Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Żgħażagħ Attivi – insaħħu s-sostenn għaż-żgħażagħ Ewropej

Commission Européenne - IP/10/1124   15/09/2010

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1124

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010

Żgħażagħ Attivi – insaħħu s-sostenn għaż-żgħażagħ Ewropej

Ħames miljun żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej qegħdin ifittxu impjieg. Bosta minnhom se jitilfu l-opportunitajiet minħabba n-nuqqas ta' kwalifiki jew esperjenza adattata. Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi inizjattiva prominenti ġdida, Żgħażagħ Attivi, bl-għan li tgħin lil dawn iż-żgħażagħ jiksbu l-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza li jeħtieġu biex isibu l-ewwel impjieg tagħhom. L-inizjattiva Żgħażagħ Attivi, li tagħmel parti mill-istrateġija ġdida tal-UE "Ewropa 2020", tipproponi 28 azzjoni ewlenija maħsuba biex jagħmlu l-edukazzjoni u t-taħriġ aktar rilevanti għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ u jħeġġuhom jieħdu vantaġġ mill-għotijiet tal-UE biex jistudjaw jew jitħarrġu f'pajjiż ieħor. Dan għandu jżid l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ kif ukoll l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropea għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet: "Il-miżuri li qed nippreżentaw illum huma maħsuba biex jgħollu l-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Ewropa biex iż-żgħażagħ tagħna jkollhom il-kwalifiki meħtieġa għas-suq tax-xogħol tal-lum il-ġurnata.Irridu nnaqqsu n-numru ta' persuni li jħallu l-iskola kmieni u nżidu l-għadd ta' żgħażagħ fl-edukazzjoni terzjarja biex ikunu jistgħu jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom.L-UE teħtieġ dejjem aktar żgħażagħ bi kwalifiki għoljin, infurmati u innovattivi jekk trid timxi 'l quddiem fil-ġejjieni."

 László Andor, Il-Kummissarju Ewropew għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni qal: "L-aktar ħaġa li tħasseb lil miljuni ta' żgħażagħ Ewropej hija s-sejbien ta' impjieg.L-inizjattiva Żgħażagħ Attivi se toħloq impetu ġdid fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali biex jissaħħaħ is-sostenn għaż-żgħażagħ biex ikunu jistgħu jsibu impjieg, jaqilgħu l-għajxien tagħhom u jwettqu l-pjanijiet tagħhom."

Issa l-waqt li naġixxu...

Bħalissa, hawn wisq żgħażagħ li qed iħallu l-iskola kmieni u ftit wisq jissoktaw l-istudji tagħhom f'livell ogħla, u dan qed jipperikola l-bażi ta' kompetenzi li l-Ewropa se teħtieġ fil-ġejjieni.


Żgħażagħ Attivi se tkun strumentali biex jinkisbu l-miri ewlenin tal-'Ewropa 2020' biex in-numru ta' persuni li jħallu l-iskola kmieni jonqos minn 15 % għal 10 % filwaqt li l-għadd ta' żgħażagħ b'edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti jiżdied minn 31 % għal mill-inqas 40 % sal-2020. L-azzjonijiet ta' Żgħażagħ Attivi se jgħinu wkoll lill-Istati Membri jilħqu l-mira ewlenija tal-UE ta' rata tal-impjiegi ta' 75 % matul l-għaxar snin li ġejjin billi jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom il-kompetenzi meħtieġa għall-impjiegi tal-ġejjieni.  L-istudji tal-Kummissjoni juru li 35 % tal-impjiegi ġodda se jirrikjedu kwalifiki ta' livell għoli sal-2020 u li 50 % se jirrikjedu kwalifiki ta' livell medju.

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja għamlitha aktar iebsa għaż-żgħażagħ Ewropej biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. L-għadd ta' żgħażagħ li qed ifittxu impjieg żdied minn 4 għal 5 miljuni minn mindu beda t-taqlib finanzjarju, u r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE issa laħqet kważi 21 %.

Dawn l-isfidi jirrikjedu azzjoni konġunta u koordinazzjoni politika qawwija biex tiġi identifikata azzjoni fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni se ssostni lill-Istati Membri fit-tfassil ta' politiki maħsuba biex jappoġġaw lil dawk li jinsabu fl-akbar riskju ta' qgħad, biex iħeġġu aktar lill-imprendituri żgħażagħ u biex jindirizzaw l-ostakli legali u amministrattivi għall-mobilità tat-tagħlim u tax-xogħol.

Studji indipendenti juru li aktar minn 40 % ta' dawk li jħaddmu jagħtu importanza lill-esperjenza miksuba minn studju u xogħol barra mill-pajjiż, li mhux biss tgħin liż-żgħażagħ itejbu l-ħiliet lingwistiċi tagħhom iżda wkoll jiksbu ħiliet oħra li huma apprezzati ferm. Il-Kummissjoni diġà għandha tradizzjoni twila ta' sostenn għall-mobilità bis-saħħa tal-għotjiet li tipprovdi permezz ta' Erasmus, Leonardo da Vinci, Grundtvig u Marie Curie.

Żgħażagħ Attivi timmira li testendi l-opportunitajiet għall-mobilità tat-tagħlim liż-żgħażagħ kollha fl-Ewropa sal-2020. Il-Kummissjoni llum se tniedi konsultazzjoni pubblika dwar il-ġejjieni tal-programmi ta' mobilità tagħha għall-perjodu wara l-2013 (ara http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/consult/index_en.html).

