Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1136

Brussell, is-16 ta’ Settembru 2010

Konsumaturi: Il-maġġoranza tas-siti tal-internet issa huma sikuri għax-xiri ta' oġġetti elettroniċi.

Ix-xiri ta' oġġetti elettroniċi popolari bħal pereżempju kameras diġitali u apparat li jdoqq l-mużika minn fuq l-internet issa huwa aktar sikur wara attività ta' trażżin fuq websites problematiċi. 84% tal-websites li jbiegħu affarijiet elettroniċi, li ġew ivverifikati għall-ksur tar-regoli tal-UE tal-konsumatur issa saru konformi mil-liġi tal-UE (meta mqabbla ma' 44% biss fl-2009). L-investigazzjoni għall-għarrieda tnediet f'Mejju 2009 u twettqet mill-awtoritajiet nazzjonali f'26 Stat Membru, fin-Norveġja u fl-Islanda. Il-problemi identifikati inkludew informazzjoni qarrieqa dwar id-drittijiet tal-konsumatur, prezzijiet mhux korretti u dettalji tal-kuntatt nieqsa tan-negozjant (IP/09/1292). Dawn is-siti issa ġew ikkorreġuti u ġew imposti sanzjonijiet fejn meħtieġa. Il-Kummissjoni ħabbret ukoll is-sejbiet inizjali tal-investigazzjoni għall-għarrieda tal-2010 li kienet timmira l-bejgħ fuq l-internet ta' biljetti għal avvenimenti kulturali u sportivi.

Fi kliem il-Kummissarju tal-UE għas-Saħħa u l-Konsumatur John Dalli: "L-investigazzjonijiet għall-għarrieda kollha saru biex jiġi żgurat li l-liġijiet tal-UE għall-benefiċċju tal-konsumaturi jiġu infurzati bil-ħeġġa, sabiex il-prezzijiet jiġu stabbiliti b'mod trasparenti u sabiex tingħata informazzjoni veritiera. Ir-riżultati tal-lum juru li l-investigazzjonijiet għall-għarrieda qegħdin jaħdmu. L-ispinta fil-kunfidenza tal-konsumatur li jistgħu jiġġeneraw sejra wkoll tibbenefika lin-negozji ta' reputazzjoni tajba. Aħna ddeterminati li nkomplu dawn l-azzjonijiet ta' infurzar konġunti u diġà qegħdin naħsbu fuq is-settur problematiku li jmiss".

L-investigazzjoni għall-għarrieda

"Investigazzjoni għall-għarrieda" hija azzjoni ta' infurzar immexxija mill-UE u mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali ta' infurzar. L-Istati Membri jwettqu verifiki simultanji u koordinati għal ksur fil-liġi tal-konsumatur f'settur partikolari. Huma jikkuntattjaw operaturi dwar suspetti ta' irregolaritajiet u jitolbuhom jieħdu azzjoni korrettiva.

L-investigazzjoni għall-għarrieda għall-oġġetti elettroniċi saret f'Mejju 2009. L-awtoritajiet tal-infurzar fl-Ewropa kollha vverifikaw websites li jbiegħu oġġetti elettroniċi biex jikkonfermaw jekk jikkonformawx mal-liġi tal-konsumatur tal-UE. Intgħażlu sitt kategoriji ta' prodotti popolari għall-verifika, inklużi pereżempju apparati personali li jdoqqu l-mużika, kameras diġitali u telefowns ċellulari. Minn dak iż-żmien 'il hawn, l-awtoritajiet nazzjonali segwew is-siti problematiċi, filwaqt li jitolbu korrezzjonijiet u jimponu sanzjonijiet fejn meħtieġa.

Ir-riżultati tal-investigazzjonijiet għall-għarrieda

B'mod ġenerali, mit-369 website vverifikata, 310 sit (84%) issa saru konformi mar-regoli tal-konsumatur tal-UE kollha, meta mqabbla ma' 163 sit biss (44%) f'Mejju 2009. Is-sanzjonijiet għall-ksur ikkonfermat inkludew multi u l-għeluq ta' websites.

Mil-lat tal-problemi ewlenin li ġew identifikati fil-bidu:

  • Informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur: 86% tal-websites ivverifikati issa juru informazzjoni ċara u preċiża kif mitlub mil-liġi (pereżempju d-dritt li l-prodott jiġi rritornat mingħajr ma tingħata raġuni u dwar il-perjodu ta' garanzija legali), meta mqabbla ma' 64% f'Mejju 2009;

  • informazzjoni dwar il-prezz totali: 94% tal-websites ivverifikati issa juru informazzjoni ċara u preċiża dwar il-prezz totali (inklużi l-ispejjeż għall-kunsinna u l-ispejjeż addiżżjonali l-oħra kollha). meta mqabbla ma' 75% f'Mejju 2009;

  • dettalji tal-kuntatt tan-negozjant. 95% tal-websites ivverifikati issa jipprovdu d-dettalji tan-negozjant meħtieġa bħal pereżempju l-isem, l-indirizz u l-email, meta mqabbla ma' 82% f'Mejju 2009.

Issa xi jmiss?

L-awtoritajiet nazzjonali se jkomplu jaħdmu fuq il-każijiet pendenti. Għall-każijiet transkonfinali, huma qegħdin f'kuntatt mal-omologi tagħhom f'pajjiżi oħra. Is-sistema l-ġdida ta' investigazzjoni għall-għarrieda mal-UE kollha se tkompli, b'investigazzjoniijiet għall-għarrieda u azzjonijiet konġunti oħra ppjanati għas-sena d-dieħla.

Ara wkoll il-MEMO/10/417

L-investigazzjoni għall-għarrieda l-ġdida: siti li jbiegħu l-biljetti

L-investigazzjoni għall-għarrieda l-aktar reċenti issa qiegħda tinvestiga l-bejgħ fuq l-Internet ta' biljetti għall-avvenimenti kulturali u sportivi. Ġew ivverifikati 414-il sit, 167 (40%) kienu jikkonformaw, iżda 247 (60%) ġew immarkati għal investigazzjoni aktar fid-dettall għall-ksur tar-regoli tal-konsumatur. L-awtoritajiet nazzjonali issa qegħdin fil-fażi tal-infurzar meta jikkuntattjaw in-negozjanti kkonċernati u jitolbuhom biex jiċċaraw il-pożizzjoni tagħhom jew jikkoreġu l-problemi identifikati.

L-oqsma problematiċi ewlenin kienu:

  • Informazzjoni nieqsa, mhux kompluta jew qarrieqa dwar il-prezz (pereżempju taxxi jew spejjeż tal-immaniġġjar moħbija): 74% tal-websites problematiċi:

  • Termini u kundizzjonijiet mhux ġusti (pereżempju l-kunsinna tal-biljetti ma kinitx garantita li tasal fil-ħin jew kien eskluż rimborż jekk l-avveniment jiġi kkanċellat): 73% tal-websites problematiċi:

  • Informazzjoni dwar in-negozjant nieqsa, mhux kompluta jew qarrieqa (pereżempju n-negozjant jiddikjara b'mod falz li huwa rappreżentant awtorizzat): 48% tal-websites problematiċi:

Ara wkoll il-MEMO/10/418

Biex issir taf iktar: Webstie tal-investigazzjonijiet għall-għarrieda (sweeps):

http://ec.europa.eu/consumers/enforcement/sweeps_en.htm

inklużi simulazzjonijiet ta' paġni web b'eżempji ta' prassi tajba/ħażina


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website