Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1117

Brussell, it-13 ta' Novembru 2010

Għarfien dwar il-Baħar 2020: Nifmhu aħjar l-ibħra u l-oċeani tagħna biex insostnu l-kompetittività u t-tkabbir

Illum il-Kummissarju Ewropew għal Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Maria Damanaki, nediet il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-Għarfien dwar il-Baħar 2020 biex tillibera l-potenzjal tal-għarfien Ewropew dwar il-baħar. L-approċċ ibbażat fuq tliet linji primarjament jipprova jtejjeb l-għarfien tagħna dwar l-ibħra u l-oċeani Ewropej, jiffaċilita l-użu tad-dejta tal-baħar u jagħmilha tiswa inqas mil-lat finanzjarju, u jrawwem il-kompetitttività fost utenti tad-dejta tal-baħar.

Skont il-Kummissarju Damanaki, din il-proposta hija kemm f'waqtha kif ukoll ta' benefiċċju. "L-Għarfien dwar il-Baħar 2020 hija tweġiba diretta għat-talba li għamlu l-utenti tad-dejta tal-baħar biex tintervjeni l-UE. Għalhekk ħriġna b'din il-proposta komprensiva, li għandha tliet għanijiet bażiċi. L-ewwel nett, billi nneħħu l-ostakli u nnaqqsu l-ispejjeż operattivi għal dawk li jużaw id-dejta tal-baħar, inkunu nistgħu ngħinu lill-industrija privata tikkompeti fl-ekonomija globali u negħlbu l-isfida ta' sostenibbiltà; nistgħu ntejbu l-kwalità tat-teħid ta' deċiżjonijiet pubbliċi fil-livelli kollha; u nistgħu nsaħħu r-riċerka xjentifika dwar il-baħar. It-tieni, billi nipprovdu aċċess usa' għal dejta tal-baħar li l-kwalità tagħha hija kkontrollata, u li hija koerenti u disponibbli malajr, nistgħu nixprunaw il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni fost l-utenti. It-tielet, billi nnaqsu l-inċertezza fl-għarfien tal-oċeani u l-ibħra, nistgħu nipprovdu bażi iżjed soda għall-ġestjoni tal-bidliet għall-ġejjieni. Din il-proposta se tagħti l-mezzi lin-negozji u l-entitajiet pubbliċi biex jilħqu l-għanijiet kruċjali tal-istrateġija tagħna Ewropa 2020."

Żviluppi fl-intensità tas-sajd, żviluppi kostali, prattiki ta' navigazzjoni jew infrastruttura tal-enerġija lil hinn mix-xtut, kif ukoll konċentrazzjoni ogħla tal-gassijiet serra fl-atmosfera, qed ikollhom impatt dejjem iktar qawwi fuq żewġ terzi ta' din il-pjaneta li huma baħar jew oċean. Il-bidliet li jirriżultaw minn dawn l-attivitajiet tal-bniedem qegħdin jakkumulaw effett fuq ir-ritmi u ċ-ċikli naturali tad-dinja tal-baħar. Billi ċ-ċirkulazzjoni tal-oċeani hija l-mutur ewlieni li jwassal għal staġuni Ewropej moderati jew qalila, l-impatt ta' dawn il-bidliet jinħass lil hinn mill-komunitajiet kostali tagħna, minn dawk li jgħixu u jaħdmu wisq 'il bogħod mill-kosta. Fl-istess waqt, avvanzi fit-teknoloġija qed joffru opportunitajiet ġodda biex jisfruttaw ir-riżorsi tal-baħar għanja, u li fil-biċċa l-kbira tagħhom mhumiex esplorati b'mod sostenibbli u responsabbli għall-ġid tal-bniedem.

Biex nifhmu dawn il-bidliet, inbassru l-iżviluppi għall-ġejjieni, u nisfruttaw dawn l-opportunitajiet, jeħtieġ li nosservaw l-imġiba tal-ibħra, kemm dik attwali u dik tal-passat. L-entitajiet pubbliċi Ewropew dan jafuh sew, u bejniethom qed jonfqu iktar minn biljun euro fis-sena biex jiġbru dejta tal-baħar għal għanijiet tant diversi li jinkludu l-iżgurar tan-navigazzjoni sikura tal-baħar, il-ħarsien tax-xtut, il-prospettar għal bijomaterjali ġodda jew l-ivvalutar tal-istokkijiet tal-ħut. Madankollu, fuq konsultazzjoni pubblika riċenti fost dawk li jeħtieġu dejta bħal din fuq ix-xogħol tagħhom fl-industrija, l-akkademja u s-servizzi pubbliċi, ġie kkonfermat li din id-dejta mhix adattata għall-użu. L-utenti jsibuha diffiċli biex jiskopru liema dejta diġà teżisti. Jeżistu restrizzjonijiet fuq l-aċċess u l-użu li jista' jsir minn din id-dejta. Standards, formati u nomenklaturi frammentati, nuqqas ta' informazzjoni dwar preċiżjoni u eżattezza, il-politika tal-iffissar tal-prezzijiet ta' xi fornituri, u riżoluzzjoni temporali jew spazjali insuffiċjenti huma ostakli oħrajn. Għalhekk qed tintilef l-opportunità biex jiġu żviluppati prodotti u servizzi innovattivi ġodda bbażati fuq din id-dejta. Il-maġġoranza vasta ta' dawk li jaħdmu fil-qasam jemmnu li hija biss azzjoni li tittieħed fil-livell tal-UE li tista' tippermetti lil dawk li n-negozju tagħhom jiddependi fuq dejta tal-baħar faċilment disponibbli biex jilħqu l-miri tal-"Ewropa 2020" għal tkabbir intelliġenti u sostenibbli.

Il-proposta tal-Kummissjoni turi kif approċċ integrat li jisfrutta firxa ta' strumenti legali qed jibni bil-mod il-mod arkitettura li fiha qed jinġabru osservazzjonijiet u jingħaqdu flimkien biex jipprovdu dejta kompleta dwar is-saffi tal-baċir tal-baħar li tissodisfa l-ħtiġijiet ta' dawk interessati.

Link għall-proposta: http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/

MEMO/10/404


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website