Navigation path

Left navigation

Additional tools

Qafas ġdid sabiex tiżdied it-trasparenza u tiġi żgurata l-koordinazzjoni għall-bejgħ skopert u s-Swaps ta' Inadempjenza tal-Kreditu

European Commission - IP/10/1126   15/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1126

Brussell, il-15 ta’ Settembru 2010

Qafas ġdid sabiex tiżdied it-trasparenza u tiġi żgurata l-koordinazzjoni għall-bejgħ skopert u s-Swaps ta' Inadempjenza tal-Kreditu

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta għal regolament dwar il-bejgħ skopert u ċerti aspetti tas-Swaps tal-Inadempjenza tal-Kreditu (CDS, Credit Default Swaps). L-għanijiet ewlenin tagħha huma li jinħoloq qafas armonizzat għal azzjoni koordinata f'livell Ewropew, tiżdied it-trasparenza u jonqsu r-riskji . Il-qafas il-ġdid se jkun ifisser li r-regolaturi – nazzjonali u Ewropej – ikollhom setgħat ċari li jaġixxu fejn meħtieġ, filwaqt li jimpedixxu l-frammentazzjoni tas-suq u jiżguraw it-tħaddim tas-suq intern mingħajr xkiel.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: "Fi żminijiet normali, il-bejgħ skopert isaħħaħ il-likwidità tas-suq u jikkontribwixxi għal ipprezzar effiċjenti. Iżda fi swieq li jinsabu f'diffikultà, il-bejgħ skopert jista' jamplifika t-tnaqqis fil-prezzijiet, li jwassal għal swieq diżorganizzati u riskji sistemiċi. Il-proposta tal-lum se żżid it-trasparenza għar-regolaturi u s-swieq, u se tiffaċilità s-sejbien tar-riskju fi swieq tad-dejn sovran mir-regolaturi. Ir-regolaturi se jiksbu wkoll setgħat ċari li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-bejgħ skopert f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali, f'koordinazzjoni mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) il-ġdida. Il-proposta tal-lum hija pass ulterjuri lejn stabbiltà finanzjarja akbar fl-Ewropa."

Il-bejgħ skopert huwa l-bejgħ ta' titolu li ma jkunx fil-pussess tal-bejjiegħ bl-intenzjoni li jixtrieh lura iktar 'il quddiem sabiex jikkonsenjah. Il-bejgħ skopert irregolari (naked short selling) huwa meta l-bejjiegħ ma jkunx issellef it-titoli jew li ma jkunx żgura li jistgħu jissellfu qabel is-saldu waqt li jkun qed isir il-bejgħ skopert). Dan jista' jwassal għal riskji speċifiċi ta' nuqqas ta' saldu (i.e. li ma titwettaqx it-tranżazzjoni). Mill-bidu tal-kriżi finanzjarja, ħafna Stati Membri ħadu azzjonijiet għas-sospensjoni jew il-projbizzjoni tal-bejgħ skopert. Azzjonijiet mhux koordinati jafu jkunu inqas effettivi u jwasslu għal diffikultajiet fuq is-suq, fosthom l-impatt li jħallu fuq il-kunfidenza tal-investituri.

Aktar trasparenza

Preżentament, hemm ftit tagħrif affidabbli disponibbli dwar il-bejgħ skopert: huwa diffiċli għall-parteċipanti u r-regolaturi tas-suq biex ikunu jafu liema titoli qed jiġu nnegozjati b'mod skopert u s-sinifikat kumplessiv tagħhom. Il-proposta tal-lum iżżid it-trasparenza billi teħtieġ li l-ordnijiet tal-ishma fuq il-postijiet tan-negozjar jiġu mmarkati bħala 'short' (l-hekk imsejħa "flagging") jekk dawn ikunu jinvolvu bejgħ skopert, sabiex ir-regolaturi jkunu jafu liema tranżazzjonijiet ikunu skoperti. Barra minn hekk, l-investituri se jkollhom jiżvelaw pożizzjonijiet skoperti netti sinifikanti f'ishma lir-regolaturi jekk jaqbżu l-limitu (0.2 % tal-kapital f'ishma maħruġa), u lis-suq jekk jaqbżu l-limitu ogħla (0.5 %).