L-10 azzjonijiet prinċipali

L-istrateġija ta' Żgħażagħ Attivi tinkludi l-azzjonijiet immirati li ġejjin:

·    It-tnedija ta' websajt iddedikata għal Żgħażagħ Attivi, li se tipprovdi punt uniku ta' aċċess għal tagħrif dwar opportunitajiet ta' studju u ta' esperjenza ta' xogħol barra mill-pajjiż, inkluż pariri dwar l-għotjiet tal-UE u d-drittijiet individwali. Din se tibni fuq inizjattivi eżistenti bħall-Portal dwar l-Opportunitajiet ta’ Tagħlim fl-Ispazju Ewropew kollu (PLOTEUS).

·     Proġett bi prova "L-ewwel impjieg EURES tiegħek" se jipprovdi pariri, għajnuna fit-tfittxija għal impjieg u sostenn finanzjarju lil żgħażagħ li jkunu qed ifittxu impjieg u li jixtiequ jaħdmu barra minn pajjiżhom u lill-kumpaniji, partikolarment l-impriżi żgħar u ta' daqs medju. Il-proġett se jkun immexxi minn EURES, in-netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi Ewropej, u se jibda jitħaddem fl-2011.

·    Se jkun hemm tabella ta' valutazzjoni tal-mobilità li se sservi ta' punt ta' riferiment u se tkejjel il-progress li sar fit-tneħħija tal-ostakli legali u tekniċi għall-mobilità tat-tagħlim.

·    Il-Kummissjoni qed teżamina, b'kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment, il-ħolqien ta' faċilità Ewropea ta' self għall-istudenti biex issostni lill-istudenti li jixtiequ jistudjaw jew jitħarrġu barra mill-pajjiż.


·    Din se tippubblika s-sejbiet ta' studju maħsub biex jittestja l-fattibilità ta' sistema multidimensjonali u globali għall-klassifikazzjoni tal-universitajiet, biex tiġi pprovduta stampa aktar sħiħa u realistika tal-prestazzjoni tal-edukazzjoni għolja mill-klassifikazzjonijiet eżistenti.

·    Qed tippjana wkoll li tiżviluppa kard taż-Żgħażagħ Attivi, li tipprovdi benefiċċji u skontijiet għaż-żgħażagħ.

·    Strument ġdid ta' Monitoraġġ tal-Impjiegi f'livell Ewropew se jipprovdi sistema intelliġenti dwar id-domanda tas-suq tax-xogħol madwar l-Ewropa għall-persuni li qed ifittxu impjieg u l-konsulenti għall-impjiegi. Is-sistema għandha titnieda aktar tard din is-sena.

·    Il-Faċilità Ewropea ġdida ta' Mikrofinanzjament Progress tal-Kummissjoni se tipprovdi sostenn finanzjarju biex tgħin lill-imprendituri żgħażagħ joħolqu jew jiżviluppaw in-negozji tagħhom.

·    Din se tħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu garanzija għaż-żgħażagħ biex jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha jsibu impjieg, isegwu xi taħriġ jew ikollhom esperjenza ta' xogħol fi żmien erba' xhur minn meta jħallu l-iskola.

·    Il-Kummissjoni se tipproponi passaport Ewropew tal-ħiliet, imsejjes fuq Europass (is-CV Ewropew onlajn), biex il-ħiliet ikunu jistgħu jiġu rreġistrati b'mod trasparenti u komparabbli. Tnedija: Ħarifa 2011.

Web-chat

Nhar il-Ġimgħa, 17 ta' Settembru, il-Kummissarju Androulla Vassiliou se tieħu sehem f'web-chat dwar Żgħażagħ Attivi mit-15:00 sal-16:00. Il-mistoqsijiet jistgħu jintbagħtu qabel jew matul il-web-chat, bi kwalunkwe lingwa tal-UE, lil dan l-indirizz: EAC-YOM@ec.europa.eu.

Il-web-chat se tixxandar live fuq: http://webcast.ec.europa.eu

L-inizjattiva Żgħażagħ Attivi se tiġi promossa permezz ta' kampanja ta' informazzjoni madwar l-Ewropa kollha. Se jsiru avvenimenti ta' tnedija f'Budapest, l-Ungerija, fit-8 u d-9 ta' Ottubru u f'Bordeaux, Franza, mill-14 sas-16 ta' Ottubru.

Aktar tagħrif

Il-websajt taż-Żgħażagħ Attivi:

http://europa.eu/youthonthemove 

Intervista awdjoviżiva mal-Kummissarji Vassiliou u Andor:

http://ec.europa.eu/avservices/video/video_prod_en.cfm?type=details&prodid=17479&src=1

Komunikazzjoni taż-Żgħażagħ Attivi:

http://ec.europa.eu/education/yom/com_en.pdf

Żgħażagħ Attivi: Sommarju għaċ-ċittadini:

http://ec.europa.eu/education/yom/cs_mt.pdf

Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mobilità tat-tagħlim:

http://ec.europa.eu/education/yom/rec_en.pdf

Dokument ta’ ħidma tal-persunal: Riżultati tal-konsultazzjoni pubblika tal-2009 dwar il-mobilità tat-tagħlim:

http://ec.europa.eu/education/yom/wpconsult_en.pdf

Ara wkoll MEMO/10/408


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site