Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità 2010: "Ivvjaġġa iktar bis-Sens, Għix Aħjar"

European Commission - IP/10/1131   15/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1131

Brussell, il-15 ta’ Settembru 2010

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità 2010: "Ivvjaġġa iktar bis-Sens, Għix Aħjar"

Mis-16 sat-22 ta' Settembru 2010, mijiet ta' bliet madwar l-Ewropa u lil hinn minnha se jieħdu sehem fil-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità, li hija l-ikbar avveniment globali ddedikat għall-ivvjaġġar urban sostenibbli. It-tema tal-kampanja tal-2010 – Ivvjaġġa iktar bis-Sens, Għix Aħjar – tirrikonoxxi l-effetti detrimentali li x-xejriet attwali tat-trasport urban għandhom fuq is-saħħa taċ-ċittadini. L-għan huwa li l-awtoritajiet lokali jiġu inkuraġġati biex jippromwovu alternattivi għall-karozza u jenfasizzaw l-impatt pożittiv tagħhom fuq is-saħħa pubblika u l-ambjent.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għat-trasport, Siim Kallas, qal: "Ħafna min-nies tad-dinja jgħixu f'żoni urbani. Ħafna mill-vjaġġi tagħna ta' kuljum jibdew u jispiċċaw f'żoni urbani, u għalhekk aħna verament niddependu fuq is-sistemi tat-trasport urban. Ilkoll insofru mill-effetti negattivi tat-trasport urban bħal konġestjoni, aċċidenti, kwalità ħażina tal-arja jew storbju, li b'mod ċar inaqqsu l-kwalità tal-ħajja. Dawn il-problemi mhumiex kwistjonijiet lokali imma jikkonċernaw l-UE inġenerali. Jekk naħdmu flimkien, jien ċert li nistgħu noħorġu b'modi innovattivi u sostenibbli biex nittrattaw il-problemi tal-mobilità fil-bliet u lin-nies nagħtuhom iktar alternattivi li huma adattati għall-ħtiġijiet tagħhom."

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Wisq Ewropej jiddependu fuq il-karozzi tagħhom għal vjaġġi qosra. Dan huwa ta' tħassib: iktar sewqan ifisser iktar aċċidenti fit-toroq u iktar tniġġis tal-arja. It-tema tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità 2010 – Ivvjaġġa iktar bis-Sens, Għix Aħjar– għandha tkun sejħa għall-azzjoni lill-awtoritajiet lokali kollha biex jaħsbu iktar dwar l-impatt tal-politiki tal-ivvjaġġar fuq l-ambjent urban u l-kwalità tal-ħajja u jgħinu lin-nies jagħmlu għażliet iktar bis-sens u iktar tajbin għas-saħħa."

"Ivvjaġġa iktar bis-Sens, Għix Aħjar"

L-użu kbir tal-karozzi fil-bliet, partikolarment il-karozzi privati, joħloq ħafna sfidi tas-saħħa għaċ-ċittadini. Dawn jinkludu tidrib u fatalitajiet minħabba aċċidenti fit-toroq, infezzjonijiet respiratorji u mard mit-tniġġis fl-arja, u kundizzjonijiet kroniċi bħall-obeżità kif ukoll mard kardjovaskulari minħabba l-istil ta' ħajja li dejjem qed isir iktar sedentarju. Fatturi oħrajn ta' riskju għas-saħħa fiżika u mentali jinkludu l-iżolazzjoni soċjali u l-ħsara tas-soċjetà minħabba l-konġestjoni tat-traffiku u n-nuqqas ta' spazju pubbliku, u t-tniġġis tal-istorbju li jwassal għal problemi tal-irqad u stress.

Il-Ġimgħa tal-Mobilità hija intenzjonata li tibdel l-imġiba marbuta mal-mod kif il-bniedem jivvjaġġa billi toffri alternattivi għall-karozza li jkunu favur l-ambjent. Il-pubbliku jingħata ċ-ċans jipprova forom alternattivi tat-trasport u l-awtoritajiet lokali jkollhom l-opportunità jittestjaw u jħaddmu servizzi u infrastrutturi ġodda. Dan jiżgura wirt li jibqa' għal ħafna snin minħabba li l-bliet li jipparteċipaw jiġu inkuraġġati jvaraw mill-inqas miżura prattika waħda permanenti. Il-ġimgħa tilħaq il-quċċata b'Jum Mingħajr Karozzi, imfassla uffiċjalment għat-22 ta' Settembru, fejn il-bliet li jipparteċipaw jirriservaw żoni għall-użu ta' min ikun bil-mixi, taċ-ċiklisti u tat-trasport pubbliku biss.

L-avvenimenti l-iktar importanti tul il-Ġimgħa tal-Mobilità 2010

Fost il-ħafna avvenimenti li qed jiġu organizzati f'Bolonja, l-Italja, hemm irkant tar-roti wżati li jkunu nstabu abbandunati fil-belt. L-avveniment qed jitmexxa minn assoċjazzjoni tal-istudenti tal-università bil-kollaborazzjoni tal-Muniċipalità ta' Bolonja. L-offerenti fortunati se jirċievu għodod tas-sikurezza, fuljetti dwar is-sikurezza fit-toroq u materjal u aċċessorji promozzjonali oħrajn.

Is-suq ta' Smithfield ta' Londra huwa l-post għall-ewwel avveniment tas-City Cycle Style tal-kapitali fis-17 ta' Settembru fejn iċ-ċikliżmu se jiġi ċċelebrat bħala l-mod ta' trasport li huwa moda. Il-parteċipanti huma mistiedna li jattendu bl-aqwa lbies tagħhom taċ-ċikliżmu u jiltaqgħu ma' disinjaturi tal-moda taċ-ċikliżmu, jippruvaw l-ilbies u jpoġġu fuq il-maqgħad ta' wħud mill-iktar disinji reċenti ta' roti. Parti mill-flus miġbura mill-avveniment se tmur għall-karità li tiġbor roti wżati u tibgħathom l-Afrika.

Il-belt ta' Brno fir-Repubblika Ċeka żviluppat firxa ta' attivitajiet li jippromwovu mixjiet, ċikliżmu u inline skating Nordiċi. Il-programm jinkludi ġiti bil-gwida fil-belt, taħriġ u eżerċizzji pubbliċi akkumpanjati minn preżentazzjonijiet mużikali fil-miftuħ.

Parteċipazzjoni dejjem ikbar

L-għadd ta' bliet li jipparteċipaw fil-ġimgħa tal-mobilità żdied b'mod kontinwu minn meta tvarat fl-2002. Is-sena l-oħra, kien hemm rekord ta' 2,181 belt li rrappreżentaw madwar 237 miljun persuna li rreġistraw biex jieħdu sehem. Bħala riżultat tal-kampanja ta' ġimgħa sħiħa, ġew introdotti iktar minn 4,440 miżura permanenti. Il-mudell ta' suċċess tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità qed jiġi adottat dejjem iktar minn pajjiżi barra mill-Ewropa, fosthom l-Arġentina, il-Kanada, l-Ekwador, il-Ġappun u t-Tajwan.

Il-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità tiġi kkoordinata minn tliet organizzazzjonijiet mhux governattivi li jispeċjalizzaw fi kwistjonijiet ambjentali urbani: Eurocities, Energie-Cités u Climate Alliance. Id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea jipprovdi appoġġ finanzjarju u jorganizza l-Premji tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità għall-aħjar programm ta' attivitajiet u miżuri.

Għal aktar tagħrif żur is-sit tal-internet tal-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità.

www.mobilityweek.eu


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website