Dawn il-miżuri jfissru li l-parteċipanti tas-suq jkunu aktar mgħarrfa filwaqt li jippermettu lir-regolaturi biex iwettqu monitoraġġ tas-swieq u jsibu riskju potenzjali. Fir-rigward ta' bonds sovrani, ir-regolaturi se jkunu kapaċi aktar li jsibu riskji possibbli għall-istabbiltà ta' swieq tad-dejn sovran billi jirċievu dejta dwar pożizzjonijiet skoperti, inklużi dawk miksuba permezz tas-Swaps tal-Inadempjenza tal-Kreditu (derivat li xi drabi meqjus bħala forma ta' assigurazzjoni kontra r-riskju ta' inadempjenza).

Setgħat ċari għar-regolaturi u qafas Ewropew koordinat

Fi swieq li jinsabu f'diffikultà, it-trasparenza waħedha taf ma tkunx biżżejjed. Preżentament, is-setgħat li għandhom ir-regolaturi nazzjonali biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-bejgħ skopert ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri. Il-proposta tal-lum tagħti lir-regolaturi nazzjonali setgħat ċari f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali biex temporanjament jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-bejgħ skopert fi kwalunkwe strument finanzjarju, suġġett għall-koordinazzjoni mill-AETS (li għandha tkun operattiva minn Jannar 2011 suġġett għall-ftehim mill-Parlament Ewropew). L-AETS ingħatat ukoll is-setgħa li toħroġ opinjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti meta huma jintervjenu f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali. F'konformità mal-qafas il-ġdid tas-superviżjoni, l-AETS se jkollha l-possibbiltà, meta jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, li tadotta miżuri temporanji nnifisha, b'effett dirett, li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-bejgħ skopert.

Barra minn hekk, jekk il-prezz ta' strument finanzjarju jaqa' b'ammont sinifikanti f'ġurnata, ir-regolaturi nazzjonali ser ikollhom is-setgħa li jirrestrinġu l-bejgħ skopert f'dak l-istrument sa tmiem il-ġurnata ta' kummerċ ta' wara. Dawn il-miżuri se jgħinu lir-regolaturi jieħdu l-azzjoni meħtieġa, b'mod koordinat, biex inaqqsu r-rittmu jew iwaqqfu t-tnaqqis fil-prezzijiet li jista' jiġi amplifikat bil-bejgħ skopert fi swieq li jinsabu f'diffikultà. Huma ser inaqqsu wkoll l-ispejjeż tal-konformità għall-parteċipanti fis-suq li preżentement ikunu ġejjin mid-diverġenzi ta' regoli nazzjonali.

L-indirizzar tar-riskji speċifiċi tal-bejgħ skopert irregolari

Il-bejgħ skopert irregolari potenzjalment iżid ir-riskju ta' nuqqas ta' saldu. Il-proposta tal-lum titlob li biex jidħol f'bejgħ skopert, investitur irid jkun issellef l-istrumenti kkonċernati, daħal fi ftehim li jissellifhom, jew għandu ftehim ma' parti terza li tidentifikahom u tirriservahom għas-self sabiex jiġu kkonsenjati sad-data tas-saldu [mhux aktar tard minn 4 ijiem wara t-tranżazzjoni]. Il-postijiet tan-negozjar għandhom jiżguraw li hemm ftehimiet xierqa fis-seħħ għal xiri totali ta' ishma jew dejn sovran, kif ukoll multi u projbizzjoni fuq il-bejgħ skopert, meta jkun hemm nuqqas ta' saldu.

Eżenzjonijiet

Ċerti eżenzjonijiet huma inklużi fil-proposta – pereżempju għal xi attivitajiet definiti li għandhom funzjoni importanti fil-forniment ta' likwidità jew li huma essenzjali għat-tħaddim xieraq tas-swieq primarji tal-bonds ewlenin.

Il-passi li jmiss

Il-proposta issa tgħaddi għand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għan-negozjati u l-adozzjoni. Ladarba jiġi adottat ir-regolament ikun japplika mill-1 ta' Lulju 2012.

Aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/internal_market/securities/short_selling_en.htm

MEMO/10/409


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website