Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/10/1125

Brussell, il-15 ta’ Settembru 2010

Swieq tad-derivati fl-Ewropa aktar sikuri u trasparenti

Bħala parti mix-xogħol tagħha li qed isir bħalissa fir-rigward tal-ħolqien ta' sistema finanzjarja aktar solida, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta għal regolament bil-għan li jġib aktar sikurezza u trasparenza fis-swieq tad-derivati barra l-Borża (OTC, over-the-counter). Fl-abbozz tar-regolament, il-Kummissjoni tipproponi li t-tagħrif dwar kuntratti tad-derivati OTC għandu jiġi rrapportat lir-repożitorji tan-negozjar u jkun aċċessibbli għal awtoritajiet superviżorji. Se jkun hemm aktar tagħrif disponibbli għall-parteċipanti kollha fis-suq. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li l-kuntratti standard tad-derivati OTC jiġu kklerjati permezz ta' kontropartijiet ċentrali (CCPs). Dan għandu jnaqqas ir-riskju tal-kreditu għall-kontroparti, i.e. ir-riskju li parti waħda fil-kuntratt issir inadempjenti. Il-proposta tal-Kummissjoni, f'konformità sħiħa mal-impenji tal-UE fil-G20 u mal-approċċ adottat mill-Istati Uniti, issa tgħaddi għand il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri tal-UE għall-konsiderazzjoni. Ladarba jkun adottat, ir-regolament japplika mill-aħħar tal-2012.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: "L-ebda suq finanzjarju ma jista' jippermetti li jibqa' territorju tal-Wild West. Id-derivati OTC għandhom impatt kbir fuq l-ekonomija reali: minn ipoteki sal-prezzijiet tal-ikel. In-nuqqas ta' kwalunkwe qafas regolatorju għad-derivati OTC ikkontribwixxa għall-kriżi finanzjarja u l-konsegwenzi serji ħafna li qed insofru aħna lkoll. Illum, qed nipproponu regoli li għandhom iġibu aktar trasparenza u responsabbiltà fis-swieq tad-derivati. Sabiex b'hekk inkunu nafu min qed jagħmel xiex, u min għandu jagħti xiex lil min. Kif ukoll tittieħed azzjoni sabiex nuqqasijiet waħdiena ma jiddistabbilizzawx is-sistema finanzjarja kollha, kif ġara fil-każ tal-kollass ta' Lehman.

Elementi ewlenin tal-proposta:

Aktar trasparenza: Preżentement, ir-rapportar tad-derivati OTC mhuwiex obbligatorju. B'riżultat ta' dan, dawk li jfasslu l-politika, ir-regolaturi iżda kif ukoll il-parteċipanti tas-suq ma għandhomx idea ċara ta' x'inhu jiġri fis-suq. Skont il-proposta tal-Kummissjoni, in-negozjar tad-derivati OTC fl-UE għandu jiġi rrapurtat liċ-ċentri tad-dejta ċentrali, magħrufa bħala repożitorji tal-kummerċ. Ir-Regolaturi fl-UE se jkollhom aċċess għal dawn ir-repożitorji, u jkun possibbli għalihom li jkollhom idea aħjar ta' min għandu jagħti xiex u lil min u li jsibu problemi potenzjali, bħall-akkumulazzjoni tar-riskju, iktar qabel. Sadanittant, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) il-ġdida se tkun responsabbli mis-sorveljanza tar-repożitorji tal-kummerċ u mill-għoti / l-irtirar tar-reġistrazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, ir-repożitorji tal-kummerċ se jkollhom jippubblikaw il-pożizzjonijiet aggregati skont il-klassi tad-derivati sabiex lill-parteċipanti kollha tas-suq tingħatalhom stampa aktar ċara tas-suq tad-derivati OTC.

Aktar sikurezza – Jitnaqqsu r-riskji tal-kontroparti: Fis-sitwazzjoni preżenti, il-parteċipanti fis-suq tad-derivati OTC mhumiex qed jimmitigaw biżżejjed ir-riskju tal-kreditu għall-kontroparti, li jirreferi għar-riskju ta' telf li jirriżulta minn parti waħda li ma tagħmilx il-pagamenti meħtieġa meta jkunu dovuti.

