Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1104

Brussell, it-9 ta' Settembru 2010

Azzjonijiet Marie Curie: Numru rekord ta' applikazzjonijiet għall-għotjiet tal-UE għar-riċerka

Kważi 5000 riċerkatur applikaw għall-boroż ta' studju għall-fellowship Marie Curie ffinanzjati mill-UE din is-sena, żieda ta' 20 % fuq is-sena l-oħra u ta' 70 % fuq l-2008. Madwar 800 fellowship li jilħqu total ta' EUR 150 miljun se jingħataw lil riċerkaturi li qed jaħdmu fuq proġetti sa massimu ta' tliet snin f'pajjiż ieħor. Għall-ewwel darba, hija disponibbli kategorija ta' finanzjament għar-riċerkaturi li jridu jerġgħu jibdew il-karriera tagħhom wara waqfa.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura u l-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, stqarret: "L-investiment tal-UE fl-edukazzjoni ogħla u fir-riċerka huwa kruċjali minħabba li jgħin lill-Ewropa tikkompeti fix-xena globali. Jikkontribwixxi wkoll għall-miri tal-Ewropa 2020 billi jagħmilha aktar faċli għall-proġetti ta' riċerka komuni madwar l-UE. In-numru għoli ta' applikanti għall-fellowships Marie Curie tagħna jenfasizza l-importanza li l-komunità tar-riċerka tagħti lill-iskema u l-esperjenza internazzjonali li toffri."

Ir-riċerkaturi dinamiċi fi triqithom

Aktar minn 15 000 riċerkatur irċevew fellowships Marie Curie individwali minn meta dawn ġew introdotti fl-1990. Ir-riċerkaturi b'Dottorat jew b'mill-inqas erba' snin ta' esperjenza fir-riċerka jistgħu japplikaw għal fellowship. Huwa disponibbli appoġġ għar-riċerkaturi li qed jaħdmu kemm fl-Ewropa kif ukoll f'partijiet oħra tad-dinja. Il-fellowships huma miftuħa wkoll għall-aqwa riċerkaturi barra l-UE li jixtiequ jwettqu r-riċerka fl-Ewropa.

L-applikazzjonijiet għall-boroż ta' studju huma evalwati minn panil indipendenti ta' xjenzati Ewropej u internazzjonali magħrufa. Il-valutazzjoni hija msejsa fuq il-kwalità xjentifika tal-proġett u fuq l-impatt li din x'aktarx tħalli fuq il-kompetittività Ewropea, kif ukoll fuq l-eċċellenza tal-istituzzjoni li tospita u r-riċerkatur.

Minħabba fin-numru għoli ta' applikanti, l-aħjar proġetti biss huma ffinanzjati. Ir-riżultati tal-għażla ta' din is-sena huma mistennija għal tmiem is-sena.

Dawk li jingħataw fellowships Marie Curie jibbenefikaw minn taħriġ eċċellenti li jħejjihom għal impjiegi futuri. Huma jirċievu kuntratti ta' impjieg sa massimu ta' tliet snin kif ukoll kopertura sħiħa tas-sigurtà soċjali u pensjoni. Il-fellowships jinkludu wkoll kontribut għall-ispejjeż tar-riċerka u t-taħriġ.

Dr Charlotte Faurie, riċerkatriċi Franċiża li ngħatat fellowship biex taħdem fuq l-iżvilupp tat-tfal fl-Università ta' Sheffield fir-Renju Unit bejn l-2005 u l-2007 tiftakar: "Il-borża ta' studju Marie Curie tatni l-libertà u l-flessibbiltà li hija tant importanti meta tkun għadek qed issib postok u l-ispeċjalità tiegħek fid-dinja tax-xjenza." Hija konvinta li l-borża tal-istudju Marie Curie tat spinta lill-karriera tagħha billi kontribwiet biex issib pożizzjoni permanenti ta' riċerka fil-pajjiż tagħha.

Azzjonijiet Marie Curie

Barra mill-fellowships addizzjonali, l-azzjonijiet Marie Curie jappoġġaw ukoll il-kandidati dottorali, is-sħubijiet bejn l-akkademja u l-industrija, l-iskambji qosra u r-reintegrazzjoni tar-riċerakturi li jiġu lura minn barra.

Dawn huma parti mill-programm "Nies" li huwa parti mis-Seba' Programm ta' Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku. Fl-2011, l-azzjonijiet Marie Curie se jkollhom baġit totali ta' EUR 772 miljun u mistennija joħolqu 7 000 impjieg ġdid.

Biex issir taf iktar:

Għal iktar informazzjoni dwar l-Azzjonijiet Marie Curie, inkluż kif u meta tapplika: http://ec.europa.eu/research/mariecurieactions/

Esperjenzi ta' suċċess b'Marie Curie:

http://ec.europa.eu/research/mariecurieactions/docs/inspiring_researchers_en.pdf


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website