Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1100

Brussell, it-8 ta' Settembru 2010

Proċeduri tal-asil: Il-Kummissjoni tidentifika nuqqasijiet fl-istandards komuni eżistenti

Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-istandards minimi tal-proċeduri tal-għoti u t-tneħħija tal-istatus ta' refuġjat juri li għad hemm differenzi konsiderevoli madwar l-UE għal dak li għandu x'jaqsam ma' garanziji proċedurali. Barra minn hekk, l-ambigwità tal-istandards stabbiliti mid-Direttiva u n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali jistgħu jwasslu għal żbalji amministrattivi. Fil-21 ta' Ottubru 2009 l-Kummissjoni adottat proposta għar-riformulazzjoni tad-Direttiva sabiex jinstab rimedju għal dawn in-nuqqasijiet.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni, Cecilia Malmström, qalet: "Għad fadal diverġenzi sinifikanti bejn il-proċeduri nazzjonali tal-asil u r-regoli attwali ma jeliminawx għal kollox il-possibbiltà ta' żbalji amministrattivi. Jiena nsejjaħ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jadottaw l-emendi li pproponiet il-Kummissjoni fl-2009 biex jinstab rimedju għal din is-sitwazzjoni". Hija żiedet tgħid: "Il-Kummissjoni ser tibqa' teżamina u ssegwi l-każi kollha fejn ġew identifikati problemi marbuta mal-implimentazzjoni, biex b'hekk tiżgura l-applikazzjoni korretta tad-Direttiva, partikolarment fir-rigward tar-rispett tal-prinċipju tan-non-refoulement u għad-drittijiet l-oħrajn stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, u kif ukoll biex jitnaqqas l-ambitu tad-diverġenzi."

Id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil kienet tfasslet biex tistabbilixxi standards minimi għal proċeduri ġusti u effiċjenti fir-rigward tal-għoti u t-tneħħija tal-istatus ta' refuġjat.

Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha jitfa' dawl fuq il-fatt li l-għan li jinħolqu kundizzjonijiet li jkunu l-istess għal kulħadd, fejn jidħlu l-proċeduri tal-asil, ma ntlaħaqx bis-sħiħ. Uħud mid-dispożizzjonijiet fakultattivi u l-klawsoli ta' deroga tad-Direttva kkontribwixxew għat-tixrid ta' arranġamenti diverġenti madwar l-UE; konsegwentement, il-garanziji proċedurali jvarjaw konsiderevolment bejn l-Istati Membri. Dan jidher biċ-ċar fir-rigward tad-dispożizzjonijeit dwar proċeduri aċċellerati, 'pajjiżi ta' oriġini sikur', 'pajjiż terz sikur', intervisti personali, assistenza legali, u aċċess għal rimedju effettiv.

Ġew identifikati wkoll għadd ta' każi fejn it-traspożizzjoni ma saritx għalkollox u/jew saret b'mod inkorrett u kif ukoll każijiet ta' nuqqasijiet fl-implimentazzjoni.

Konsegwentement, il-proċeduri jistgħu jkunu suxxettibbli għal żbalji amministrattivi: għadd sinifikanti ta' deċiżjonijiet li ttieħdu f'każijiet individwali jispiċċaw jinqalbu fl-appell, billi jkunu bbażati fuq kriterji li mhumiex ċari u preċiżi biżżejjed.

Abbażi ta' evalwazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Proċeduri, fil-21 ta' Ottubru 2009 l-Kummissjoni adottat proposta dwar ir-riformulazzjoni tad-Direttiva sabiex jinstab rimedju għal dawn in-nuqqasijiet, għas-simplifikazzjoni u l-konsolidament tal-proċeduri u għat-titjib kemm tal-kwalità tad-deċiżjonijiet ta' prim' istanza u kif ukoll tal-effiċjenza ġenerali tal-proċess tal-asil madwar l-UE. Il-kwalità u l-effiċjenza tal-proċess tal-asil ser ikunu t-temi ewlenin ta' Konferenza Ministerjali li ser issir fit-13 u l-14 ta' Settembru fi Brussell. Ir-rapport attwali ser iservi wkoll ta' sfond għad-diskussjonijiet.

Sfond

Bejn l-1 ta' Jannar 20081 u l-31 ta' Diċembru 2009, l-għadd ta' applikazzjonijiet għall-asil li ġew irreġistrati mis-26 Stat Membru marbuta bl-ADP kien ta' 492,995. Matul l-istess perjodu, dawn l-Istati Membri ħarġu 444,165 deċiżjoni ta' prim' istanza u 125,785 deċiżjoni ta' appell2.

