Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1137

Brussell, 16 ta’ Settembru 2010

Il-President Barroso jattendi s-Summit ta' Livell Għoli tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju biex iħeġġeġ impenn globali u responsabbiltà konġunta fil-ġlieda kontra l-faqar

Mill-20 sat-22 ta' Settembru, il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso u l-Kummissarju tal-UE għall-Iżvilupp Andris Piebalgs se jipparteċipaw f'Summit ta' Livell Għoli tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs) fi New York. L-għan tal-laqgħa huwa li jiġi rivedut il-progress li sar dwar l-għanijiet ta' żvilupp u biex jiżdied il-momentum fil-ġlieda globali kontra l-faqar. Bħala d-donatur dinji ewlieni, li tikkontribwixxi madwar 56% tal-għajnuna globali, l-UE hija impenjata bis-sħiħ li tilħaq l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju sal-2015 u se tagħmel sejħa lill-imsieħba kollha biex iżidu l-isforzi tagħhom u jiffokaw fuq ir-riżultati. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tiddedika sa €1 biljun biex tippremja pajjiżi imsieħba b'rendiment tajjeb u biex tappoġġja lil dawk li l-aktar jinsabu 'l bogħod milli jilħqu għanijiet, b'rikonoxximent għall-isforzi u l-bżonnijiet tagħhom.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, qal: "Il-Kummissjoni Ewropea hija u se tibqa' impenjata biex tiżgura l-progress lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju. Nemmen bis-sħiħ li jistgħu jinkisbu b'impenn politiku qawwi mill-imsieħba kollha u bil-politiki u r-riżorsi t-tajba. Issa li fadal biss ħames snin mid-data li mmirajna għaliha, jeħtieġ li nżidu l-pass. Diġà sar xi progress li għalih l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni ikkontribwew b'mod qawwi. Iżda għad hemm aktar x'isir. Id-donaturi jridu jżommu l-wegħdiet tagħhom u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw iridu jieħdu kontroll tal-futur tagħhom. Qegħdin nitkellmu dwar solidarjetà, sjieda u ko-responsabbiltà. L-impenn tagħna huwa li ntejbu l-ħajjiet ta' biljuni ta' persuni u li nagħtu lil kulħadd iċ-ċans li jgħix b'dinjità. Jeħtieġ li ma nonqsux lil dawk li l-aktar jinsabu fil-bżonn. Billi naħdmu flimkien nistgħu u se nilħqu l-għanijiet sal-2015."

10 snin wara t-tnedija tat-tmien Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs), issejħet Laqgħa Plenarja ta' Livell Għoli tan-NU fi New York sabiex jiġi evalwat u aċċelerat il-progress dwar l-għan globali li l-faqar jitnaqqas bin-nofs sal-2015. Sa issa, l-isforzi globali biex jintlaħqu l-MDGs taw riżultati mħallta. Inkisbu suċċessi f'xi oqsma, bħat-tnaqqis fil-faqar u ż-żieda fir-reġistrazzjoni għall-edukazzjoni primarja. Madanakollu, għadna 'l bogħod milli nilħqu ċerti għanijiet, bħall-ġlieda kontra l-ġuħ u l-mortalità tat-tfal u l-ommijiet. Ġeografikament, il-pajjiżi 'l isfel mis-Sahara, l-aktar li għadhom lura.

Intlaħaq ftehim ġenerali fid-9 ta' Settembru dwar dokument ta' riżultat, li se jservi ta' bażi għall-isforzi internazzjonali fis-snin li ġejjin. L-UE tibqa' determinata li tappoġġja l-kisba tal-miri kollha globali sal-2015 u hija konvinta li dan jista' jsir. Il-Kunsill Ewropew, f'Ġunju kkonferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jiddedika 0.7% tad-Dħul Gross Nazzjonali għall-għajnuna fl-iżvilupp sal-2015. Il-mexxejja tal-UE għamlu wkoll sejħa biex il-Laqgħa Plenarja ta' Livell Għoli tilħaq qbil dwar azzjonijiet konkreti. Dawn għandu jkollhom l-għan li jżidu s-sjieda mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jiffokaw l-isforzi fuq żoni strateġiċi, itejbu l-impatt tal-politiki, jimmobilizzaw aktar iffinanzjar għall-iżvilupp u jagħmlu użu aktar effettiv tar-riżorsi tal-iżvilupp.

Biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji, il-Kummissjoni lesta li toffri sa €1 biljun sabiex jintlaħqu l-MDGs, lill-pajjiżi l-aktar impenjati u l-aktar fil-bżonn fl-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku.

Il-Kummissjoni se timmobilizza l-flus mill-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) li għadhom ma ġewx allokati għal għanijiet speċifiċi. L-EDF huwa wieħed mill-istrumenti ewlenin ta' għajnuna għall-iżvilupp tal-UE u bħalissa jinsab għaddej mir-reviżjoni ta' nofs it-terminu. Il-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed tiddiskuti mal-Istati Membri dwar il-modalitajiet tal-allokazzjoni.

Eżempji tal-kontribuzzjonijiet tal-Kummissjoni sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju

  • 24 miljun persuna assistiti permezz ta' sigurtà tal-ikel relatata ma' trasferimenti soċjali (MDG1)

  • 9 miljun tifel u tifla rreġistrati fl-edukazzjoni primarja (MDG2)

  • 31 miljun dar imqabbda ma' ilma tax-xorb aħjar (MDG7)

  • bini u manutenzjoni ta' 36,000 km ta' toroq (MDG8)

Dawn huma uħud mir-riżultati ewlenin li juru l-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-kisba tal-MDGs fl-aħħar ħames snin. Bi €12.3 biljuni fl-2009, il-Kummissjoni Ewropea tipprovdi madwar 13% tal-iffinanzjar mill-kooperazzjoni għall-iżvilupp madwar id-dinja. Il-programmi tagħha huma mmirati għas-setturi kollha li huma kruċjali għall-iżvilupp fil-pajjiżi imsieħba, bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-infrastruttura jew il-paċi u d-demokrazija (għal aktar dwar dan ara l-fuljett fil-websajt apposta).

Fl-2009, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha taw total ta' €49 biljun f'għajnuna għall-iżvilupp, b'mod li fid-dinja l-UE hija fil-wisa' l-akbar donatur, li tirrappreżenta 56% tal-għajnuna globali.

Ara wkoll

MEMO/10/419 inkluż l-aġenda tal-President Barroso u l-Kummissarju Piebalgs fis-Summit ta' Livell Għoli tan-NU dwar l-MDGs

IP/10/451 tal-21 ta' April 2010

MEMO/10/145 tal-21 ta' April 2010

MEMO/10/147 tal-21 ta' April 2010

Link għall-websajt apposta dwar "Il-Kontribut tal-UE għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju"

http://ec.europa.eu/europeaid/what/millenium-development-goals/index_en.htm

Websajt tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/index_fr.htm

Websajt tal-Kummissarju għall-Iżvilupp Andris Piebalgs:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website