Navigation path

Left navigation

Additional tools

Tbassir interim tal-UE: Ikompli l-irkupru fl-ambjent globali ta' inċertezza

European Commission - IP/10/1111   13/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1111

Brussell, it-13 ta' Settembru 2010

Tbassir interim tal-UE: Ikompli l-irkupru fl-ambjent globali ta' inċertezza

L-irkupru ekonomiku fl-UE dan l-aħħar ħa spinta. It-tkabbir tal-PGD bejn April u Ġunju tal-2010 kien partikolarment qawwi, u aktar ibbilanċjat mad-domanda domestika milli kien mistenni qabel. Filwaqt li huwa mistenni li l-attività se tibqa' moderata fl-aħħar sitt xhur tas-sena, jidher li l-profil ta' kull tliet xhur se jitjieb ftit meta mqabbel mat-tbassir tar-rebbiegħa, minħabba l-effett dinamiku indirett mit-tieni simestru tas-sena. Għas-sena 2010 kollha, huwa previst li t-tkabbir reali tal-PGD se jkun 1.8 % fl-UE u 1.7 % fiż-żona tal-euro. Dan ifisser li se jkun revedut 'il fuq sewwa. Madankollu l-irkupru għadu fraġli, b'livell għoli ta' inċertezza u żviluppi differenti fost l-Istati Membri. Għall-2010, il-Kummissjoni qed tbassar rata ta' inflazzjoni pjuttost konsistenti mir-rebbiegħa 'l hawn, li tammonta għal 1.8 % fl-UE u 1.4 % fiż-żona tal-euro..

Il-Kummissarju għall-Ekonomija u Affarijiet Monetarji tal-UE, Olli Rehn, qal: Jidher ċar li l-ekonomija Ewropea qiegħda tirkupra, b'rata aktar għolja milli kien previst fir-rebbiegħa, u ż-żieda mill-ġdid fid-domanda domestika tawgura tajjeb għas-suq tal-impjiegi. Madankollu, l-inċertezzi jkomplu jinħassu, u l-issalvaggwardjar tal-istabbiltà finanzjarja u t-tkomplija tal-konsolidazzjoni fiskali jibqgħu prijoritajiet ewlenin. Fl-istess waqt, jeħtieġ li nagħtu spinta lir-riformi stutturali biex insostnu l-potenzjal tagħna għat-tkabbir. Aktar ma naġixxu malajr u bil-qawwa fuq dan il-punt, aktar nistgħu nkunu ċerti minn tkabbir kostanti u ħolqien ta' impjiegi.

Reviżjoni 'l fuq tat-tbassir għat-tkabbir fl-UE u fiż-żona tal-euro

Meta wieħed iqis li l-irkupru kien aħjar milli mistenni fl-ewwel sitt xhur tas-sena, u l-effett dinamiku indirett mit-tieni simestru tas-sena, fl-2010 huwa previst tkabbir reali tal-PGD ta' 1.8 % fl-UE u 1.7 % fiż-żona tal-euro (reviżjoni pożittiva ta' madwar ¾ punt perċentwali meta mqabbel mat-tbassir tar-rebbiegħa). Din il-qagħda globali hija msejsa fuq tbassir aġġornat għal Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, Spanja, u r-Renju Unit, li flimkien jikkontribwixxu għal madwar 80 % tal-PGD tal-UE. Fil-livell tal-Istati Membri individwali, l-iżviluppi jibqgħu inugwali bejniethom, bl-ekonomija tal-Ġermanja u tal-Polonja bl-aqwa prestazzjoni. Dan in-nuqqas ta' ugwaljanza jirrifletti differenzi fl-istrutturi tal-produzzjoni, l-iskala tal-isfidi ta' aġġustament u l-ibbilanċjar mill-ġdid kontinwu fl-UE u fiż-żona tal-euro.

L-irkupru globali qed jiddgħajjef}

Minħabba n-nuqqas ta' appoġġ tal-miżuri ta' stimulu u tal-iżviluppi fil-bini ta' inventarji, jidher li l-irkupru globali se jgħaddi minn perjodu diffiċli fl-aħħar sitt xhur tas-sena, għalkemm mhux mistenni li jkun repetut. Minkejja dan il-perjodu, huwa mbassar li l-PGD globali (l-UE eskluża) se jiżdied b'madwar 5 % fl-2010, ¼ punt perċentwali ogħla mit-tbassir tar-rebbiegħa. Dan huwa riżultat tal-fatt li l-attività ekonomika kienet iktar qawwija milli previst fl-ewwel perjodu tas-sena. Bħal kif ġara fir-rebbiegħa, qed jitbassar irkupru differenti, bi tkabbir qawwi fl-ekonomija emerġenti, imma b'sitwazzjoni li tibqa' fraġli f'bosta mill-ekonomiji avvanzati.

