Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1115

Brussell, it-13 ta' Settembru 2010

Is-sikurezza marittima: regoli ġodda tal-UE biex "jissemmew u jixxandru" kumpaniji tal-ġarr bil-baħar b'rekords baxxi ta' sikurezza

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat regoli ġodda biex tiżdied u titjieb il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-vapuri. Mill-1 ta' Jannar 2011, ir-regoli se jintroduċu reġistru ġdid onlajn sabiex "jissemmew u jixxandru" kumpaniji tal-ġarr bil-baħar li għandhom prestazzjoni baxxa skont spezzjonijiet vitali ta' sikurezza (kontroll mill-Istat tal-port), filwaqt li dawk b'rekords għoljin ta' sikurezza se jingħataw pubbliċità tajba biex jingħarfu. Il-kontrolli mill-Istat tal-port huma kruċjali biex jevitaw diżastri tal-ġarr bil-baħar u telf traġiku ta' ħajjiet, kif ukoll ħsara ambjentali kbira li jistgħu jirriżultaw. Il-kumpaniji u l-Istati li jidhru li għandhom prestazzjoni baxxa se jiġu soġġetti għal spezzjonijiet aktar intensivi u kkoordinati fil-portijiet tal-UE. Il-manifatturi jew industriji oħra se jkunu jistgħu jagħżlu l-kumpaniji tal-ġarr bil-baħar li jużaw għall-merkanzija jew għall-passiġġieri b'għarfien sħiħ tar-rekord tas-sikurezza tagħhom.

Il-Viċi President responsabbli mit-Trasport, Sim Kallas, qal: "Is-sikurezza hija l-ewwel prijorità għall-UE. Rajna l-effetti qerrieda ta' diżastri marittimi bħal meta għerqu l-vapuri Estonia, Erika jew Prestige f'termini ta' telf traġiku ta' ħajjiet u ħsara ambjentali enormi. Jiena konvint, bħal dejjem, mill-qawwa tat-trasparenza. Nixtiequ li nitfgħu dawl fuq ir-rekords tas-sikurezza tal-kumpaniji tal-ġarr bil-baħar, l-Istati tal-bandiera u l-organizzazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni. B'aktar trasparenza f'dan is-settur, il-kumpaniji b'rekords ta' sikurezza għolja ħafna jkunu jistgħu jingħarfu faċilment u b'hekk jingħataw vantaġġ kompetittiv. Ir-reġistru se jgħarraf faċilment ukoll dwar dawk il-kumpaniji bi prestazzjoni baxxa. Permezz ta' skemi aktar riġidi ta' spezzjoni u pressjoni pubblika se jkollhom kull inċentiv li jgħollu l-prestazzjoni tagħhom, jew inkella jispiċċaw ipprojbiti mill-ilmijiet tal-UE".

Ir-regoli l-ġodda

Fl-1 ta' Jannar 2011, l-iskema ta' kontroll mill-Istat tal-port (spezzjonijiet tekniċi ta' sikurezza fil-portijiet) fl-Unjoni Ewropea se tinbidel b'mod sinifikanti skont id-Direttiva tal-UE 2009/16/KE dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port. Skont l-iskema l-ġdida mhux biss se jkun hemm armonizzazzjoni fl-UE kollha tal-istandards tal-ispezzjoni tal-kontroll tal-Istat, kif teżisti attwalment, imma se jkun hemm ukoll għall-ewwel darba sistema kompletament koordinata tal-ispezzjonijiet tas-sikurezza mill-Istat tal-port li jitwettqu fl-UE.

Is-sistema l-ġdida ta' madwar l-UE kollha se tkun ibbażata fuq għodda ta' informazzjoni avvanzata magħrufa bħala "THETIS" (immexxija mill-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima (EMSA). THETIS se tirreġistra l-ispezzjonijiet tas-sikurezza kollha fuq vapuri li jsiru fil-portijiet tal-UE, u se tipprovdi analiżi ta' riskju li se tiddetermina l-frekwenza u l-prijoritajiet għal spezzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Ir-regolamenti adottati llum mill-Kummissjoni jispeċifikaw il-kriterji għal valutazzjoni tal-profil ta' riskju ta' vapuri skont il-prestazzjoni tal-kumpanija u l-prestazzjoni tal-Istat tal-bandiera kif jidhru f'THETIS.

Is-sistema pan-Ewropea ta' koordinazzjoni u analiżi se tippermetti użu aktar effikaċi ta' riżorsi ta' spezzjoni fil-portijiet, u b'mod partikolari l-immirar aktar effikaċi ta' vapuri b'riskju għoli u kumpaniji bi prestazzjoni baxxa ta' sikurezza. Ir-reġistru onlajn se jelenka kumpaniji li kellhom prestazzjoni ta' sikurezza baxxa jew baxxa ħafna għal perjodu ta' tliet xhur jew aktar. Vapuri fir-reġistru li jitħaddmu minn kumpaniji b'rekords ħżiena ta' sikurezza, ta' difiċjenzi u ta' detenzjonijiet, se jkunu soġġetti għal spezzjonijiet frekwenti ħafna, filwaqt li vapuri li jitħaddmu minn kumpaniji b'rekords tajbin se jibbenefikaw minn inqas spezzjonijiet.

L-isfond – ir-regoli attwali dwar spezzjonijiet tas-sikurezza fil-port

Kull sena, aktar minn 80 000 vapur individwali jidħlu fil-portijiet Ewropej. L-ispezzjonijiet tas-sikurezza ta' vapuri li jitwettqu fil-portijiet (kontroll mill-Istat tal-port) huma kruċjali biex jevitaw aċċidenti marittimi. Skont ir-regoli attwali tal-UE, jeżistu standards armonizzati għall-ispezzjonijiet u l-Istati Membri huma obbligati li jispezzjonaw 25 % tal-vapuri li jidħlu fil-portijiet tagħhom. Vapuri b'defiċjenzi u detenzjonijiet serji jistgħu jiġu elenkati fil-lista ta' vapuri li fuqhom ġew imposti sanzjonijiet skont il-liġi tal-UE – u pprojbiti li joperaw fl-ilmijiet tal-UE.

Madankollu, għadha titħaddem l-iskema attwali b`"loġika nazzjonali", jiġifieri li awtoritajiet nazzjonali differenti jistipulaw l-għażla ta' 25 % mill-vapuri għall-ispezzjoni fil-portijiet nazzjonali. Teżisti xi koordinazzjoni madwar l-UE kollha, għalkemm limitata, bejn awtoritajiet nazzjonali differenti. Attwalment, ir-riżultati tal-ispezzjonijiet nazzjonali differenti kollha ma jiġux analizzati sistematikament fuq bażi pan-Ewropea jew ippubblikati fuq bażi għall-UE kollha.

Għal aktar tagħrif dwar il-kontroll mill-Istat tal-port mur fuq is-sit tal-internet:

http://www.emsa.europa.eu/end185d007d002d001.html

Għal kif tikkalkula l-indiċi tal-prestazzjoni tal-kumpanija:

http://www.emsa.europa.eu/appl/Company_Performance_Calculator.html

Għal aktar dettalji dwar il-Politika tal-UE għat-Trasport Marittimu:

http://ec.europa.eu/transport/maritime/index_en.htm

Ara wkoll: MEMO/10/401


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website