L-iskadenza għat-traspożizzjoni tal-parti l-kbira tad-Direttiva kienet fl-1 ta' Diċembru 2007, filwaqt li l-Artikolu 15, li jikkonċerna l-assistenza legali, kellu jiġi ttraspost sal-1 ta' Diċembru 2008.

Wara l-għeluq ta' dawn l-iskadenzi, infetħu proċeduri ta' ksur fil-konfront tal-Istati Membri kollha li naqsu milli jikkomunikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom: il-Kummissjoni bagħtet 17-il avviż ta' tqegħid fil-mora u 5 opinjonijiet motivati.

Bħalissa, l-Istati Membri kollha nnotifikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni sħiħa għajr l-Irlanda. Il-Kummissjoni kienet ħadet deċiżjoni biex tirreferi lill-Belġju u lill-Irlanda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għaliex naqsu milli jinnotifikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni sħiħa (IP/10/808), u fetħet proċedimenti ta' ksur kontra l-Greċja, fir-rigward tan-nuqqas tagħha li timplimenta adegwatament diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Madanakollu, riċentement il-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri ta' traspożizzjoni li huwa qed iqis bħala sħaħ. Bħalissa dawn qegħdin jiġu analizzati bil-għan li jiġi aċċertat jekk dawn fil-fatt ifissrux li l-Belġju wettaq traspożizzjoni sħiħa.

Fil-21 ta' Ottubru tal-2009, il-Kummissjoni ressqet proposta dwar l-emendar tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil (IP/09/1552), bil-għan li:

  • tipprovdi proċedura unika billi tiżgura s-simplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri tal-asil, u kif ukoll tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-Istati Membri;

  • tiffaċilita l-aċċess għal proċeduri ta' eżami. Il-persuni li jkunu jixtiequ jitfgħu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandhom jingħataw l-informazzjoni u l-pariri rilevanti fl-aktar stadju bikri tal-preżenza tagħhom fit-territorju. L-għassiesa tal-fruntiera, il-pulizija u l-awtoritajiet l-oħrajn li jkollhom l-ewwel kuntatt mal-persuni li jfittxu protezzjoni ser ikollhom idea aktar ċara dwar kif jittrattawhom;

  • ittejjeb l-effiċjenza tal-proċess ta' eżami tal-applikazzjoni. Waħda mill-aktar miżuri importanti hija l-introduzzjoni ta' skadenza ġenerali ta' sitt xhur għat-tlestija tal-proċeduri fi prim' istanza. Il-proposta tipprovdi għal perjodu tranżitorju ta' tliet snin sabiex l-Istati Membri jingħataw iż-żmien biex jadattaw għal din l-iskadenza. Barra minn hekk din tissimplifika u tiċċara l-kunċetti u l-modi proċedurali bħall-kunċett ta' "pajjiż ta' oriġini sikur", l-obbligu ta' applikanti għal asil li jikkoperaw mal-awtoritajiet nazzjonali jew il-proċeduri aċċellerati.

  • ittejjeb il-kwalità ta' deċiżjonijiet ta' asil. Il-proposta ttejjeb il-garanziji proċedurali, partikolarment għal persuni vulnerabbli bħall-vittmi ta' tortura u tfal mhux akkumpanjati. Il-persunal involut mal-applikanti għal asil għandu jkollu l-kompetenza xierqa.

  • tiżgura l-aċċess għal rimedju effettiv għall-applikanti għal asil f'konformità mal-obbligi Komunitarji u internazzjonali tal-Istati Membri. Il-proposta tiddikjara biċ-ċar li l-qrati jew it-tribunali għandhom jerġgħu jagħtu ħarsa lejn deċiżjonijiet ta' prim' istanza kemm fir-rigward ta' fatti u kif ukoll b'rabta ma' punti ta' dritt u tistabbilixxi regoli ċari dwar l-effett sospensiv tal-appelli. L-emendi jiżguraw il-konsistenza mal-każistika li qiegħda tevolvi dwar id-dritt għal difiża, il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-mezzi u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

1 :

Id-Deċiżjonijiet inklużi f'dan il-paragrafu fuq talbiet li saru qabel l-1.12.2007 ma ġewx inklużi mid-Direttiva.

2 :

Madanakollu, id-dejta dwar id-deċiżjonijiet ta' appell mhijiex kompluta għaliex 3 Stati Membri ma tawx dejta għall-2008 filwaqt li 9 Stati Membri ma tawx dejta għall-2009.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website