Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-UE tirrevedi l-liġijiet biex tipproteġi aħjar l-annimali użati fl-esperimenti xjentifiċi

European Commission - IP/10/1105   09/09/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1105

Brussell, id-9 ta’ Settembru 2010

L-UE tirrevedi l-liġijiet biex tipproteġi aħjar l-annimali użati fl-esperimenti xjentifiċi

Il-Parlament Ewropew ivvota favur reviżjoni tal-leġislazzjoni dwar l-annimali użati għal għanijiet xjentifiċi. Il-leġislazzjoni riveduta, li oriġinarjament kienet proposta mill-Kummissjoni Ewropea fl-2008, se ssaħħaħ il-protezzjoni tal-annimali li għadhom meħtieġa għar-riċerka u għall-ittestjar tas-sikurezza. Id-Direttiva l-ġdida se jkollha wkoll rwol sinifikanti fit-tnaqqis tal-għadd ta' annimali użati fl-esperimenti, u se tirrikjedi li fejn hu possibbli jintużaw alternattivi, filwaqt li toffri garanzija ta' kundizzjonijiet ugwali għall-industrija tal-UE u titjib fil-kwalità ta' riċerka li ssir fl-UE.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Il-vot tal-lum jagħlaq proċess twil ta' negozjati, li wera kemm huma sensittivi u importanti l-kwistjonijiet involuti. Madankollu, kulħadd qabel li huwa importanti ħafna li s-sitwazzjoni ta' dawk l-annimali li għadhom meħtieġa għar-riċerka xjentifika u għall-ittestjar tas-sikurezza titjieb, filwaqt li jinżamm standard għoli ta' riċerka u titjieb il-konċentrazzjoni fuq it-tiftix ta' metodi alternattivi ta' ttestjar fuq l-annimali. L-Unjoni Ewropea dalwaqt se jkollha l-ogħla standards fid-dinja ta' ħarsien tal-annimali sperimentali."

Standards aħjar

Permezz tar-reviżjoni tad-Direttiva 86/609/KEE il-Kummissjoni fittxet li ssaħħaħ il-leġislazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tal-annimali użati għal għanijiet sperimentali. Fost l-iktar bidliet sinifikanti li se jiżguraw dan hemm ir-rekwiżit li jitwettqu l-evalwazzjonijiet etiċi qabel l-awtorizzazzjoni ta' proġetti li fihom jintużaw l-annimali u wkoll l-aġġornament tal-istandards tal-post fejn jgħixu u tal-kura tal-istess annimali.

Id-Direttiva l-ġdida tkopri l-annimali użati fl-edukazzjoni u t-taħriġ u r-riċerka bażika. Tkopri l-annimali vertebrati ħajjin li mhumiex umani kif ukoll ċerta speċi oħrajn li jistgħu jħossu l-uġigħ. L-użu ta' primati mhux umani huwa suġġett għal restrizzjonijiet. Id-Direttiva l-ġdida tintroduċi wkoll projbizzjoni tal-użu ta' xadini kbar fil-proċeduri xjentifiċi. Huwa biss meta s-sopravivenza tal-ispeċi nfisha tkun fil-periklu, jew f'każ li titfaċċa, b'mod mhux mistenni, marda li tipperikola l-ħajja jew li hija debilitanti fil-bnedmin, li Stat Membru jista' eċċezzjonalment jingħata permess li jużahom.

Titjib fil-protezzjoni tal-annimali sperimentali

Fil-preżent il-projbizzjoni totali tal-użu tal-annimali għall-ittestjar ta' sikurezza jew għar-riċerka bijomedika mhijiex possibbli. Għalhekk ir-reviżjoni tfittex li tiżgura li l-annimali jkunu użati biss fejn mhemmx mezzi oħra disponibbli. L-użu tagħhom irid ikun totalment ġustifikabbli u l-benefiċċji mistennija għandhom ikunu aktar mill-ħsara kkawżata lill-annimali. Id-Direttiva l-ġdida għandha tiżgura wkoll li l-annimali jirċievu kura u trattament kif suppost bħal ma huma gaġeġ ta' daqs xieraq u ambjent adattat għal kull speċi. Dawn id-dispożizzjonijiet se jkunu ssorveljati b'mod kontinwu.

Għall-ewwel darba, il-leġislazzjoni se tagħmel l-awtorizzazzjoni għall-proġetti kollha obbligatorja. Faċilitajiet li jixtiequ jrabbu, jipprovdu jew jużaw l-annimali se jkunu obbligati jiksbu awtorizzazzjoni biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom. Flimkien ma' edukazzjoni u taħriġ xierqa, l-istaff li jaħdem mal-annimali għandu wkoll jagħti prova tal-kompetenza tiegħu qabel ma jibda jaħdem mal-annimali mingħajr superviżjoni.

Tiftix għall-alternattivi

Il-prinċipju tat-"Three Rs", replacing, reducing, refining (sostituzzjoni, tnaqqis u raffinament) tal-ittestjar fuq l-annimali huwa ankrat sew fil-leġislazzjoni l-ġdida. Il-Kummissjoni tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha lill-isforzi li jsiru biex jinstabu metodi alternattivi ta' ttestjar fuq l-annimali. Fejn dan mhux possibbli, l-għadd ta' annimali użati għandu jitnaqqas jew il-metodi ta' ttestjar għandhom ikunu rfinati sabiex jikkawżaw l-inqas ħsara possibbli lill-annimali. Sabiex l-iżvilupp ta' metodi alternattivi jingħata spinta 'il quddiem, id-Direttiva l-ġdida se jkollha bżonn l-istabbilment ta' Laboratorju ta' Referenza fuq livell tal-Unjoni Ewropea. Il-Laboratorju se jkun responsabbli mill-koordinazzjoni u l-promozzjoni tal-iżvilupp u l-użu ta' alternattivi għall-proċeduri tal-annimali, u jkompli x-xogħol li sar s'issa miċ-Ċentru Ewropew għall-Validazzjoni ta' Metodi Alternattivi (ECVAM). L-Istati Membri huma mitluba jagħtu l-kontribut tagħhom f'din l-attività kruċjali billi jidentifikaw u jinnominaw laboratorji xierqa speċjalizzati u kkwalifikati, kif ukoll għandhom jiżguraw il-promozzjoni ta' metodi alternattivi fuq livell nazzjonali.

Applikazzjoni tal-liġi l-ġdida

L-Istati Membri se jkollhom 24 xahar biex jadottaw u jippubblikaw leġislazzjoni nazzjonali li se tittrasponi d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Id-Direttiva l-ġdida għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2013.

Għal aktar tagħrif:

Il-paġna tal-Internet tal-Kummissjoni dwar l-annimali tal-laboratorju http://ec.europa.eu/environment/chemicals/lab_animals/home_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website