Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tistipula miżuri biex ittejjeb is-servizzi ferrovjarji

European Commission - IP/10/1139   17/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1139

Brussell, is-17 ta' Settembru 2010

Il-Kummissjoni tistipula miżuri biex ittejjeb is-servizzi ferrovjarji

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat proposta biex tipprovdi servizzi ferrovjarji aħjar għal dawk li jużaw it-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija billi: żiedet il-kompetizzjoni fis-suq tat-trasport ferrovjarju; saħħet il-poter tar-regolaturi nazzjonali; u tejbet il-qafas għal investiment fit-trasport ferrovjarju. Il-proposta għal Direttiva li tistabbilixxi Żona Ferrovjarja Unika hija eżerċizzju ta' simplifikazzjoni u konsolidazzjoni leġiżlattivi, billi jingħaqdu t-tliet Direttivi attwalment fis-seħħ u l-emendi suċċessivi tagħhom f'test wieħed koerenti. Il-proposta għandha l-għan ukoll li ssolvi oqsma ewlenin problematiċi li jtellfu t-tħaddim effikaċi tas-suq ferrovjarju.

Siim Kallas, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mit-Trasport qal: "L-Ewropa qiegħda fuq quddiem nett fit-teknoloġija ferrovjarja. Ninsabu fuq l-ogħla livell ta' netwerks ferrovjarji moderni. Minkejja dan, u dan b'enfażi kbira, l-Ewropa teħtieġ u jistħoqqilha servizzi ferrovjarji aħjar. Jeħtieġ li nipprovdu kwalità ogħla, aktar affidibbiltà, għażla ikbar u aktar innovazzjoni lil dawk li jużaw it-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija. Dak huwa l-għan li għalih qed jitfassal dan il-pakkett. L-għan tiegħi b'dan kollu huwa kompetizzjoni akbar fis-servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-passiggieri u tal-merkanzija. Dak għandu jkun tajjeb għall-passiġġieri, tajjeb għal dawk li jużaw it-trasport ferrovjarju għall-merkanzija, tajjeb għal produtturi ta' tagħmir ferrovjarju ta' kwalità għolja ħafna, u tajjeb għall-ambjent."

Id-Direttiva tindirizza tliet oqsma problematiċi ewlenin:

1. Kwistjonijiet dwar kompetizzjoni

Id-Direttiva proposta għandha l-għan li żżid il-kompetizzjoni fis-suq ferrovjarju permezz ta' kundizzjonijiet aktar trasparenti għal aċċess għas-suq, u li tipprovdi aċċess aktar faċli, pereżempju billi:

  • teżiġi aċċess aħjar (u f'xi każijiet aċċess garantit) għas-servizzi ferrovjarji bħal faċilitajiet ta' manutenzjoni, terminals, informazzjoni lil passiġġieri, u faċilitajiet għal biljetti, eċċ għal ferroviji tal-passiġġieri u tal-merkanzija;

  • tistabbilixxi regoli espliċiti dwar konflitti ta' interess u prattiki diskriminatorji fis-settur ferrovjarju;

  • teżiġi "dikjarazzjonijiet ta' netwerks" aktar dettaljati – pubblikazzjoni ta' dokumenti kull sena sabiex utenti ġodda potenzjali jistgħu jaraw b'mod ċar il-karatteristiċi tal-infrastruttura disponibbli u l-kundizzjonijiet għall-użu tagħha.

2. Tissaħħaħ is-sorveljanza regolatorja

Il-proposta issaħħaħ il-poter ta' regolaturi ferrovjarji nazzjonali, inkluż proposti għal miżuri bħal:

  • il-kompetenza ta' regolaturi nazzjonali tiġi estiża għal servizzi ferrovjarji relatati. Fl-imgħoddi, problemi relatati ma' aċċess għal servizzi ferrovjarji ma kinux dejjem jaqgħu taħt il-poter tar-regolaturi nazzjonali.

  • teżiġi l-indipendenza ta' regolaturi ferrovjarji nazzjonali minn kwalunkwe awtorità pubblika oħra;

  • issaħħaħ il-poteri tar-regolaturi ferrovjarji nazzjonali (f'termini ta' proċeduri għal sanzjonijiet, verifika u appelli, u poteri ex-uffiċċjo ta' investigazzjoni), u tistabbilixxi l-obbligu impost fuq dawn l-entitajiet biex jikkooperaw ma' entitatijiet bħalhom fuq kwistjonijiet transkonfinali.

3. Jissaħħaħ il-qafas għal investiment pubbliku u privat

Ir-regoli l-ġodda dwar finanzjament ta' infrastruttura u tariffi għandhom l-għan li jiżviluppaw "arkitettura finanzjarja" armonizzata li tixpruna l-investiment. Il-miżuri proposti jinkludu:

  • il-ħtieġa għal strateġiji nazzjonali fuq medda twila ta' żmien u ftehimiet kuntrattwali multiannwali bejn l-Istat u l-maniġers tal-infrastruttura (rabta bejn finanzjament u prestazzjoni, u pjanijiet kummerċjali). L-għan huwa li l-atturi tas-suq jkunu jistgħu jbassru aħjar l-iżvilupp tal-infrastruttura, u jingħataw aktar inċentivi biex itejbu l-prestazzjoni tagħhom;

  • il-ħtieġa għal infrastruttura aktar preċiża u intelliġenti għar-regoli dwar tariffi. Implimentazzjoni aħjar tal-prinċipji ta' tariffar li jinsabu fil-leġiżlazzjoni eżistenti għandha twassal għal tariffi aktar baxxi għall-aċċess għall-ferroviji għall-operaturi tat-trasport ferrovjarju f'bosta Stati Membri. Ir-regoli l-ġodda dwar tariffi (bl-introduzzjoni ta' modulazzjoni relatata mal-istorbju bħall-ekwivalenti ferrovjarju għal tariffi għal kosti indiretti tat-trasport bit-triq, tnaqqis għal interoperabbiltà) għandhom jistimulaw ukoll investimenti privati f'teknoloġiji aktar ekoloġiċi u interoperabbli.

Issa xi jmiss?

Flimkien ma' din il-proposta, illum il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tippreżenta l-istrateġija tagħha biex tlesti l-iżvilupp taz-Żona Ferrovjarja Ewropea Unika, li tispjega inizjattivi addizzjonali li l-Kummissjoni tista' tniedi fil-ħames snin li ġejjin. Se jkun hemm konsultazzjoni fuq din il-linja. Ġie ppubblikat ukoll studju dettaljat dwar l-ftuħ tas-suq għal traffiku domestiku tal-passiġġieri.

Ara wkoll: http://ec.europa.eu/transport/rail/market/market_en.htm u MEMO/10/421


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website