Istati Membri li jikkwalifikaw għall-fondi ta' koeżjoni mqabba ma' 50 % u 25 % wara l-perjodu ta' introduzzjoni fil-proposta ta' qabel). Sabiex tissaħħaħ aktar l-effiċjenza u tiġi żgurata l-kontinwità għandu jinħoloq pjan ta' tqassim għal tliet snin.

Il-prodotti ma għandhomx jibqgħu limitati biss għal dawk li għalihom japplika l-intervent. Pereżempju, se jkunu eliġibbli biex jitqassmu għall-ewwel darba frott u ħaxix u żejt tat-tisjir. Fil-ġejjieni, l-għażla tal-ikel tibda ssir mill-awtoritajiet nazzjonali abbażi ta' kriterji nutrizzjonali u l-ikel jitqassam b'kooperazjoni mas-sħab tas-soċjetà ċivili, kif jiġri fil-preżent.

L-ikel jiġi mill-ħażniet ta' intervent jew mis-suq u tingħata prijorità lill-ħażniet ta' intervent adattati fejn dawn ikunu jesiżtu. Kif issuġġerixxa l-Parlament Ewropew, il-proposta emendata tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jippreferu prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-UE. It-tqassim għandu jkun b'xejn jew bi ħlas li ma jkunx ogħla minn dak ġustifikat mill-ispejjeż imġarrba mill-organizzazzjoni magħżula biex tqassam l-ikel.

L-Istati Membri huma fil-libertà jagħżlu jekk jipparteċipawx jew le fil-programm. fil-preżent qed jieħdu sehem 19-il Stat Membru. L-għajnuna ġeneralment tingħata lil firxa wiesgħa ta' nies li qed jgħixu fil-faqar, fosthom familji f'diffikultajiet, nies anzjani li ma għandhomx biżżejjed mezzi, dawk bla dar, persuni b'diżabbiltà, tfal f'riskju, foqra li jaħdmu, ħaddiema immigranti u persuni li qed ifittxu l-ażil.

Kif inhu l-każ fl-iskema attwali, l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fil-programm jagħżlu l-organizzazzjonijiet adattati – normalment organizzazzjonijiet tal-karità jew is-servizzi soċjali lokali - biex iqassmu l-ikel. Għall-kuntrarju ta' dak li kien jiġri qabel meta l-ipprogrammar kien fuq bażi annwali, huma mbagħad jidentifikaw il-bżonnijiet tagħhom għal perjodu ta' tliet snin u jressqu t-talba tagħhom lill-Kummissjoni skont dan. Il-Kummissjoni mbagħad talloka l-baġit fuq bażi annwali, sabiex ikunu jistgħu jsiru aġġustamenti f'każ li tinbidel is-sitwazzjoni matul il-perjodu tal-programm.

Għalkemm l-UE għandha, bħala medja, wieħed mill-ogħla livelli tal-għajxien fid-dinja, xi wħud mhumiex f'pożizzjoni li jitimgħu lilhom infushom sew. Huwa stmat li fl-UE 43 miljun ruħ jinsabu f'riskju ta' faqar nutrittiv, jiġifieri li ma għandhomx biex jixtru ikla bil-laħam, bit-tiġieġ jew bil-ħut jum iva u jum le.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website