Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1097

Strasburgu, is-7 ta' Settembru 2010

Il-Kummissjoni Ewropea ser tivvaluta l-użu li qegħdin jagħmlu l-Istati Membri mill-fondi għall-integrazzjoni tar-Roma

Illum il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet ir-Roma Task Force biex tivvaluta l-użu li qegħdin jagħmlu l-Istati Membri mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. Il-proposta kienet parti minn rapport dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fi Franza u fl-Ewropa mill-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE responsabbli mill-Ġustizzja; László Andor, il-Kummissarju tal-UE għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni; u Cecilia Malmström, il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni. It-Task Force ser tanalizza x'azzjoni qegħdin jieħdu l-Istati Membri fir-rigward tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' April (IP/10/407); MEMO/10/121), li sejħet għal programmi konkreti li jgħinu lir-Roma jintegraw. It-Task Force ser tivvaluta l-użu li qegħdin jagħmlu l-Istati Membri mill-fondi tal-UE għall-integrazzjoni tar-Roma u tidentifika l-modi kif tista' ttejjeb l-effikaċja tal-fondi. L-ewwel sejbiet tat-Task Force ser jitressqu quddiem il-Kulleġġ tal-Kummissarji sal-aħħar tas-sena. Il-Kummissjoni ser iżżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informati dwar is-sejbiet tat-Task Force fuq bażi regolari.

Il-Kummissjoni Ewropea, f'laqgħa li saret illum wara nofsinhar fi Strasburgu, approvat il-punti ta' azzjoni tar-rapport wara diskussjoni dwar is-sitwazzjoni tar-Roma. Minbarra l-ħolqien tat-Task Force, il-Kummissjoni sejħet biex il-Presidenza Belġjana tal-Kunsill Ewropew tagħmel laqgħa konġunta tal-Ministri tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet Soċjali mill-aktar fis possibbli biex jiġi identifikat użu aktar iffokat tal-fondi nazzjonali u tal-fondi kumplimentari tal-UE għall-promozzjoni tal-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma. Il-laqgħa tal-Kunsill għandha tiġi segwita minn laqgħat ta' kull sena fil-livell ministerjali. Il-Kummissjoni ser torganizza wkoll laqgħat regolari ta' uffiċjali ċivili ta' livell għoli biex jiġi analizzat il-progress tal-integrazzjoni tar-Roma fl-Istati Membri kollha tal-UE.

Il-Kummissjoni sejħet biex presidenzi futuri tal-Kunsill jindirizzaw il-prijoritajiet identifikati fil-Programm li ntlaħaq ftehim dwaru f'Ġunju tal-2010 mill-Pjattaforma Ewropea dwar l-inklużjoni tar-Roma. F'dan il-kuntest, għandu jiġi intensfikat id-djalogu mar-rappreżentanti tal-komunità tar-Roma.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ser tkompli ssegwi l-miżuri meħuda mill-Istati Membri kollha fir-rigward tar-Roma fil-kuntest tal-liġi tal-UE dwar il-moviment liberu, in-non-diskriminazzjoni u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Sfond

L-istituzzjonijiet tal-UE taw finanzjament sostanzjali taħt il-Fondi tal-UE bħala appoġġ u li jikkumplimentaw l-azzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-integrazzjoni tar-Roma.

  • Mis-27 Stat Membru, 12-il Stat Membru (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Spanja, il-Finlandja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja) daħħlu fis-seħħ programmi ta' appoġġ li jiffokaw fuq ir-Roma (fost gruppi vulnerabbli oħrajn) għal baġit totali li jammonta għal EUR 17.5 biljun (inkluż EUR 13.3 biljun mill-Fond Soċjali Ewropew). Dan jirrapreżenta 27% tal-baġit totali tagħhom mill-Fond Soċjali Ewropew.

  • F'Mejju 2010, wara proposta tal-Kummissjoni biex isir tibdil f'Regolament, issa l-Istati Membri jistgħu jużaw il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali biex jgħinu lil gruppi vulnerabbli, bħar-Roma, fil-qasam tad-djar.

Ir-rapport tat-tliet Kummissarji sar wara laqgħa mal-awtoritajiet Franċiżi u Rumeni fil-31 ta' Awwissu dwar is-sitwazzjoni tal-komunità tar-Roma fi Franza. Fit-3 ta' Settembru saret laqgħa ta' segwitu fuq livell tekniku mal-awtoritajiet Franċiżi biex jiġu ċċarati dubji dwar kwistjonijiet relatati mal-moviment liberu. Il-Kummissjoni ser tibqa' ssegwi s-sitwazzjoni fi Franza u kif ukoll fl-Istati Membri l-oħrajn kollha. Hija tinsab lesta li taġixxi ta' intermedjarju bejn l-Istati Membri u li ssegwi u tivvaluta l-progress li qiegħed isir b'rabta mal-integrazzjoni tar-Roma.

Għal aktar informazzjoni

Persuni Roma li jgħixu fl-UE: Mistoqsijiet frekwenti - MEMO/10/383

Il-Kamra tal-aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna fuq l-internet tal-Viċi-President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website