Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1103

Brussell, id-9 ta' Settembru 2010

L-Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni tikkonsulta dwar l-użu mill-ġdid tad-dejta tas-settur pubbliku

Il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika dwar id-Direttiva tal-UE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (PSI – Public Sector Information). L-informazzjoni tas-settur pubbliku tkopri kull tip ta' dejta ġġenerata minn entitajiet tas-settur pubbliku – pereżempju: mapep, informazzjoni meteoroloġika, legali, finanzjarja u ekonomika, u dwar it-traffiku – li tista' terġa' tintuża minn kwalunkwe utent fi prodotti innovattivi bħal sistemi ta' navigazzjoni tal-karozzi, tbassir tat-temp u applikazzjonijiet ta' informazzjoni dwar l-ivvjaġġar ("apps") li jistgħu jitniżżlu fuq smart phones. Skont studju li sar fl-2006 dejta pubblika li terġa tintuża (bla ħlas jew bi ħlas) tiġġenera dħul fis-suq stmat għal tal-anqas EUR 27 biljun fl-UE kull sena. Il-kontribuzzjonijiet għal din il-konsultazzjoni se jintużaw fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku, parti mid-Digital Agenda for Europe (l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa) li għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-UE ta' kompetittività u innovazzjoni ogħla u ta' ħolqien ta' impjiegi. Il-konsultazzjoni se tibqa' għaddejja sat-30 ta' Novembru 2010.

Il-Viċi President tal-Kummisssjoni għall-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes, qalet: "L-użu iktar u aħjar tal-informazzjoni tas-settur pubbliku għandu potenzjal kbir biex jiġġenera negozju ġdid u impjiegi ġodda u biex joffri lill-konsumaturi għażla akbar u valur ogħla għal flushom. Is-suq tal-apps mobbli, parzjalment ibbażat fuq dejta ġġenerata mill-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku, jista' jiżdied għal EUR 15-il biljun sal-2013. Madankollu, ħafna mill-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku fl-Ewropa mhix sfruttata biżżejjed jew saħansitra xejn. Din l-opportunità ma nistgħux nitilifuha. Jeħtieġ li nqisu kif u jekk ir-regoli tal-UE dwar l-użu mill-ġdid tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku jistgħux jiġu emendati biex il-potenzjal ekonomiku tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku jkun jista' jintuża liberament.

Il-partijiet kollha involuti huma mistiedna jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar kwistjonijiet ewlenin tal-użu mill-ġdid tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku u, b'mod partikulari, dwar emendi li jistgħu jsiru għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva attwali. Dawn għandhom x'jaqsmu mal-iskop, it-tariffi u l-liċenzjar ta' dejta, id-definizzjoni u l-format diġitali disponibbli għall-utenti; miżuri prattiċi bħall-ħtieġa li jiżdied l-għarfien permezz tal-portals nazzjonali tal-web; u l-effetti ta' bidliet li saru u/jew ostakli li għadhom jeżistu.

Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku hija waħda mill-azzjonijiet ewlenin tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa Digital Agenda for Europe (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200). Fl-istrateġija tal-politika tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat li l-gvernijiet jistgħu jistimulaw is-swieq tal-kontenut billi jqiegħdu l-informazzjoni tas-settur pubbliku disponibbli fuq termini trasparenti, effettivi u mhux diskriminatorji. Dan huwa sors importanti għal tkabbir potenzjali ta' servizzi innovattivi onlajn.

L-isfond

L-EU PSI Directive (id-Direttiva dwar l-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku tal-UE) ġiet adottata fis-17 ta' Novembru 2003. Din tirregola l-imġiba tal-entitajiet tas-settur pubbliku li jipparteċipaw fis-suq għall-użu mill-ġdid ta' dejta pubblika u tinkoraġġixxi l-pajjiżi tal-UE biex jadottaw politiki proattivi għall-użu mill-ġdid tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku. Id-Direttiva għenet sabiex jitneħħew xi wħud mill-ostakli għall-użu mill-ġdid, bħal pożizzjonijiet ta' monopolju ta' entitajiet tas-settur pubbliku jew nuqqas ta' trasparenza fis-suq għal dejta pubblika li tista' terġa tintuża.

Fl-2009, il-Kummissjoni rrevediet il-mod kif ir-regoli tal-UE dwar l-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku kienu qed jiġu applikati (Commission reviewed), u kkonfermat li l-użu mill-ġdid ta' din l-informazzjoni kienet qed tiżdied u li l-Istati Membri u l-entitajiet tas-settur pubbliku ħadu miżuri biex jiffaċilitaw dan. Id-Direttiva tal-2003 kellha impatt pożittiv fuq bosta oqsma bħas-setturi ġeografiċi u meteoroloġiċi. Madankollu, il-Kummissjoni wissiet ukoll li biex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbiku fl-ekonomija tal-UE, l-Istati Membri tal-UE għandhom iwarrbu l-ostakli għall-użu mill-ġdid li fadal. Dawn jinkludu diskriminazzjoni bejn utenti potenzjali, tariffi eċċessivi għall-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku u politiki kumplessi ta' liċenzjar. Ġibdet l-attenzjoni wkoll għal problemi prattiċi bħal nuqqas ta' għarfien dwar x'tip ta' informazzjoni tas-settur pubbliku hija disponibbli, u entitajiet tas-settur pubbliku li ma jagħrfux il-potenzjal ekonomiku tad-dejta tagħhom.

Il-Kummissjoni kkonkludiet li d-Direttiva tal-2003 fil-forma attwali tagħha għadha ma laħqitx l-impatt sħiħ tagħha u ddeċidiet li tagħmel reviżjoni oħra mhux aktar tard mill-2012, meta tkun disponibbli aktar evidenza tal-impatt, l-effetti u l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-informazzjoni tas-settur pubbliku. Din ir-reviżjoni hija waħda mill-Azzjonijiet Ewlenin tal-Aġenda Diġital għall-Ewropa. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni se jikkontribwixxu għar-reviżjoni.

Is-sit tal-internet għal konsultazzjoni onlajn dwar id-Direttiva tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku:

http://ec.europa.eu/yourvoice/ipm/forms/dispatch?form=psidirective2010

Is-sit tal-internet tal-Kummissjoni għall-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/psi/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website