L-ibbilanċjar mill-ġdid tat-tkabbir tal-UE mad-domanda domestika

It-tkabbir tal-PGD fl-UE mistenni jbatti fl-aħħar sitt xhur tal-2010. Dan jirrifletti l-perjodu batut fl-ekonomija globali u l-fatt li se jmajnaw il-fatturi temporanji li taw spinta lill-irkupru. Madankollu, l-effett dinamiku indirett mit-tieni simestru tas-sena jimplika reviżjoni 'il fuq tal-profil tal-perjodu ta' tliet xhur meta mqabbel mat-tbassir tar-rebbiegħa. Bħalissa qed jitbassar li l-PGD se jiżdied b'0.5 % fl-UE u ż-żona tal-euro bejn Lulju u Settembru, u b'0.4 % u 0.3 % rispettivament fl-aħħar tliet xhur tas-sena. Dan l-approċċ aktar pożittiv huwa sostnut, fost oħrajn, mill-indikaturi ekonomiċi 'sentiment indicators' li jindikaw tkabbir kontinwu tal-attività ekonomika fix-xhur li ġejjin.

Barra minn hekk, jidher li l-irkupru qed jinfirex fost setturi u komponenti tad-domanda. B'mod partikolari, il-kontribut tal-investiment privat u l-konsum għat-tkabbir fil-PGD minn April sa Ġunju 2010, qabeż il-kontributi tal-inventarji u l-esportazzjoni netta flimkien. Dan l-ibbilanċjar mill-ġdid jagħtina kuraġġ, speċjalment billi l-ambjent estern aktar fraġli matul l-istess perjodu jidher li naqqas l-effett fuq it-tkabbir fl-esportazzjoni tal-UE. Min-naħa l-oħra, is-swieq finanzjarji għadhom fraġli, u għadhom kemm kemm irpiljaw mit-tensjonijiet li għaddew minnhom f'Mejju li għadda.

L-inflazzjoni tibqa' taħt kontroll

Fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2010 kien hemm żieda moderata fl-inflazzjoni tal-HICP, li kienet akkumpanjata minn prezzijiet globali ta' kommoditajiet ogħla u effetti ta' żieda fil-bażi tal-ikel u l-enerġija . Meta wieħed iħares 'il quddiem, ir-rata baxxa tat-tkabbir tal-ekonomija li għadha tippersisti, it-trażżin fiż-żieda tal-pagi u t-tbassir ta' rata ta' inflazzjoni baxxa, għandhom jikkontrollaw l-inflazzjoni, minkejja l-iżviluppi riċenti fir-rati tal-kambju u ż-żieda fil-prezzijiet ta' xi kommoditajiet agrikoli kkawżata mit-temp. Għas-sena 2010 kollha, hu mbassar li l-inflazzjoni tal-HICP se tkun bħala medja 1.8 % fl-UE u 1.4 % fiż-żona tal-euro, ġeneralment konsistenti mat-tbassir tal-ħarifa.

Valutazzjoni tar-riskju

Fost l-inċertezza qawwija li tkompli tirrenja, ir-riskji tal-previżjoni tat-tkabbir tal-UE għall-2010 jidhru ġeneralment ibbilanċjati. Fuq nota pożittiva, l-ibbilanċjar mill-ġdid tat-tkabbir tal-PGD mad-domanda domestika, u l-effetti indiretti mill-ispinta fl-attività fil-Ġermanja fuq Stati Membri oħra, jistgħu jseħħu b'mod aktar estensiv milli mbassar bħalissa. Fuq nota negattiva, wieħed ma jistax jeskludi domanda esterna iktar baxxa milli mistenni, u aktar tensjonijiet fis-swieq finanzjarj, waqt li l-konsolidazzjoni fiskali tista' teffettwa ħafna aktar milli previst id-domanda domestika fil-pajjiżi kkonċernati. U dwar it-tbassir għall-inflazzjoni, ir-riskji jidhru wkoll ġeneralment ibbilanċjati għall-2010.

Rapport aktar iddettaljat jidher fuq:

http://ec.europa.eu/economy_finance/articles/eu_economic_situation/2010-09-13-interim_forecast_en.htm

Table 1: Real GDP growth

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Note: the quarterly figures are working-day and seasonally adjusted, while the annual figures are unadjusted.

Table 2: Consumer price inflation

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website