Navigation path

Left navigation

Additional tools

9 minn kull 10 Ewropej jesprimu appoġġ qawwi għall-għajnuna għall-iżvilupp, skont Eurobarometer speċjali

European Commission - IP/10/1116   13/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1116

Brussell, it-13 ta’ Settembru 2010

9 minn kull 10 Ewropej jesprimu appoġġ qawwi għall-għajnuna għall-iżvilupp, skont Eurobarometer speċjali

Iċ-ċittadini Ewropej għadhom qed juru appoġġ determinat lejn l-għajnuna li tingħata lil pajjiżi li qed jiżviluppaw, skont Eurobarometer speċjali ppubblikat illum. Ġimgħa qabel il-Laqgħa Għolja tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju, l-istħarriġ juri li 89% ta' dawk li wieġbu jqisu l-għajnuna għall-iżvilupp bħala importanti jew importanti ħafna. Tnejn minn kull tliet Ewropej jemmnu li l-UE għandha tonora, jew anki ttejjeb, il-wegħdiet tagħha li żżid l-għajnuna għall-iżvilupp għal 0.7% tad-DNG sal-2015, li hi s-sena li fiha tintemm l-iskadenza biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju. Dan l-appoġġ, li huwa mifrux fost maġġoranza vasta ta' ċittadini hi x'inhi n-nazzjonalità tagħhom, baqa' għoli b'mod konsistenti minkejja l-kriżi finanzjarja u s-sitwazzjoni ekonomika fl-Ewropa. F'dan il-kuntest, tliet kwarti (76%) tal-Ewropej jemmnu li jinkiseb valur miżjud meta l-pajjiżi tal-UE jaħdmu flimkien, ħaġa li tnaqqas il-possibbiltà ta' duplikazzjoni u tiżgura l-effettività tal-għajnuna.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs qal: "Iċ-ċittadini Ewropej bagħtulna messaġġ ċar ħafna: minkejja t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, is-solidarjetà u r-responsabbiltà tal-UE lejn dawk fil-bżonn għandha tibqa'. Personalment, jiena nara dan bħala mandat biex nibqgħu sodi fid-determinazzjoni tagħna li nilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju. Huwa ċar li rridu niżguraw l-ikbar impatt ta' għajnuna tal-UE, li hija l-akbar fid-dinja."

Għal dan l-Eurobarometer speċjali, f'Ġunju 2010, 26,500 ċittadin fis-27 Stati Membri kollha ġew mitluba jwieġbu sensiela ta' mistoqsijiet dwar kwistjonijiet li jolqtu l-iżvilupp. Ir-riżultat ewlieni li joħroġ mill-istħarriġ huwa dak li l-appoġġ ġenerali għall-iżvilupp ma naqasx matul il-kriżi ekonomika. L-għadd ta' nies li jqisuha bħala importanti ħafna saħansitra żdied minn 39% is-sena l-oħra għal 45%.

L-istħarriġ jiżvela wkoll li, għall-ewwel darba, id-differenza fl-attitudni bejn l-hekk imsejħa EU-15 u EU-12 qed tonqos. Id-differenza jidher li qiegħda bejn dawk il-pajjiżi li l-aktar intlaqtu mill-kriżi ekonomika, u dawk li jgawdu minn sitwazzjoni ekonomika aħjar. Iċ-ċittadini indirettament ukoll jappoġġaw politika ta' koerenza fl-iżvilupp: 43% jemmnu li l-linji ta' politika tal-UE fil-kummerċ u l-finanzi kellhom impatt pożittiv fuq pajjiżi sħab. Il-linji ta' politika dwar il-kisba tal-paċi jilħqu wkoll il-livell ta' 42%, u warajhom jiġu dawk dwar l-agrikoltura (33%) u l-migrazzjoni (22%).

L-istħarriġ juri wkoll li:

42% ta' dawk li wieġbu jqisu l-faqar bħala l-akbar sfida għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u wara dan jiġu l-kriżi ekonomika (36%), l-ikel (20%) u kwistjonijiet ta' saħħa (19%).

42% huma favur li jagħtu l-għajnuna lil pajjiżi li qed jiżviluppaw billi jmorru bħala voluntiera, jew inkella billi jagħtu l-flus. 30% la jagħtu flus u lanqas jaħdmu bħala voluntiera.

63% jqisu l-organizzazzjonijiet internazzjonali bħala li huma fl-aħjar qagħda biex jgħinu lil pajjiżi li qed jiżviluppaw. Hawnhekk l-UE tiġi t-tielet (17%), wara n-NU (27%) u l-Bank Dinji (19%).

Sfond

Il-Eurobarometer speċjali 'Ewropej, għajnuna għall-iżvilupp u l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju' għandu l-għan li jkejjel l-impenn pubbliku għall-għajnuna għall-iżvilupp fil-kuntest tal-kriżi ekonomika li għadha għaddejja u fid-dawl tal-Laqgħa Għolja li ġejja dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju fi New York (20-22 ta' Settembru). Il-Laqgħa Għolja se teżamina l-progress li sar lejn il-kisba ta' inizjattiva tan-NU biex jinqered il-faqar, magħrufa bħala l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs): inizjattiva li għaliha s-27 Stati Membri kollha tal-UE impenjaw ruħhom fiha.

Fl-2009, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha taw total ta' €49 biljun f'għajnuna għall-iżvilupp, b'mod li fid-dinja l-UE hija fil-wisa' l-akbar donatur, li tirrappreżenta 56% tal-għajnuna globali. L-għajnuna esterna li hija ġġestita mill-Kummissjoni Ewropea ammontat għal €12-il biljun fl-2009.

Ara wkoll MEMO/10/403

Link għall-Eurobarometru speċjali sħiħ, numru 352:

Bl-Ingliż - http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_en.htm#352

Bil-Franċiż - http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_fr.htm#352

Websajt tal-Kummissarju għall-Iżvilupp Andris Piebalgs:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/piebalgs/index_en.htm

Websajt tad-DĠ għall-Iżvilupp:

http://ec.europa.eu/development/index_en.cfm

Websajt ta' EuropeAid (AidCo):

http://ec.europa.eu/europeaid/index_mt.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website