Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1107

Brussell, 9 ta’ Settembru 2010

Biodiversità: It-tisħiħ tal-awtoritajiet lokali madwar id-dinja

Kif jistgħu l-awtoritajiet lokali jiffrankaw il-flus filwaqt li jagħtu spinta lill-ekonomiji, itejbu l-kwalità tal-ħajja u jiġġeneraw ix-xogħol? Skont rapport ġdid li għadu kif ħareġ dan jista' jseħħ billi jintegraw servizzi li jkunu jinsabu fl-ekosistema meta jkunu qed ifasslu l-politika tagħhom. Ir-rapport dwar l-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Biodiversità (it-TEEB) għal dawk li jfasslu l-politika Lokali u Reġjonali, u juri lil dawk li jfasslu l-politika lokali kif jistgħu jifhmu aħjar il-valur u s-servizzi mogħtija mill-kapital naturali bħal boskijiet, parks u passaġġi fuq l-ilma u kif japprofittaw mill-benefiċċji fl-oqsma tal-politika lokali bħall-ġestjoni urbana, l-ippjanar spazjali u l-ġestjoni taż-żoni protetti.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "L-awtoritajiet tal-ippjanar lokali u reġjonali għandhom poter enormi, u jista' jkollhom impatt pożittiv immens. Dan ir-rapport jagħti ħafna eżempji li rnexxew ta' integrazzjoni tal-ideat favur il-Biodiversità fid-deċiżjonijiet li ttieħdu madwar id-dinja dwar l-ippjanar lokali, li kellhom vantaġġi dettaljati li bbenefikaw minnhom iċ-ċittadini tal-lokal. F'ħafna każijiet, dan huwa pjan direzzjonali għas-suċċess ambjentali."

Il-kap tal-Istudju tat-TEEB, Pavan Sukhdev, qal: "Il-valuri multipli u kumplessi tan-natura għandhom impatti ekonomiċi diretti fuq il-benesseri umana u n-nefqa pubblika f'livell lokali kif ukoll nazzjonali. Billi niffokaw fuq il-benefiċċji varji li nieħdu min-natura nistgħu naraw il-modi diretti u indiretti ta' kif niddependu mill-ambjent naturali u dan l-approċċ jista' jappoġġa b'mod sostanzjali l-politika lokali u l-ġestjoni pubblika. Inħeġġu lill-awtoritajiet lokali jaqraw dan ir-rapport u jirrikonoxxu l-benefiċċji li nieħdu min-natura u d-dimensjoni ekonomika tal-kapital naturali lokali tagħhom."

Il-popolarizzar tal-Biodiversità fil-livell tal-art fl-Ewropa...

Ir-rapport il-ġdid, intitolat TEEB għal dawk li jfasslu l-Politika Lokali u Reġjonali, imħejji fuq inizjattiva tal-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Biodiversità (TEEB) inkorporat fil-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u appoġġat mill-istess Programm, jenfasizza dwar kemm il-bliet jiddependu min-natura u juri kif is-servizzi tal-ekosistema jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet kost-effikaċi għas-servizzi muniċipali. L-istudju juri kif Ruma, pereżempju, qed tisfrutta l-benefiċċji taż-żoni pubbliċi ħadrana li jammontaw għal 5 000 ettaru, u kif l-awtoritajiet lokali f'Wales qed itejbu s-saħħa taċ-ċittadini billli jagħtu iktar spazji ħadrana. Fost ir-rakkomandazzjonijiet hemm l-iskema tal-ħlas għas-servizzi tal-ekosistemi, il-linji gwida biex jiġu ppremjati għall-approċċ sostenibbli tal-kapital naturali lokali, iċ-ċertifikazzjoni u t-tikkettar.

... u madwar id-dinja

'Il fuq minn 140 espert fix-xjenza, l-ekonomija u l-politika li ġejjin minn iktar minn 40 pajjiż madwar id-dinja kienu involuti fir-riċerka, l-analiżi u l-abbozzar tar-rapport tat-TEEB għal dawk li jfasslu l-politika lokali u reġjonali, li fih studji prattiċi minn bosta pajjiżi fosthom l-Afrika t'Isfel, l-Indja, l-Awstralja, il-Vjetnam u l-Perù. Barra l-importanza biex jiġu evalwati s-servizzi tal-ekosistema, ir-rapport isemmi wkoll tliet kwistjonijiet ewlenin li wieħed għandu jqis jekk il-kapital naturali jaħdem favur l-iżvilupp lokali.

    1: Distribuzzjoni ġusta tad-drittijiet favur in-natura. Ħafna drabi, il-bidliet fil-politika jaffettwaw id-distribuzzjoni jew l-aċċess għas-servizzi – u dan għandu jitqies matul il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

    2: Użu massimu tal-għarfien xjentifiku u tal-għarfien imsejjes fuq l-esperjenza minħabba li dan se jgħin sabiex isibu lingwaġġ komuni li jkopri l-opinjonijiet varji.

    3: Ingaġġ tal-partijiet interessati matul il-proċess sabiex tingħata prijorità lill-azzjoni tal-politika lokali u sabiex tiġi żviluppata b'mod fattibbli u effettiv.

Sfond

Il-patrimonju naturali tal-pjaneta – mill-ispeċijiet individwali sal-ekosistemi bħalma huma l-foresti, sikek tal-qroll, l-ilma ħelu u l-ħamrija – qed jonqsu b'rata allarmanti. Kull sena, it-telf tal-Biodiversità qed jiswa l-biljuni lill-ekonomija globali, u dan ipoġġi f'periklu lill-ekonomiji, lill-prospetti u l-opportunitajiet tan-negozju li jiġġieldu l-faqar.

TEEB - L-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Biodiversità – huwa proġett iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea u l-gvernijiet inklużi l-Ġermanja, ir-Renju Unit, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja, in-Norveġja, il-Belġju u l-Ġappun, li huwa ddedikat għall-bini tal-każ ekonomiku biex jinbidel il-mod ta' kif nivvalutaw u ta' kif jiġi ġestit il-patrimonju naturali.

Dan huwa t-tielet rapport tal-partijiet interessati tat-TEEB (wara li kienu ħarġu rapporti kumplessivi mmirati lejn dawk li jfasslu l-politika nazzjonali u n-negozji), u l-aħħar wieħed qabel il-preżentazzjoni dwar ir-riżultati fil-COP 10 dwar il-Biodiversità li għandu jsir f'Nagoya f'Ottubru.

Għal aktar tagħrif:

Ir-rapporti tat-TEEB huma disponibbli fuq is-sit li ġej

http://www.teebweb.org/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website