Skont il-proposta tal-Kummissjoni, id-derivati OTC li huma standardizzati (i.e. li ssodisfaw il-kriterji tal-eliġibbiltà predefiniti), bħal livell għoli ta' likwidità, ikollhom jiġu kklerjati permezz ta' kontropartijiet ċentrali (CCPs). CCPs huma entitajiet li jinterponu lilhom infushom bejn żewġ kontropartijiet għal tranżazzjoni u b'hekk isiru 'ix-xerrej għal kull bejjiegħ', kif ukoll 'il-bejjiegħ għal kull xerrej'. Din se timpedixxi s-sitwazzjoni fejn kollass ta' parteċipant wieħed fis-suq iwassal għall-kollass ta' parteċipanti oħra fis-suq, u b'hekk titqiegħed fir-riskju s-sistema finanzjarja kollha. Jekk kuntratt ma jkunx eliġibbli u għalhekk ma jiġix ikklerjat minn CCP, għandhom jiġu applikati tekniki differenti ta' mmaniġjar tar-riskji (bħal rekwiżiti biex jinżamm aktar kapital). Peress li s-CCPs se jieħdu riskji ulterjuri, se jkunu suġġetti għal tmexxija tan-negozju stretta u rekwiżiti armonizzati organizzazzjonali u prudenzjali sabiex jiżguraw is-sikurezza tagħhom – bħal regoli ta' governanza interni, verifiki tal-awditjar, rekwiżiti akbar fuq kapital etc.

Aktar sikurezza – Jitnaqqas ir-riskju operazzjonali: Is-suq tad-derivati tal-OTC jippermetti għal livell għoli ta' flessibbiltà fid-definizzjoni tat-termini legali u ekonomiċi ta' kuntratti. B'konsegwenza ta' dan, fis-suq hemm għadd ta' kuntratti personalizzati u kumplessi ħafna li għadhom jeħtieġu intervent manwali sinifikanti f'bosta stadji tal-ipproċessar. Dan iżid ir-riskju operazzjonali, i.e. ir-riskju ta' telf minħabba, pereżempju, żball tal-bniedem. Il-proposta tal-Kummissjoni teħtieġ lill-parteċipanti fis-suq biex ikejlu, jimmonitorjaw u jimmitigaw dan ir-riskju, pereżempju permezz tal-użu ta' meżżi elettroniċi sabiex jiġu kkonfermati t-termini tal-kuntratti tad-derivati OTC.

Ambitu: Il-proposta tapplika għat-tipi kollha ta' derivati OTC. Hi tapplika kemm għall-impriżi finanzjarji li jużaw id-derivati OTC iżda kif ukoll għal impriżi mhux finanzjarji li għandhom pożizzjonijiet kbar fid-derivati OTC. Tapplika wkoll għas-CCPs u r-repożitorji tal-kummerċ. Madankollu, meta impriżi mhux finanzjarji (bħal manifatturi) li jużaw id-derivati OTC biex jimmitigaw ir-riskju li ġej mill-attivitajiet ċentrali tan-negozju tagħhom ("iħħeġġjar kummerċjali" użata pereżempju biex tipproteġi kontra l-varjazzjonijiet tar-rata tal-kambju), huma jiġu eżentati mir-rekwiżiti tal-ikklerjar mis-CCP.

Sfond

Derivat huwa kuntratt bejn żewġ partijiet marbut għall-valur jew status tal-futur ta' titolu sottostanti li jirreferi għalih (pereżempju l-iżvilupp tar-rati tal-imgħax jew ta' valur tal-munita, jew il-falliment possibbli ta' debitur). Derivat barra l-Borża (OTC) huwa derivat li ma jkunx negozjat f'kambju iżda minflok jkun ġie nnegozjat privatament bejn żewġ kontropartijiet. L-użu tad-derivati kiber ħafna f'dawn l-aħħar għaxar snin, u huma t-tranżazzjonijiet OTC li taw l-akbar kontribut għal dan it-tkabbir. Fl-aħħar ta' Diċembru 2009, id-daqs tas-suq tad-derivati OTC b'valur nozzjonali kien madwar $615 triljun, żieda ta' 12 % meta mqabbel mal-aħħar tal-2008. Madankollu, dan xorta kien 10 % inqas mill-ogħla livell li ntlaħaq f'Ġunju 2008.

Il-kważi kollass ta' Bear Sterns f'Marzu tal-2008, l-inadempjenza ta’ Lehman Brothers fil-15 ta' Settembru tal-2008 u l-ippleġġjar tal-AIG fil-ġurnata ta' wara aċċennaw in-nuqqasijiet fil-funzjonament tas-suq tad-derivati OTC, fejn isir il-kummerċ ta' 80 % tad-derivati. F'Komunikazzjoni bit-titolu "Nixprunaw l-Irkupru Ewropew" ta' Marzu 2009, il-Kummissjoni Ewropea impenjat li twettaq, abbażi ta' rapport dwar derivati u prodotti kumplessi strutturati oħra, inizzjattivi xierqa biex tiżdied it-trasparenza u jiġi indirizzat it-tħassib dwar l-istabbiltà finanzjarja.

Aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/internal_market/financial-markets/derivatives/index_en.htm

Memo/10/410


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site