Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1113

Brussell, 13 ta’ Settembru 2010

30 ta’ Novembru 2010: L-aħħar sejħa biex il-kumpaniji jirreġistraw il-kimiċi

Il-Kummissjoni tfakkar lill-kumpaniji li għandhom sat-30 ta’ Novembru ta’ din is-sena, inqas minn 12-il ġimgħa minn issa, biex jirreġistraw il-kimiċi li l-aktar jintużaw, jew li huma l-aktar perikolużi. Ir-reġistrazzjoni hija wieħed mill-objettivi ewlenin ta’ REACH, ir-Regolament tal-UE dwar il-kimiċi u l-użu sikur tagħhom. Il-kumpaniji qegħdin jiġu wkoll imfakkra li jridu jinnotifikaw il-Klassifikazzjoni u t-Tikkettjar tal-kimiċi tagħhom lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (l-ECHA) sat-3 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, u l-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik stqarrew li: “L-industrija tagħna tal-kimika jeħtieġ tkun waħda sostenibbli. Għaldaqstant qed nappellaw lill-kumpaniji kollha kkonċernati biex iressqu d-dossiers tagħhom kompluti u fil-ħin. Din hi biċċa xogħol iebsa għall-kumpaniji iżda dan huwa wkoll investiment li għandu jrendi minħabba li b’hekk jissaħħaħ ir-rwol ewlieni tal-industrija Ewropea tal-kimika. Il-benefiċċji se jkunu aktar kompetittività, aktar innovazzjoni, u aktar impjiegi għaċ-ċittadini Ewropej f’ambjent ħafna aktar nadif u f’saħħtu.

Mill-10 ta’ Settembru ’l hawn l-għadd ta’ dossiers li tressqu lill-ECHA kien ta’ madwar 4,000 u r-rata qed tikber b’pass mgħaġġel. Il-kumpaniji huma mħeġġa jħaffu l-pass biex jiffinalizzaw id-dossiers tagħhom u jressquhom mill-aktar fis. Ir-reġistranti prinċipali huma mħeġġa jirreġistraw sat-30 ta’ Settembru, u dan sabiex jippermettu marġini ta’ sikurezza f’każ ta' problemi bir-reġistrazzjoni tagħhom u biżżejjed ħin għal reġistranti oħrajn biex jintroduċu d-dossiers tagħhom qabel tmiem Novembru. Il-kumpaniji jridu jressqu d-dossier tagħhom elettronikament permezz tal-għodda REACH-IT.

Il-Kummissjoni u l-ECHA qed jagħmlu dak li jistgħu sabiex isostnu l-industrija f’dan l-eżerċizzju. Hemm grupp ta’ managers fil-livell l-għoli mill-Kummissjoni, mill-ECHA u mill-assoċjazzjonijiet tal-industrija li ilu jaħdem b’suċċess biex il-proċess ta’ reġistrazzjoni jimxi bla problemi. L-ECHA żiedet l-isforzi tagħha biex tippubblika gwida dettaljata fi 22 lingwa tal-UE.

L-isforz min-naħa tal-industrija jrid jiġi rikonoxxut ukoll. L-iskadenza qiegħda kulma jmur toqrob u teżisti sfida kbira biex ikun stabbilit u amministrat ix-xogħol fil-fora tal-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar is-Sustanzi, il-lok fejn tiġi skambjata l-informazzjoni dwar il-kimiċi għall-fini ta’ reġistrazzjoni.

Il-proċess ta’ reġistrazzjoni ma jaffettwax biss l-industrija tal-kimika, iżda wkoll l-operaturi li ma jappartjenux direttament fis-settur tal-kimika, bħalma huma l-produtturi tal-metall u tat-tessuti.

L-utenti tal-kimiċi jiddependu fuq id-disponibbiltà tas-sustanzi fis-suq u fuq ir-reġistrazzjoni fil-ħin. Barra minn hekk, wara r-reġistrazzjoni, dawn iridu jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet ta’ sikurezza mtejba li jkunu fasslu l-fornituri tagħhom, jew f’ċerti każi jagħmlu l-analiżi tar-riskju huma stess għall-użi speċifiċi tagħhom.

L-iskadenzi għar-regoli l-ġodda għall-klassifikazzjoni tas-sustanzi.

Il-kumpaniji qed jiġu mfakkra wkoll li sal-1 ta’ Diċembru 2010 jeħtieġ jikklassifikaw is-sustanzi li jbigħu mill-ġdid, u dan skont ir-regoli l-ġodda dwar il-Klassifikazzjoni u l-Ittikkettjar, u mbagħad jinnotifikaw il-klassifikazzjonijiet tagħhom lill-ECHA sat-3 ta’ Jannar 2011. Geert Dancet, id-Direttur Eżekuttiv tal-ECHA żied "Lill-kumpaniji li qed jitħejjew għas-CLP nagħtuhom il-parir li jkunu lesti biex iressqu n-notifiki fil-ħin. L-ECHA u l-helpdesks nazzjonali huma disponibbli biex jgħinu u jsostnu l-industrija, speċjalment l-SMEs, biex dawn josservaw l-obbligi tagħhom”. Il-klassifikazzjoni hija essenzjali biex ikun stabbilit jekk kimika hix perikoluża għas-saħħa u għall-ambjent, u din tistabbilixxi l-informazzjoni fuq it-tikketta tal-prodotti li jużaw il-ħaddiema u l-konsumaturi. Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li dawn in-notifiki jridu jintbagħtu anki għal kwantitajiet żgħar ta’ kimiċi. Dan ifisser li huma affettwati ħafna aktar kumpaniji, inklużi l-SMEs.

Aktar tagħrif: MEMO/10/400

http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/chemicals/index_mt.htm

http://ec.europa.eu/environment/chemicals/index.htm

http://echa.europa.eu/news/clp_presskit_en.asp


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website