Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1119

Brussell, l-14 ta' Settembru, 2010

Aġenda Diġitali: Il-proġett ta' grid tal-UE jillibera potenza ta' proċessar ta' 200 000 kompjuter desktop għar-riċerkaturi Ewropej

Ir-riċerkaturi Ewropej se jkollhom aċċess sostenibbli u kontinwu għall-potenza kkumbinata tal-ipproċessar ta' aktar minn 200 000 kompjuter desktop f'aktar minn 30 pajjiż Ewropew bis-saħħa tal-proġett Infrastruttura tal-Grid Ewropea (European Grid Infrastructure – EGI) tal-Kummissjoni Ewropea li tnieda llum. Il-Kummissjoni qed tikkontribwixxi EUR 25 miljun fuq perjodu ta' erba' snin għall-proġett EGI-InSPIRE biex tingħaqad il-kapaċità tal-ipproċessar ta' kompjuters desktop meta dawn altrimenti jkunu weqfin, u b'hekk ir-riċerkaturi se jingħataw il-potenza tal-ipproċessar meħtieġa biex isolvu problemi kumplessi tal-ambjent, enerġija jew saħħa. L-EGI, l-akbar infrastruttura kkollaborata u produttiva tal-grid għall-eXjenza li qatt inħolqot, se tippermetti li timijiet ta' riċerkaturi f'lokazzjonijiet ġeografiċi differenti jaħdmu fuq problema bħalli kieku kienu qegħdin ġewwa l-istess laboratorju. Ir-rinfurzar ta' infrastrutturi ta' riċerka bħall-EGI jifforma parti mill-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, l-istrateġija tal-Kummissjoni biex jintlaħaq il-potenzjal soċjali u ekonomiku massimu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200).

Il-Viċi President tal-Kummissjoni għall-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes qalet: "L-aċċess tar-riċerkaturi Ewropej għall-potenza aqwa tal-kompjuter se jgħinhom biex isolvu sfidi ewlenin ta' riċerka f'oqsma bħat-tibdil fil-klima u s-saħħa. L-Infrastruttura tal-Grid Ewropea se tgħin biex issaħħaħ il-kapaċità tal-Ewropa fir-riċerka u tagħti lix-xjentisti tagħna l-appoġġ li jeħtieġu, filwaqt li tnaqqas il-konsum tal-enerġija u l-ispejjeż.

Il-kapaċità massiva tal-ipproċessar meħtieġa għar-riċerka f'oqsma bħat-tibdil fil-klima u s-saħħa tista' jew tittieħed minn sors ta' "super kompjuters" kbar ipprovduti mill-inizjattiva Sħubija għall-Informatika Avvanzata fl-Ewropa (PRACE – Partnership for Advanced Computing in Europe, ara IP/10/706), jew mill-isfruttar tal-kapaċità tal-ipproċessar ta' eluf ta' kompjuters desktop, illi altrimenti jkunu weqfin, ikkomunikati permezz ta' netwerks tal-komunikazzjoni b'veloċità għolja.

Bħala medja, kompjuter desktop ikun wieqaf għal madwar 60-85 % tal-ħin. Netwerks bħall-EGI jiddistribwixxu ħidmiet tal-kompjuter li jinvolvu ammonti kbar ta' dejta bejn il-kapaċità tal-ipproċessar ta' bosta eluf ta' kompjuter desktop separati, u b'hekk iċ-ċikli weqfin tal-ipproċessar jinbidlu f'użu produttiv. L-EGI-InSPIRE se jagħti aċċess lir-riċerkaturi Ewropej għall-potenza kumulattiva tal-ipproċessar ta' 200 000 kompjuter desktop li jinsabu f'aktar minn 300 ċentru madwar id-dinja. Il-Kummissjoni qed tikkontribwixxi EUR 25 miljun għal perjodu ta' erba' snin għal dan il-proġett ta' EUR 73 miljun. Jinkisbu fondi oħra minn sorsi nazzjonali bħal Inizjattivi Nazzjonali tal-Grid (National Grid Initiatives – NGI).

Il-proġett ta' qabel l-EGI (Grid li Tgħin lill-eXjenza), Enabling Grid for eScience, ħa iktar minn EUR 100 miljun bħala fondi mill-UE matul 8 snin. Illum jintuża minn 13 000 riċerkatur u, pereżempju, tgħin lil fiżiċisti tal-Large Hadron Collider fl-Isvizzera biex jistudjaw il-partikoli tal-iżgħar daqs magħruf u tgħin lil-bijoloġisti u x-xjentisti jiżviluppaw mediċina ġdida għal mard bħall-influwenza tat-tjur u l-malarja.

Billi l-komunitajiet differenti tar-riċerka jingħataw l-għajnuna li jaqbdu mal-kapaċità tal-ipproċessar ta' kompjuters eżistenti, dan jista' wkoll iwassal għal iffrankar kbir ta' spejjeż u enerġija. Fis-snin li ġejjin, huwa mistenni li l-Ewropa tinvesti aktar minn EUR 2 biljuni f'infrastrutturi ġodda għar-riċerka tal-ICT fil-fiżika u l-inġinerija, ix-xjenzi ambjentali, bijoloġiċi u medikali, ix-xjenzi soċjali u umanistiċi, kif ukoll fil-materjali u l-faċilitajiet ta' analiżi. Jista' jkun hemm iffrankar sinifikanti jekk ir-riċerkaturi f'dawn il-faċilitiajiet jużaw il-potenza tal-ipproċessar disponibbli permezz tal-EGI, minflok ma jiżviluppaw netwerks alternattivi tagħhom stess jew super kompjuters. L-EGI jista' wkoll jintuża biex jiġu analizzati diversi servizzi u teknoloġiji bbażati fuq il-"cloud-computing".

L-isfond

L-EGI se jiġi kkoordinat mill-EGI.eu li hija organizzazzjoni bbażata f'Amsterdam u li ġiet stabbilita biex tmexxi u topera l-infrastruttura tal-grid pan-Ewropea. Flimkien, l-EGI.eu u r-rappreżentanti mill-Inizjattivi Nazzjonali tal-Grid se joperaw u jkomplu jiżviluppaw l-infrastruttura tal-EGI biex jiggarantixxu d-disponibbiltà tagħha fuq medda twila ta' żmien.

Għal iktar dettalji dwar l-EGI ara:

www.egi.eu

Għal iktar dwar infrastrutturi elettronici ara:

http://cordis.europa.eu/fp7/ict/e-infrastructure/home_en.html


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website